Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fil-25 ta’ Marzu 2020 – G.D. vs The Commissioner of the Garda Síochána, Minister for Communications, Energy and Natural Resources, Attorney General

(Kawża C-140/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti/Appellanti: G.D.

Konvenuti/Partijiet oħra fil-proċedura: Commissioner of the Garda Síochána, Minister for Communications, Energy and Natural Resources and Attorney General

Domandi preliminari

Sistema ġenerali/universali ta’ żamma ta’ data – anki jekk suġġetta għal restrizzjonijiet stretti fil-qasam ta’ żamma u ta’ aċċess – hija, minnha nfisha, kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE 1 , interpretati fid-dawl tal-Karta?

Fil-kuntest tal-eżami dwar jekk jekk għandhiex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali implimentata skont id-Direttiva 2006/24/KE 2 u li tipprevedi sistema ġenerali ta’ żamma ta’ data (suġġetta għall-kontrolli stretti neċessarji fil-qasam taż-żamma jew ta’ aċċess), u b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ tali sistema, qorti nazzjonali hija intitolata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data tista’ tinżamm legalment mill-fornituri ta’ servizzi għall-użu kummerċjali tagħhom stess u li ż-żamma tagħha tista’ tiġi imposta għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE?

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Karta, ta’ miżura nazzjonali li tirregola l-aċċess għad-data miżmuma, liema kriterji għandha qorti nazzjonali tapplika meta teżamina jekk tali sistemi ta’ aċċess jipprevedux l-istħarriġ preliminari indipendenti kif iddeterminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha? F’dan il-kuntest, tista’ qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex post jew indipendenti?

Fi kwalunkwe każ, qorti nazzjonali hija obbligata tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE, fil-każ fejn din il-miżura nazzjonali tipprevedi sistema ġenerali ta’ żamma ta’ data għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalita gravi, u fejn il-qorti nazzjonali tkun ikkonkludiet, fid-dawl tal-provi kollha disponibbli, li tali żamma hija kemm indispensabbli kif ukoll strettament neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi?

Jekk qorti nazzjonali hija obbligata tikkonkludi li miżura nazzjonali hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE, interpretati fid-dawl tal-Karta, hija intitolata tillimita l-effetti ratione temporis ta’ tali konstatazzjoni, jekk hija tqis li n-nuqqas li tagħmel dan iwassal għal “kaos u dannu għall-interess pubbliku li jirriżulta” (skont l-approċċ meħud, pereżempju, f’R (National Council for Civil Liberties) vs Secretary of State for Home Department and Secretary of State for Foreign Affairs [2018] EWHC 975, punt 46]?

Qorti nazzjonali mitluba tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE u/jew li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni, u/jew tiddikkjara li l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni kienet kisret id-drittijiet ta’ persuna fiżika, jew fil-kuntest ta’ proċedura mibdija sabiex tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni ta’ argument relatat mal-ammissibbiltà tal-provi fi proċeduri kriminali jew f’kuntest ieħor, tista’ tkun awtorizzata tirrifjuta li tilqa’ din it-talba f’dak li jikkonċerna d-data miżmuma b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali adottata skont l-obbligu, previst fl-Artikolu 288 TFUE, li jiġu trasposti b’mod fidil fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, jew li tillimita tali konstatazzjoni għall-perijodu wara d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-Direttiva 2006/24/KE mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ April 2014?

____________

1     Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

2     Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).