Language of document : ECLI:EU:C:2019:448

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 19 – Revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Żball tal-amministrazzjoni li jikkonċerna liċ-ċirkustanzi ta’ fatt”

Fil-Kawża C‑720/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Mohammed Bilali

vs

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Bilali, minn N. Lorenz, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u G. Tornyai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. H. S. Gijzen u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Fadoju, bħala aġent, assistita minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2        Din it-talba saret fi proċedimenti bejn Mohammed Bilali u Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u l-Liġi dwar l-Ażil, l-Awstrija) dwar ir-revoka tal-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja mogħtija lil M. Bilali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Recueil des traités des Nations unies, vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata u emendata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal huwa stess fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        L-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, wara li jiddefinixxi, b’mod partikolari, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat”, jiddikjara, fit-Taqsima C:

“Din il-konvenzjoni ma tibqax tapplika fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fis-Sezzjoni A msemmija iktar ’il fuq:

Jekk hija b’mod volontarju tkun approfittat ruħha mill-ġdid mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha; jew

Jekk, wara li tkun tilfet in-nazzjonalità tagħha, hija tkun kisbitha mill-ġdid b’mod volontarju; jew

Jekk hija tkun kisbet nazzjonalità ġdida u tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità ġdida tagħha; jew

Jekk hija tkun irritornat b’mod volontarju fil-pajjiż li minnu tkun telqet jew fejn tkun baqgħet tgħix barra minnu minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni; jew

Jekk, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija ma tkunx tista’ tkompli tirrifjuta milli tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha;

Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma japplikawx għal kull refuġjat imsemmi fil-paragrafu 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-artikolu li jista’ jinvoka, sabiex ikompli jirrifjuta milli japprofitta mill-protezzjoni tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu, raġunijiet imperattivi li jirriżultaw minn persekuzzjonijiet preċedenti.

Fir-rigward ta’ persuna li ma jkollhiex nazzjonalità, jekk, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija tkun tista’ tirritorna fil-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha;

Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu mhux ser japplikaw għal kull refuġjat imsemmi fil-paragrafu 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-artikolu li jista’ jinvoka, sabiex jirrifjuta milli jirritorna fil-pajjiż li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu, raġunijiet imperattivi li jirriżultaw minn persekuzzjonijiet preċedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2011/95

5        Il-premessi 3, 8, 9, 12 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jiddikjaraw:

“(3)      Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 ftiehem li jaħdem sabiex jistabbilixxi Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, tat-28 ta’ Lulju 1951 li Tirrigwarda l-Istatus ta’ Refuġjati (“il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), kif supplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (“il-Protokoll”), u li b’hekk tafferma l-prinċipju ta’ non-refoulement u tiżgura li ħadd ma’ jintbagħat lura għal persekuzzjoni.

[…]

(8)      Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Ewropew innota li kien fadal numru konsiderevoli ta’ diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-għoti ta’ protezzjoni u l-forom li l-protezzjoni tieħu u sejjaħ għal inizjattivi ġodda sabiex jitkompla l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, provduta fil-Programm tal-Aja, u għalhekk joffri grad ogħla ta’ protezzjoni.

(9)      Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 [TFUE], għal dawk li ingħataw protezzjoni internazzjonali mhux aktar tard mill-2012.

[…]

(12)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(39)      Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

[…]

(f)      ‛persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

(g)      ‘status ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

[…]

(h)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 14 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Revoka ta’, tmiem ta’ jew ċaħda għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat”, jipprevedi:

“1.      Rigward applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-(Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)), l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ rifuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr statmogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 11.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dmir tar-refuġjat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu jew/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat għandu, fuq bażi individwali, juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet refuġjat bi qbil mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.      L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:

(a)      hija kellha tkun jew hija eskluża milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 12;

(b)      il-preżentazzjoni qarrieqa ta’ fatti jew l-ommissjoni tagħhom, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istat ta’ refuġjat.

4.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

(a)      ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;

(b)      hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

5.      F’sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux stat lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet.

6.      Persuni li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 jew 5 huma intitolati għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra safejn huma preżenti fl-Istat Membru.”

9        Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, fih, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tagħha intitolat “Dannu serju”, li jipprovdi:

“Dannu serju jikkonsisti minn:

(a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

(ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

10      L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.

2.      Fl-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m’għadhiex tiffaċċja riskju veru ta’ dannu serju.

3.      Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja li jista’ jinvoka raġunijiet obbligatorji li joħorġu minn dannu serju preċedenti talli rrifjuta li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità jew, bħala persuna mingħajr stat, tal-pajjiz ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

11      Skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

12      L-Artikolu 19 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Revoka u, tmien ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja”, jipprovdi:

“1.      Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 16.

2.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jekk wara li hija tkun ingħatat status ta’ protezzjoni sussidjarja, hija messha kienet eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(3).

3.      L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw illi jġeddu l-istat ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, jekk:

(a)      il-persuna, wara li tkun ingħatat status ta’ protezzjoni sussidjarja, messha kienet jew hija eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(1) u (2);

(b)      il-misinterpretazzjoni jew it-tħollija barra tagħha ta’ fatti, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

4.      Mingħajr preġudizzju għad-dmir taċ-ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li tiżvela l-fatti rilevanti kollha u li tipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu, fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil ma’ paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.”

 Id-Direttiva 2003/109/KE

13      Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2003/109”), tipprovdi fl-Artikolu 4(1a):

“L-Istati Membri m’ għandhomx jagħtu status ta’ resident fit-tul fuq il-bażi ta’ protezzjoni internazzjonali fil-każ tar-revoka ta’ protezzjoni internazzjonali, jew it-terminazzjoni jew iċ-ċaħda tat-tiġdid tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 14(3) u fl-Artikolu 19(3) tad-2004/83/KE.”

14      L-Artikolu 9(3a) tad-Direttiva 2003/109, kif imdaħħal mid-Direttiva 2011/51, jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jirtiraw l-istatus ta’ residenti fit-tul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fil-każ tar-revoka tal-protezzjoni internazzjonali jew tat-terminazzjoni jew caħda tat-tiġdid tagħha stabbilit fl-Artikolu 14(3) jew l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/83/KE, jekk dak l-istatus ta’ residenza fit-tul kien inkiseb fuq il-bażi ta’ protezzjoni internazzjonali.”

 Id-dritt Awstrijak

15      L-Artikolu 8 tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (il-Liġi Federali dwar l-ażil), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem “l-AsylG 2005”), jipprevedi:

“(1)      L-istatus tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jiġi rikonoxxut għal barrani

1.      li ppreżenta fl-Awstrija applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta din it-talba ġiet irrifjutata f’dak li jikkonċerna l-għoti tal-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil; jew

2.      li l-istatus tiegħu ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil ġie revokat, meta kien hemm refoulement, miżura ta’ tneħħija f’każ ta’ dħul illegali fit-territorju jew twassil mill-ġdid tal-barrani fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jagħtu lok għal riskju konkret ta’ ksur tal-Artikolu 2 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950), l-Artikolu 3 ta’ (din il-konvenzjoni) jew il-Protokolli Nru 6 jew Nru 13 (fl-imsemmija konvenzjoni), jew iwassal għalih, bħala ċivili, theddida serja għal ħajtu jew għall-persuna tiegħu bħala riżultat ta’ vjolenza indiskriminata fil-kuntest ta’ kunflitt intern jew internazzjonali.

[…]

(6) Jekk il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-ażil ma jistax jiġi ddeterminat, għandha tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dak li jikkonċerna l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja. F’dan il-każ, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn, meta din ma hijiex illegali abbażi tal-Artikolu 9(1) u (2), [tal-Liġi ta’ Proċedura dwar l-Uffiċċju Federali għad-dritt tal-Barranin u d-dritt tal-Ażil).

[…]”

16      L-Artikolu 9 tal-AsylG 2005 jipprovdi li:

“(1) Għandu jiġi rrevokat ex officio permezz ta’ deċiżjoni, l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja mogħti lil barrani meta

1.      il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja (Artikolu 8(1)) ma ġewx jew ma għadhomx issodisfatti;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Fis-27 ta’ Ottubru 2009, M. Bilali, li huwa persuna mingħajr stat, ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija. Fil-15 ta’ Marzu 2010, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mill-Bundesaskylamt (l-Uffiċċju Federali għall-Ażil, l-Awstrija). Fit-8 ta’ April 2010, l-Asylgerichtshof (il-Qorti dwar l-Ażil, l-Awstrija) laqgħet ir-rikors ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni ta’ ċaħda u rritornat il-każ għal eżaminazzjoni ġdida.

18      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010, l-Uffiċċju Federali tal-Ażil ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. Bilali filwaqt li tah l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja, filwaqt li rrileva li l-identità ta’ M. Bilali ma kinitx ġiet stabbilita u probabbilment kien ċittadin Alġerin. Il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja ġie rikonoxxut lilu minħabba li bil-qgħad għoli, in-nuqqas ta’ infrastruttura u n-nuqqas ta’ sigurtà kontinwa fl-Alġerija, M. Bilali jista’ jiġi espost, fil-każ ta’ ritorn lejn l-Alġerija, għal trattament inuman skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

19      M. Bilali ppreżenta rikors quddiem l-Asylgerichtshof (il-Qorti dwar l-Ażil) kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. Id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja saret definittiva.

20      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Lulju 2012, l-Asylgerichtshof (il-Qorti dwar l-Ażil) annullat id-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tar-rikorrent għall-ażil, filwaqt li rrilevat b’mod partikolari li, fir-rigward tan-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar, kienu fformulati biss suppożizzjonijiet.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2012, l-Uffiċċju Federali għall-Ażil ċaħad għal darba oħra l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn M. Bilali. Barra minn hekk, l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja, li kien ingħata lilu fis-27 ta’ Ottubru 2010, ġie rrevokat ex officio u l-permess ta’ residenza temporanju li ġie mogħti lilu bħala benefiċjarju ta’ dan l-istatus ġie rtirat. Dan l-Uffiċċju ċaħad ukoll l-applikazzjoni li jingħata status ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja għax M. Bilali huwa ċittadin Marokkin u adotta deċiżjoni ta’ ritorn tiegħu li tindika lill-Marokk bħala l-pajjiż ta’ destinazzjoni.

22      L-Uffiċċju Federali għall-Ażil ikkonstata li l-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja qatt ma ġew issodisfatti. Mir-risposta mogħtija mis-servizz ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini, jirriżulta li s-suppożizzjoni li l-Alġerija kienet il-pajjiż ta’ oriġini ta’ M. Bilali kienet żbaljata u li dan tal-aħħar seta’ jibbenefika kemm min-nazzjonalità Marokkina kif ukoll minn dik tal-Mawritanja.

23      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) ċaħdet parzjalment ir-rikors ta’ M. Bilali kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2012, b’mod partikolari sa fejn kienet tikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dik id-deċiżjoni li kienu jirrevokaw l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja mogħtija lir-rikorrent. Madankollu, hija annullat id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Deċiżjoni li jordnaw ir-ritorn tar-rikorrent lejn il-Marokk.

24      Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-nazzjonalità ta’ M. Bilali, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ikkonstatat li dan kellu nazzjonalità doppja, Marokkina u Mawritana, u ddikjarat f’diversi okkażjonijiet li l-familja tiegħu kienet toriġina mill-Marokk. Madankollu, l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja ngħata lilu b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dan oriġina fl-Alġerija, sabiex, skont dik il-qorti, huwa ġust li dak l-istatus ikun ġie rrevokat skont l-Artikolu 9(1) tal-AsylG 2005, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ dik il-liġi. Din il-qorti kkunsidrat barra minn hekk li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għal residenza għal żmien definit kien irriżulta mir-revoka tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja. Hija kkunsidrat ukoll li ma kienx stabbilit li M. Bilali kien ser jiġi espost fil-Marokk għal theddid fuq ħajtu jew fuq il-persuna tiegħu, bħar-ritorn lejn il-fruntiera, imur kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB.

25      M. Bilali ppreżenta appell għal “Reviżjoni” minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

26      Dik il-qorti l-ewwel tirrileva li l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja ngħata lil M. Bilali permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali dwar l-Ażil datata s-27 ta’ Ottubru 2010, fuq il-bażi li huwa kien ċittadin Alġerin. Hija tippreċiża li dik id-deċiżjoni saret finali, iżda li, bid-deċiżjoni tagħha tat-24 ta’ Ottubru 2012, dak l-uffiċċju rrevoka l-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja lil M. Bilali minħabba l-fatti, li kienu dehru matul ir-riċerka mwettqa wara li ngħata dak l-istatus. Skont il-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda prova li d-dewmien fil-ġbir tal-informazzjoni kien attribwibbli lil M. Bilali. Għall-kuntrarju, dan tal-aħħar indika kemm-il darba li ma kellux nazzjonalità Alġerina u li kien persuna mingħajr stat. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li s-sentenza suġġetta għal appell quddiemha ma turix li “ċ-ċirkostanzi legalment rilevanti” inbidlu mill-għoti lil M. Bilali tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja.

27      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 9(1)(1) tal-AsylG 2005, li skontu għandu jiġi rrevokat ex officio l-istatus ta’ benefiċjarju tal- protezzjoni sussidjarja mogħti lil persuna barranija meta l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus ma jiġux issodisfatti jew ma jibqgħux jiġu ssodisfatti. Skont il-qorti tar-rinviju, din hija l-ewwel alternattiva prevista f’dik id-dispożizzjoni li hija applikabbli għall-każ pendenti quddiemha, jiġifieri dik li fiha l-kundizzjonijiet tal-għoti kienu nieqsa fid-data tad-deċiżjoni tal-għoti. Dik il-qorti tesponi li, meta l-awtorità kompetenti għandha l-intenzjoni li tirrevoka dak l-istatus ex officio skont dik l-ewwel alternattiva, dik id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda distinzjoni skont jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha kinux nieqsa minħabba li l-applikant ma setax jiġi protett jew minħabba li ma kienx meħtieġ li jiġi protett. Dik id-dispożizzjoni ma fihiex lanqas limitazzjoni li l-akkwist frawdolenti biss tal-istatus jista’ jċaħħad id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kwalunkwe awtorità legali. Għalhekk, żball sempliċi mill-awtoritajiet jaqa’ wkoll fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni.

28      Madankollu, dik il-qorti tenfasizza wkoll li l-Artikolu 19(3)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma jkoprix l-ipoteżi ta’ revoka tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja sempliċement minħabba li nkisbet informazzjoni ġdida mill-awtoritajiet. Jista’ jsegwi li dan l-istatus ma jistax jiġi revokat, fil-każ ta’ ċirkustanzi fattwali li ma nbidlux, u minkejja l-iżball tal-awtoritajiet dwar l-eżistenza ta’ kwalunkwe wieħed mill-elementi fattwali li jiġġustifikaw l-għoti tal-istatus, fejn il-benefiċjarju ma jkunx responsabbli għal kwalunkwe aġir msemmi f’dik id-dispożizzjoni.

29      Madankollu, din l-istess qorti tirrileva li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li l-Istati Membri jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja meta l-persuna kkonċernata tkun waqfet milli tkun persuna li tista’ tibbenefika skont l-Artikolu 16 ta’ dik id-direttiva, jiġifieri meta ċ-ċirkostanzi li kienu jiġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni ma jibqgħux jeżistu. Skont il-qorti tar-rinviju, tali kliem jistgħu jiġu interpretati li jfissru li dawn huma ċ-ċirkostanzi li kienu magħrufa meta ngħata l-istatus, sabiex il-bidla fil-konjizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti twassal ukoll għall-estinzjoni tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2011/95[…], jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, dwar il-possibbiltà li jiġi rrevokat l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, li tipprovdi li l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi rrevokat mingħajr ma ċ-ċirkustanzi fattwali stess li mmotivaw l-għoti tal-istatus ikunu nbidlu, iżda jkun biss l-istat tal-għarfien tal-awtoritajiet fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fattwali li jkun inbidel u li, f’dan ir-rigward, la alterazzjonijiet u lanqas ommissjonijiet ta’ fatti min-naħa taċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew tal-persuna mingħajr Stat ma kellhom rwol determinanti fid-deċiżjoni li jingħata l-istatus ikkonferit mill-protezzjoni sussidjarja?”

 Fuq id-domanda preliminari

31      Permezz tal-mistoqsija tagħha, il-qorti nazzjonali titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jirtira l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja meta din tkun tat dak l-istatus mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għal dan l-għoti, abbażi ta’ fatti li sussegwentement ġew żvelati li huma żbaljati, u għalkemm il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi kkritikata li qiegħda tqarraq b’dak l-Istat Membru f’dik l-okkażjoni.

32      Bħala punt preliminari, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni li tirrevoka l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja ttieħdet fl-24 ta’ Ottubru 2012, filwaqt li, skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2011/95, l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 19 ta’ dik id-direttiva hija ffissata għall-21 ta’ Diċembru 2013.

33      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Idi, C‑101/18, EU:C:2019:267, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija adita b’appell għar-reviżjoni kontra s-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), fil-21 ta’ Jannar 2016, li ċaħdet l-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni li jiġi revokat l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, tal-24 ta’ Ottubru 2012. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex ċar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 ma tippreżenta l-ebda rabta mat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

35      Taħt il-benefiċċju ta’ din il-preċiżjoni, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li peress li d-Direttiva 2011/95 ġiet adottata abbażi ta’, b’mod partikolari, l-Artikolu 78(2)(b) TFUE, hija maħsuba, fost l-oħrajn, li tistabbilixxi sistema uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 88). Mill-premessa 12 ta’ dik id-direttiva jirriżulta li wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha huwa li tiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 37, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2019, M et, (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 79).

36      F’dak ir-rigward, mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta, moqri flimkien mad-definizzjoni tat-termini “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fl-Artikolu 2(f) tiegħu, u t-termini “status ta’ protezzjoni sussidjarja” fl-Artikolu 2(g) tiegħu, li l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja msemmi f’dik id-Direttiva għandu, fil-prinċipju, jingħata lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew residenza abitwali tiegħu jew tagħha, ikun f’riskju reali li jsofri dannu serju skont it-tifsira tal-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 47).

37      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/95 ma tipprevedix li jingħata status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lil persuni mingħajr stat għajr dawk imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 48).

38      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità kompetenti Awstrijaka, li eżaminat l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, wettqet żball meta ddeterminat in-nazzjonalità preżunta ta’ dan tal-aħħar. Minn dik id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li qatt ma ġie espost, fil-każ ta’ referenza lura lejn il-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż ta’ residenza abitwali tiegħu, għal riskju reali li jsofri dannu serju skont it-tifsira tal-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva.

39      Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu jew iżommu kriterji iktar favorevoli għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja, l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ din in-natura ma ġiet riferuta mill-qorti tar-rinviju.

40      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 jistipula l-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jew għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja.

41      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, kif tindika l-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 19(3)(b) ta’ dik id-direttiva jipprovdi għat-telf ta’ status mogħti bil-protezzjoni sussidjarja biss jekk il-persuna kkonċernata tkun għamlet użu ta’ alterazzjonijiet jew ommissjonijiet li kellhom rwol determinanti fid-deċiżjoni tal-għoti ta’ dan l-istatus. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dik id-Direttiva ma tipprovdi espressament li dak l-istatus għandu jew jista’ jiġi rtirat meta, bħal fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni li jingħata l-istatus tkun ittieħdet abbażi ta’ elementi żbaljati mingħajr tibdil jew ommissjonijiet min-naħa tal-persuna kkonċernata.

42      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fit-tielet post, li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 ma jeskludix espressament li l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja jista’ jintilef jekk l-Istat Membru ospitanti jirrealizza li jkun ta dan l-istatus fuq il-bażi ta’ data żbaljata li ma tistax tiġi attribwita lill-persuna kkonċernata.

43      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-għan u t-tqassim ġenerali tad-Direttiva 2011/95, waħda mir-raġunijiet l-oħra għat-telf tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja, kif elenkata fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95, hijiex maħsuba biex tapplika għal tali sitwazzjoni.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija kontra l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tad-Direttiva 2011/95 li tibbenefika l-għoti tal-istatus, li hija tipprevedi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 44). Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ persuna li kisbet l-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja fuq il-bażi ta’ data żbaljata mingħajr ma qatt issodisfat il-kundizzjonijiet għall-kisba tagħha ma għandha l-ebda rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali.

45      It-telf tal-istatus bil-protezzjoni sussidjarja f’tali ċirkostanzi huwa konsegwentement konformi mal-iskop u l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2011/95, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha, li jipprevedi l-għoti tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja biss lil persuni li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet. Għalkemm l-Istat Membru kkonċernat ma setax legalment jagħti dan l-istatus, għandu, iktar u iktar, ikun obbligat li jirtirah meta l-iżball tiegħu jinstab (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 49).

46      Għandu jiġi enfasizzat, it-tieni nett, li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati, bħal fil-kawża prinċipali, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja, fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat ma tkunx għadha persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/95.

47      Skont dan l-Artikolu 16(1), ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf, fil-prinċipju, milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbidlu sat-tali punt li din il-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa. Tali bidla fiċ-ċirkustanzi għandha tkun, skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, kbira biżżejjed u definittiva sabiex il-persuna kkonċernata ma tibqax tippreżenta riskju reali li ssofri danni serji, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva.

48      Isegwi għalhekk mill-kliem stess tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95 li hemm rabta kawżali bejn il-bidla fiċ-ċirkustanzi, imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ dik id-direttiva, u l-fatt li huwa impossibbli għall-persuna kkonċernata li żżomm l-istatus tagħha bħala benefiċjarja tal-protezzjoni sussidjarja, il-biża’ oriġinali tagħha li ssofri danni serji, skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, li ma tidhirx iktar fondata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Saladouin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 66).

49      Issa, għalkemm bidla simili tirriżulta, b’mod ġenerali, minn bidla fiċ-ċirkostanzi fattwali fil-pajjiż terz, peress li din il-bidla rrimedjat għall-kawżi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa waħda, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/95 ma jipprevedix espressament li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għal tali każ u li, min-naħa l-oħra, bidla fl-istat tal-konjizzjoni tal-Istat Membru ospitanti dwar is-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata tista’, bl-istess mod, tirriżulta fil-biża’ oriġinali li din tal-aħħar tista’ ssofri danni serji, skont it-tifsira tal-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva, ma jibqax jidher fondat, fid-dawl tal-informazzjoni l-ġdida fil-pussess ta’ dak l-Istat Membru.

50      Madankollu, kif ukoll sa fejn għandha x’taqsam l-informazzjoni l-ġdida disponibbli għall-Istat Membru ospitanti, timplika bidla fl-istat ta’ konjizzjoni tagħha li huwa kbir u definittiv biżżejjed dwar jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja.

51      Għaldaqstant, mill-qari kombinat tal-Artikoli 16 u 19(1) tad-Direttiva 2011/95, jirriżulta li fid-dawl tal-istruttura ġenerali u l-iskop tagħha, li, meta l-Istat Membru ospitanti jkollu informazzjoni ġdida li turi li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni inizjali tas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għalih tkun tat protezzjoni sussidjarja, abbażi ta’ elementi żbaljati, dik il-persuna qatt ma kienet f’riskju ta’ danni serji, skont it-tifsira tal-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva, dak l-Istat Membru għandu jikkonkludi li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja evolvew b’tali mod li ż-żamma ta’ dak l-istatus ma għadhiex ġustifikata.

52      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-iżball imwettaq mill-Istat Membru ospitanti fl-għoti ta’ dan l-istatus ma huwiex attribwibbli lill-persuna kkonċernata, ma jistax ibiddel il-konstatazzjoni li din tal-aħħar, fir-realtà, qatt ma kienet “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95 u għalhekk qatt ma ssodisfat il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ dik id-direttiva.

53      Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li tali interpretazzjoni hija kkorroborata minn qari tad-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

54      F’dak ir-rigward, mill-Artikolu 78(1) TFUE jirriżulta li l-politika komuni li l-Unjoni qiegħda tiżviluppa fil-qasam tal-ażil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja trid tkun f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 37). Barra minn hekk, mill-premessa 3 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li, billi ispira ruħu mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħmel mod li s-sistema ta’ ażil Ewropew li din id-direttiva tikkontribwixxi li tistabbilixxi tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 30).

55      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, fil-prinċipju, rilevanti biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u l-kontenut ta’ dan tal-aħħar, sakemm is-sistema prevista mill-Konvenzjoni ta’ Genève tapplika biss għar-refuġjati u mhux għall-benefiċjarji tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja. Madankollu, il-premessi 8, 9 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, b’risposta għall-istedina tal-programm ta’ Stokkolma, jistabbilixxi status uniformi għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali u li konsegwentement għażel li jagħti lill-benefiċjarji tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja l-istess drittijiet u vantaġġi bħal dawk li minnhom igawdu l-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat, ħlief fil-każ ta’ derogi neċessarji u oġġettivament iġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punti 31 kif ukoll 32).

56      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ispira ruħu mir-regoli applikabbli għar-refuġjati biex jiddefinixxi l-kawżi ta’ telf tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, il-formulazzjoni u l-istruttura tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 dwar it-telf tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom similaritajiet mal-Artikolu 14 ta’ dik id-direttiva dwar it-telf tal-istatus ta’ refuġjat, li huwa ispirat mill-Artikolu 1, Taqsima C, tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

57      Minn dan isegwi li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève jridu jitqiesu għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95. F’dan il-kuntest, id-dokumenti maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) huma ta’ rilevanza partikolari għar-rwol mogħti lill-UNHCR mill-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf, C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 44).

58      Madankollu, għalkemm l-ebda dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ma tipprovdi speċifikament għat-telf tal-istatus ta’ refuġjat fejn sussegwentement jidher li dan l-istatus qatt ma kien ingħata, l-UNHCR madankollu jqis li, f’każ bħal dan, id-deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ refuġjat għandha, fil-prinċipju, tiġi annullata (Gwida għall-proċeduri u l-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, 1992, punt 117).

59      Għandu jingħad ukoll, il-ħames nett, li t-telf tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95 ma jimplikax teħid ta’ pożizzjoni dwar il-kwistjoni distinta jekk il-persuna kkonċernata titlifx kull dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat u tistax titkeċċa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 110).

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari, minn naħa, li, kuntrarjament għat-telf tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 19(3)(b) tad-Direttiva 2011/95, it-telf ta’ dak l-istatus skont l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva ma jaqax la fil-każijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, skont l-Artikolu 4(1a) tad-Direttiva 2003/109, li tagħti l-istatus ta’ residenti għat-tul lil benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, u lanqas għal każijiet li fihom, bis-saħħa tal-Artikolu 9(3a) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri jistgħu jirtiraw lill-imsemmija benefiċjarji l-istatus ta’ residenti għat-tul.

61      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 2(h), in fine, tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li din ma tipprekludix li persuna titlob li tkun protetta fil-kuntest ta’ “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Din id-direttiva tirrikonoxxi b’hekk li l-Istati Membri ospitanti jistgħu jagħtu, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, protezzjoni nazzjonali li tkun akkumpanjata minn drittijiet li jippermettu lil persuni li ma jibbenefikawx mill-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, l-għoti ta’ tali status ta’ protezzjoni nazzjonali minn Stat Membru ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 116 sa 118).

62      Għandu jingħad ukoll li, fl-okkażjoni tal-evalwazzjonijiet li ser jerġa’ jwettaq skont il-proċeduri evokati fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrispetta, b’mod partikolari, id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tal-persuna kkonċernata, li huwa garantit, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 8 tal-KEDB.

63      Jikkostitwixxi ċirkostanza rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li, kuntrarjament għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2011/95, il-persuna li l-istatus tagħha bħala benefiċjarja ta’ protezzjoni sussidjarja jkun tneħħa abbażi tal-Artikolu 19(1) ta’ dik id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tiegħu, intenzjonalment ma ġiex imqarraq mill-awtorità nazzjonali kompetenti meta tat dak l-istatus.

64      Barra minn hekk, mill-punti 60 u 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tagħha, miżmum fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, huwa mingħajr preġudizzju għall-effett utli tal-Artikolu 19(3)(b) tad-Direttiva 2011/95.

65      Minn dak li ntqal qabel għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu jirrevoka l-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja meta jkun ngħata dan l-istatus mingħajr ma l-kundizzjonijiet għal dan l-għoti jkunu ssodisfatti, abbażi ta’ fatti li sussegwentement ġew irrivelati li huma żbaljati, u għalkemm il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi kkritikata li qiegħda tqarraq b’dak l-Istat Membru f’dik l-okkażjoni.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu jirrevoka l-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja meta jkun ngħata dan l-istatus mingħajr ma l-kundizzjonijiet għal dan l-għoti jkunu ssodisfatti, abbażi ta’ fatti li sussegwentement ġew irrivelati li huma żbaljati, u għalkemm il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi kkritikata li qiegħda tqarraq b’dak l-Istat Membru f’dik l-okkażjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.