Language of document : ECLI:EU:C:2011:649

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’Ottubru 2011 (*)

“Artikolu 101(1) u (3) TFUE – Regolament (KE) Nru 2790/1999 – Artikoli 2 sa 4 – Kompetizzjoni – Prattika restrittiva – Netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva – Kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali – Projbizzjoni ġenerali u assoluta ta’ bejgħ permezz tal-internet – Projbizzjoni imposta mill-fornituri fuq id-distributuri awtorizzati”

Fil-Kawża C-439/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d’appel de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS

vs

Président de l’Autorité de la concurrence,

Ministre de l’Économie, de l’Industrie et de l’Emploi,

fil-preżenza ta’:

Ministère public,

Il-Kummissjoni Ewropea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, T. von Danwitz, u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS, minn J. Philippe, avukat,

–        għall-Président tal-Autorité de la concurrence, minn B. Lasserre u F. Zivy, kif ukoll minn I. Luc u L. Gauthier-Lescop,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn M. Massella Ducci Teri, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P.J.O. Van Nuffel u A. Bouquet, bħala aġenti,

–        għall-Autorité de surveillance AELE, minn O. Einarsson u F. Simonetti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) u (3) KE u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament u, sussidjarjament, fir-riforma ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique SAS (iktar ’il quddiem “Pierre Fabre Dermo-Cosmétique”, kontra d-deċiżjoni Nru 08‑D‑25 tad-29 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) tal-Conseil de la concurrence (li sar l-Autorité de la concurrence mit-13 ta’ Jannar 2009), fir-rigward tal-projbizzjoni li saret minn Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique, kontenuta fil-kuntratti tagħha ta’ distribuzzjoni selettiva, lid-distributuri li hija kienet għażlet minn qabel, milli jbigħu permezz tal-internet il-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali, u dan bi ksur għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L, 420-1 tal-kodiċi kummerċjali kif ukoll tal-Artikolu 81 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-għaxar premessa tar-Regolament Nru 2790/1999 tippreċiża:

“Dan ir-Regolament m’għandux jeżenta ftehim vertikali li jkollhom restrizzjonijiet li m’humiex indispensabbli għall-kisba ta’ l-effetti pożittivi msemmija hawn fuq; b’mod partikolari, ftehim vertikali li jkollhom ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severament kontra l-kompetittività bħal ma huma prezzijiet iffissati għal bejgħ, kif ukoll ċerti tipi ta’ protezzjoni territorjali, għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni ġenerali mwaqqfa b’dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem tas-suq li għandhom l-intrapriżi konċernati.”

4        L-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 2790/1999 jiddefinixxi “Sistema selettiva tad-distribuzzjoni” bħala “sistema tad-distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizi tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lid-distributuri biss magħżula abbażi ta’ kriterja speċifikata u fejn dawn id-distributuri jaċċettaw li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li m’humiex awtorizzati”.

5        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2790/1999 jipprovdi:

“Skond l-Artikolu 81(3) tat-Trattat [Artikolu 101(3) TFUE], u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa dikjarat li l-Artikolu 81(1) [Artikolu 101(1) TFUE] m’għandux japplika għal ftehim jew prattiċi miftiehma li ddaħlu bejn żewġ intrapriżi jew aktar li kull wieħed minnhom jopera, għall-għanijiet tal-ftehim, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni, u li tirrelata mal-kondizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi (iktar ’il quddiem imsemmija ‘ftehim vertikali’).

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-punt li dawn il-ftehim ikollhom restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 81(1) [Artikolu 101(1) TFUE] (iktar ’il quddiem imsemmija ‘restrizzjonijiet vertikali’).”

6        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, “[…] l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artkolu 2 għandha tapplika fuq il-kondizzjoni li s-sehem tas-suq miżmum mill-fornitur ma jkunx aktar minn 30 % tas-suq relevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt”.

7        L-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 2790/1999 jipprovdi li l-eżenzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81 (1), [Artikolu 101(1) TFUE], tat-Trattat ma għandhiex tapplika għall-ftehim vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala oġġett:

“[…]

(ċ)      ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lil konsumaturi aħħarija minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li taħdem fil-livell ta’ kummerċ ta’ bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun projbit milli jopera minn post ta’ stabbiliment li m’huwiex awtorizzat;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L-Artikolu L 420-1 tal-kodiċi kummerċjali Franċiż jipprovdi:

“Huma pprojbiti anki jekk imwettqa direttament jew indirettament minn kumpannija tal-grupp stabbilit barra minn Franza, meta huma għandhom bħala għan jew jista’ jkollhom bħala għan li jimpedixxu, jirrestrinġu jew ixekklu l-kompetizzjoni fis-suq, l-azzjonijiet miftiehma, ftehim, akkordji espressi jew taċiti jew koalizzjonijiet, b’mod partikolari meta huma għandhom bħala għan li:

1°      Jillimitaw l-aċċess għas-suq jew l-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni minn impriżi oħra;

2°      Jostakolaw l-iffissar tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-funzjonament ħieles tas-suq billi jiġi ffavorit b’mod artifiċjali ż-żieda jew it-tnaqqis tagħhom;

3°      Jillimita jew jikkontrolla l-produzzjoni, l-iżblokki, l-investimenti jew il-progress tekniku;

4°      il-qsim tas-swieq jew is-sorsi ta’ forniment.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Pierre Fabre Dermo-Cosmétique hija waħda mill-kumpanniji tal-grupp Pierre Fabre. Hija għandha bħala attività l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali u għandha numru ta’ kumpanniji sussidjarji fosthom, b’mod partikolari, il-laboratorji Klorane, Ducray, Galénic u Avène, li l-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali tagħhom huma mibjugħa, taħt dawn it-trade marks, fil-parti l-kbira permezz tal-ispiżeriji, fis-suq Franċiż kif ukoll fis-suq Ewropew.

10      Il-prodotti inkwistjoni huma kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali li ma jaqgħux fil-kategoirja tal-mediċini u konsegwentement jaħarbu l-monopolju tal-ispiżjara previst mill-kodiċi tas-saħħa pubblika.

11      Għas-sena 2007, il-grupp Pierre Fabre kellu 20 % tas-suq Franċiż ta’ dawn il-prodotti.

12      Il-kuntratti ta’ distribuzzjoni tal-imsemmija prodotti li jikkonċernaw it-trade marks Klorane, Ducray, Galénic u Avène jippreċiżaw li l-bejgħ għandu jsir esklużivament fi spażju fiżiku, fil-preżenza obbligatorja ta’ gradwat fil-farmaċija.

13      L-Artikoli 1.1 u 1.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali tad-distribuzzjoni u tal-bejgħ tat-trade marks jippreċiżaw:

“Id-distributur awtorizzat għandu jiġġustifika l-preżenza fiżika u permanenti fil-punt ta’ bejgħ tiegħu, u fil-ħin kollu tal-ftuħ tiegħu, ta’ għall-inqas persuna speċjalment kwalifikata permezz tat-taħriġ tagħha sabiex:

tikseb konoxxenza perfetta tal-karatteristiċi tekniċi u xjentifiċi tal-prodotti […], neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi tal-eżerċizzju professjonali […]

tagħti, b’mod abitwali u kostanti, lill-konsumatur l-informazzjoni kollha dwar l-użu korrett tal-prodotti […]

tagħti pariri immedjatament u fil-punt tal-bejgħ, dwar il-prodott […] l-iktar adattat għall-problema speċifika ta’ iġene jew tal-kura, b’mod partikolari tal-ġielda u tax-xahar u d-dwiefer, li jiġu sottoposti lilha.

Il-persuna kwalifikata għal dan il-għan, għandha jkollha diploma ta’ Spiżjar maħruġ jew rikonoxxut fi Franza […]

Id-distributur awtorizzat għandu jintrabat li jagħti il-prodotti biss […] f’punt ta’ bejgħ materjali u individwali […]”

14      Dawn ir-rekwiżiti jeskludu de facto kull forma ta’ bejgħ bl-internet.

15      Permezz ta’ deċiżjoni datata s-27 ta’ Ġunju 2006, l-Autorité de la concurrence wettqet ex officio eżami tal-prattiċi implementati fis-settur tad-distribuzzjoni tal-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali.

16      Permezz ta’ Deċiżjoni Nru 07-D-07 tat-8 ta’ Marzu 2007, l-Autorité de la concurrence aċċettat u għamlet obbligatorji l-impennji proposti mill-impriżi kkonċernati flimkien, bl-eċċezzjoni ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique, li tikkonsisti f’li jiġu modifikati l-kuntratti tagħhom ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex tiġi prevista l-possibbiltà għall-membri tan-netwerk tagħhom, suġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li jinbiegħu l-prodotti tagħhom permezz tal-internet. Fir-rigward ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique, il-proċedura miftuħa fir-rigward tagħha komplew.

17      Fil-proċedura amministrattiva, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique spjegat li l-prodotti inkwistjoni, minn natura tagħhom, jeħtieġu l-preżenza fiżika ta’ gradwat fil-farmaċija fuq il-post tal-bejgħ fil-ħinijiet kollha tal-ftuħ, sabiex dan il-klijent ikun jista’, fiċ-ċirkustanzi kollha, jitlob u jikseb il-parir personalizzat ta’ speċjalista, ibbażat fuq l-osservazzjoni diretta tal-ġilda tiegħu, ta’ xagħru jew tal-ġilda tar-rasu.

18      Peress li jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, l-Autorité de la concurrence analizzat il-prattika inkwistjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni Franċiża u tad-dritt tal-Unjoni.

19      Fid-deċiżjoni kkontestata, l-Autorité de la concurrence, l-ewwel nett, sostniet li projbizzjoni ta’ bejgħ permezz tal-internet kienet ekwivalenti għal limitazzjoni tal-libertà kummerċjali tad-distributuri ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique permezz tal-esklużjoni ta’ mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tillimita l-għażla tal-konsumaturi li jixtiequ jixtru permezz tal-internet u, fl-aħħar nett, kienet tipprojbixxi l-bejgħ lix-xerrejja finali li ma humiex fiż-żona ta’ referenza “fiżika” tad-distributur awtorizzat. Skont l-imsemmija awtorità, din il-limitazzjoni għandha neċessarjament għan restrittiv tal-kompetizzjoni, li tiġi miżjuda mal-limitazzjoni inerenti għall-għażla stess tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva mill-produttur, li tillimita n-numru ta’ distributuri awtorizzati sabiex jiddistribwixxu l-prodott u tipprojbixxi lid-distributuri milli jbigħu l-prodott lil distributuri mhux awtorizzati.

20      Peress li s-sehem mis-suq ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique hija inqas minn 30 %, l-Autorité de la concurrence eżaminat jekk il-prattika restrittiva tal-kompetizzjoni setgħetx tibbenefika mill-eżezjoni permezz tal-kategorija prevista mir-Regolament Nru 2790/1999. Issa, peress li l-prattika ta’ projbizzjoni tal-bejgħ permezz tal-internet ma tkunx speċifikament koperta minn dan ir-regolament, din hija ekwivalenti għal projbizzjoni tal-bejgħ attivi u passivi. Konsegwentement, il-prattika taqa’ taħt l-Artikolu 4(ċ) tal-imsemmi regolament, li jeskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni awtomatika skont il-kategorija ta’ restrizzjonijiet tal-bejgħ attivi jew passivi lill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.

21      Skont l-Autorité de la concurrence, il-projbizzjoni ta’ bejgħ permezz tal-internet ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 li skont din dawn ir-restrizzjonijiet tal-bejgħ huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jiġi pprojbit milli jopera “minn post ta’ stabbiliment li mhuwiex awtorizzat”. Fil-fatt, l-internet ma jkunx post ta’ kummerċjalizazzjoni, iżda mezz ta’ bjegħ alternattiv użat għall-bejgħ dirett f’ħanut jew il-bejgħ bil-korrispondenza mid-distributuri ta’ netwerk li għandu punti ta’ bejgħ fiżiċi.

22      Barra minn hekk, l-Autorité de la concurrence sostniet li Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique ma wriex li hija setgħet tibbenefika minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE, u l-paragrafu 1 tal-Artikolu L, 420-4 tal-kodiċi kummerċjali.

23      F’dan ir-rigward, l-imsemmija awtorità ċaħdet l-argument ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique li skont din il-projbizzjoni inkwistjoni tal-bejgħ bl-internet tikkontribwixxi sabiex ittejjeb id-distribuzzjoni tal-prodotti dermo‑cosmétiques billi tevita r-riskji tal-prodotti foloz u tal-parassitiżmu bejn l-ispiżeriji reġistrati. L-għażla li saret minn Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, bil-preżenza ta’ spiżjar fil-postijiet tal-bejgħ, tiggarantixxi li s-servizz tal-konsulenza tingħata fl-ispiżeriji kollha reġistrati u li kull waħda minnhom tkopri l-ispejjeż.

24      Bħala risposta għall-argument ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique fuq in-neċessità tal-preżenza fiżika ta’ spiżjar fix-xiri tal-prodotti inkwistjoni, sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumatur, l-Autorité de la concurrence l-ewwel nett sostniet li l-prodotti kkonċernati ma kinux mediċini. B’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni partikolari li hija s-suġġett tagħha tirrigwarda r-regoli li japplikaw għall-produzzjoni tagħhom u mhux għad-distribuzzjoni tagħhom li hija ħielsa, u, barra minn hekk, l-għoti ta’ djanjożi ma taqax fis-setgħat ta’ spiżjar, huwa biss it-tabib li jista’ jagħmel dan. L-Autorité de la concurrence sussegwentement ittrasponiet il-ġurisprudenza Deutscher Apothekerverband (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, C‑322/01, Ġabra p. I‑14887), dwar ir-restrizzjonijiet għad-distribuzzjoni permezz tal-internet ta’ mediċini mhux suġġetti għal riċetta tat-tabib, għall-prodotti inkwistjoni.

25      Skont l-Autorité de la concurrence, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique lanqas ma wriet kif il-kuntatt viżiv bejn l-ispiżjar u l-utenti tal-prodott jippermetti li jiżgura l-“kożmetoviġilanza” li timponi fuq il-professjonisti tas-saħħa li jikkonstataw u jindikaw l-effetti mhux mixtieqa tal-kożmetiċi. Fil-fatt, l-osservazzjoni tal-effetti negattivi tal-prodotti inkwistjoni jista’ jseħħ biss wara l-użu tal-prodott u mhux fil-mument tax-xiri tiegħu. F’każ ta’ problemi marbuta mal-użu tagħha, il-pażjent inklinat li jikkonsulta ma’ tabib.

26      Bħala risposta għall-aħħar argument espost minn Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique, l-Autorité de la concurrence ma kkunsidratx bħala rilevanti l-fatt li d-distribuzzjoni permezz tal-internet ma twassalx għal żieda fil-prezzijiet. Il-vantaġġ għall-konsumatur ikun mhux biss fit-tnaqqis tal-prezzijiet iżda wkoll fit-titjib tas-servizz propost mid-distributuri, fosthom, b’mod partikolari, il-possibbiltà li prodotti jiġu ordnati mill-bogħod, mingħajr limitazzjoni fil-ħin, b’aċċess faċli għall-informazzjoni fuq il-prodotti u billi jsir paragun tal-prezz.

27      L-Autorité de la concurrence b’hekk ikkonkludiet li l-projbizzjoni li saret minn Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique lid-distributuri awtorizzati sabiex ibigħu permezz tal-internet tammonta għal restrizzjoni għall-kompetizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu L, 420-1 tal-kodiċi kummerċjali, u ġiet ordnata tneħħi mill-kuntratti tagħha ta’ distribuzzjoni selettiva r-referenzi kollha ekwivalenti għall-projbizzjoni ta’ bejgħ fuq l-internet tal-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali tagħha u li tipprovdi speċifikament fil-kuntratti tagħha l-possibbiltà għad-distributuri tagħha li jirrikorru għal dan il-metodu ta’ distribuzzjoni. Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique ġiet ikkundannata għal multa ta’ EUR 17 000.

28      Fl-24 ta’ Diċembru 2008, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique ppreżentat rikors għal annullament u, sussidjarjament, modifika għad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-cour d’appel de Paris. Fl-istess waqt, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique talbet lill-ewwel president ta’ din il-qorti li tippronunċa sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insosten tar-rikors tagħha, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique sostniet prinċipalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata bi żball ta’ dritt sa fejn din ċaħdet lill-prattika kontenzjuża kemm il-benefiċċju tal-eżenzjoni permezz tal-kategorija prevista mir-Regolament Nru 2790/1999 kif ukoll dik tal-eżenzjoni individwali prevista fl-Artikolu 81(3) KE.

29      Fit-18 ta’ Frar 2009, l-ewwel president tal-cour d’appel de Paris ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-inġunzjonijiet tal-Autorité de la concurrence fir-rigward ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique sakemm il-qorti tar-rinviju tkun iddeċidiet fuq il-fondatezza tar-rikors.

30      Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-cour d’appel de Paris, wara li fakkret il-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-kontenut tal-osservazzjonijiet bil-miktub li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), madankollu sostniet li la l-linji gwida tal-Kummissjoni u lanqas l-opinjoni ta’ din l-istituzzjoni ma kellhom karattru vinkolanti fuq il-qrati nazzjonali.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Paris iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Il-projbizzjoni ġenerali u assoluta li jinbiegħu prodotti kuntrattwali fuq l-internet lill-utenti finali, li hija imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-qafas ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxi effettivament restrizzjoni serja bl-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE [Artikolu 101(1) TFUE] li mhijiex koperta mill-eżenzjoni ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 2790/1999, iżda li eventwalment tista’ tibbenefika minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE [Artikolu 101(3) TFUE][?]”

 Fuq id-domanda preliminari

32      Preliminarjament għandu jingħad li la l-Artikolu 101 TFUE u lanqas ir-Regolament Nru 2790/1999 ma jirreferu għall-kunċett ta’ restrizzjoni serja bl-għan li tillimita l-kompetizzjoni.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda preliminari għandha tiġi interpretata fis-sens li hija għandha bħala għan li tistabbilixxi, l-ewwel nett, jekk il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tammontax għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, it-tieni nett, jekk kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva li tikkontjeni klawżola bħal din – fis-sitwazzjoni fejn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE – tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni skont il-kategorija stabbilita mir-Regolament Nru 2790/1999 u, fit-tielet lok, jekk, meta l-eżenzjoni skont il-kategorija hija inapplikabbli, l-imsemmi kuntratt jista’ madankollu jibbenefika mill-eċċezzjoni legali tal-Artikolu 101(3) TFUE.

 Fuq il-kwalifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-klawżola kuntrattwali kontenzjuża bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”. B’effett mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337), hija ġurisprudenza stabbilita li n-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-konġunżjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat. Meta l-għan antikompetittiv ta’ ftehim huwa stabbilit, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra. p. I‑9291, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għall-finijiet li jiġi evalwat jekk il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni tinkludi restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, għandha ssir referenza għall-kontenut tal-klawżola, għall-għanijiet li hija għandha l-għan li tilħaq kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih taqa’ (ara s-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Il-kuntratti ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni jipprovdu, fir-rigward tal-bejgħ tal-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali tat-trade marks Avène, Klorane, Galénic u Ducray, li dan għandu jsir f’żona fiżika, li l-kriterji tagħhom huma definiti b’mod preċiż, u bil-preżenza obbligatorja ta’ gradwat fil-farmaċija.

37      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit tal-preżenza obbligatorja ta’ spiżjar kwalifikat f’żona fiżika ta’ bejgħ jipprojbixxi de facto lid-distributuri awtorizzati kull forma ta’ bejgħ permezz tal-internet.

38      Hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, billi teskludi de facto metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li ma jeħtieġx iċ-ċaqliq fiżiku tal-klijent, tnaqqas kunsiderevolment il-possibbiltà li distributur awtorizzat ibigħ il-prodotti li huma s-suġġett tal-kuntratt lil klijenti li jinsabu barra mit-territorju tiegħu jew taż-żona ta’ attività tiegħu. Hija b’hekk tista’ tillimita l-kompetizzjoni f’dan is-settur.

39      Fir-rigward tal-ftehim li jistabbilixxu sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li ftehim bħal dawn neċessarjament jinfluwenzaw il-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 33). Ftehim bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, bħala “restrizzjonijiet minħabba l-għan”.

40      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irrikonoxxiet li jeżistu rekwiżiti leġittimi, bħal li jkun hemm kummerċ speċjalizzat li jkun kapaċi li jforni servizzi speċifiċi għall-prodotti ta’ kwalità u teknika għolja, li jiġġustifikaw tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet għall-vantaġġ tal-kompetizzjoni li tirrigwarda elementi oħra minbarra l-prezzijiet. Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva b’hekk jikkonsistu, peress li huma għandhom bħala għan li jilħqu riżultat leġittimu, li huwa ta’ natura li tittejjeb il-kompetizzjoni, meta din ma hijiex biss ibbażata fuq il-prezzijiet, f’element ta’ kompetizzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li l-organizzazzjoni ta’ netwerk bħal dan ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa sseħħ abbażi tal-kriterji oġġettivi tal-karattru kwalitattiv, stabbilit b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa kollha potenzjali u applikata b’mod mhux diskriminatorju, li l-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jeħtieġu, sabiex tiġi ppreżervata l-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb, netwerk bħal din ta’ distribuzzjoni u, fl-aħħar nett, li l-kriterji definiti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB‑Großmärkte vs Il-Kummissjoni, 26/76, Ġabra p. 1875, punt 20, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal, 31/80, Ġabra p. 3775, punti 15 u 16).

42      Jekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni tipprojbixxi de facto kull forma ta’ bejgħ permezz tal-internet tista’ tiġi ġġustifikata minn għan leġittimu, hija l-Qorti tal-Ġusitzzja li għandha tforniha għal dan il-għan bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi (ara s-sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

43      Ċertament, huwa stabbilit li, fil-kuntest tan-netwerk tad-distribuzzjoni selettiva ta’ Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-bejjiegħa huma magħżula fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi tal-karattru kwalitattiv, li huma stabbiliti b’mod uniformi għall-bejjiegħa kollha potenzjali. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni jħaddnux b’mod proporzjonat l-għanijiet leġittimi b’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 41 tas-sentenza preżenti.

44      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx, fir-rigward tal-libertajiet tal-moviment ħieles, l-argumenti li jirrigwardaw in-neċessità li tingħata konsulenza personalizzata lill-klijent u li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dan kontra użu skorrett tal-prodotti, fil-kuntest tal-bejgħ ta’ mediċini li ma jeħtiġux riċetta tat-tabib u ta’ contact lenses, sabiex jiġġustifikaw projbizzjoni ta’ bejgħ permezz tal-internet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punti 106, 107 u 112, kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker‑Optika, C‑108/09, Ġabra p. I‑12213, punt 76).

45      Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique tirreferi wkoll għan-neċessità li tippreżerva l‑immaġni ta’ prestiġju tal-prodotti inkwistjoni.

46      L-għan li tiġi ppreżervata l-immaġini ta’ prestiġju ma jammontax għal għan leġittimu sabiex tiġi limitata l-kompetizzjoni u b’hekk ma jistax jiġġustifika li klawżola kuntrattwali li għandha għan bħal dan ma taqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

47      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda li saret li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li teżiġi li l-bejgħ tal-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali jsir f’żona fiżika fil-preżenza obbligatorja ta’ spiżjar kwalifikat, għandha bħala konsegwenza l-projbizzjoni tal-użu tal-internet għall-bejgħ tagħha, u b’hekk tammonta għal restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ din il-klawżola kuntrattwali u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih taqa’, jidher li, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, din il-klawżola ma hijiex oġġettivament ġustifikata.

 Fuq il-possibbiltà tal-eżenzjoni permezz tal-kategorija jew tal-eżenzjoni individwali

48      Fil-każ fejn ikun stabbilti li ftehim jew klawżola kuntrattwali tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu humiex sodisfatti.

49      Il-possibbiltà sabiex impriża tibbenefika, b’mod individwali, mill-eċċezzjoni legali prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE tirriżulta direttament mir-trattat. Hija ma hijiex ikkontestata f’ebda waħda mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-possibbiltà hija wkoll offerta lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

50      Min-naħa l-oħra, f’dan ir-rigward, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex tevalwa jekk il-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE, hija ma tistax tagħti informazzjoni supplementari lill-qorti tar-rinviju.

51      Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva li tibbenefika mill-eżenzjoni permezz tal-kategorija tar-Regolament Nru 2790/1999, għandu jingħad li l-kategoriji ta’ ftehim vertikali li jistgħu jibbenefikaw ġew iddefiniti mill-Kummissjoni fl-imsemmi regolament, fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill kontenut fir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE, tat-2 ta’ Marzu 1965, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 11).

52      Skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 2790/1999, fornitur, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, jista’, bħala prinċipju, jibbenefika minn eżenzjoni, meta s-sehem tiegħu tas-suq ma jaqbiżx 30 %. Mill-atti ppreżentati fil-qorti jirriżulta li s-sehem mis-suq ta’ Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique ma teċċedix dan il-limitu. Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 19/65, eskluda ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet li għandhom effetti antikompetittivi serji, indipendentement mis-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati.

53      B’hekk, mill-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 jirriżulta li l-eżenjoni ma tapplikax għall-ftehim vertikali, direttament jew indirettament, iżolament jew flimkien ma’ fatturi oħra, taħt il-kontroll tal-partijiet, li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-bejgħ attivi jew ta’ bejgħ passivi lill-utenti finali mill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tipprojbixxi lil membru tas-sistema li topera minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat.

54      Klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi de facto l-internet bħala metodu ta’ kummerċjaliżazzjoni għandha, għall-inqas bħala għan li tillimita l-bejgħ passiv lil utenti finali li jixtiequ jixtru permezz tal-internet u li jinsabu barra miż-żona ta’ referenza fiżika tal-membru kkonċernat tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva.

55      Skont Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique, il-projbizzjoni li jinbiegħu l-prodotti kuntrattwali permezz tal-internet hija ekwivalenti madankollu għal projbizzjoni li topera minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat. Peress li, b’hekk, il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni previsti mid-dispożizzjoni in fine, iċċitati fil-punt 53, huma sodisfatti, l-imsemmi Artikolu 4 ma jkunx applikabbli għaliha.

56      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999, billi jsemmi “post ta’ stabbiliment”, jirreferi biss għall-punti ta’ bejgħ fejn iseħħu bejgħ diretti. Id-domanda li titqajjem hija jekk din il-frażi tistax tiġi estiża, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa, għall-post li minnu s-servizzi tal-bejgħ permezz tal-internet huma pprovduti.

57      Għal dak li jirrigwarda din id-domanda, għandu jitfakkar li, peress li impriża għandha l-fakoltà, f’kull ċirkustanza, li tqajjem, b’mod individwali, l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni legali tal-Artikolu 101(3) TFUE, u b’hekk id-drittijiet tagħha jiġu protetti, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni wiesgħa għad-dispożizzjonijiet li jdaħħlu l-ftehim jew prattiċi fl-eżenzjoni skont il-kategorija.

58      B’hekk, klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi de facto l-internet bħala mudell ta’ kummerċjaliżazzjoni ma tkunx ikkunsidrata bħala klawżola li tipprojbixxi lill-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li tirrigwarda li topera minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999.

59      Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għat-tieni u t-tielet partijiet tad-domanda li saret li l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni permezz tal-kategorija prevista fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament ma tapplikax għal kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva li tinkludi klawżola li tipprojbixxi de facto l-internet bħala metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, kuntratt bħal dan jista’ jibbenefika, b’mod individwali, mill-applikabbiltà tal-eċċezzjoni legali tal-Artikolu 101(3) TFUE jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li teżiġi li l-bejgħ tal-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali jsir f’żona fiżika fil-preżenza obbligatorja ta’ spiżjar kwalifikat, għandha bħala konsegwenza l-projbizzjoni tal-użu tal-internet għall-bejgħ tagħha, u b’hekk tammonta għal restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ din il-klawżola kuntrattwali u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih taqa’, jidher li, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, din il-klawżola ma hijiex oġġettivament ġustifikata.

L-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni permezz tal-kategorija prevista fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament ma tapplikax għal kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva li tinkludi klawżola li tipprojbixxi de facto l-internet bħala metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, kuntratt bħal dan jista’ jibbenefika, b’mod individwali, mill-applikabbiltà tal-eċċezzjoni legali tal-Artikolu 101(3) TFUE jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.