Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Poprad (is-Slovakkja) fit-22 ta’ Novembru 2019 – IM vs STING Reality s.r.o.

(Kawża C-853/19)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd Poprad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IM

Konvenuta: STING Reality s.r.o.

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2005/29/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) għandha tiġi interpretata fis-sens li ċ-ċirkustanza, bħal dik inkwistjoni wkoll fil-każ ineżami, fejn impriża li tipprovdi kreditu tipproponi lil persuna fiżika, li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji u taħt il-pressjoni tal-ħin, li l-intenzjoni tagħha hija li tikseb kreditu sabiex iżżomm id-dritt ta’ proprjetà tagħha fuq immobbli li huwa l-unika akkomodazzjoni tagħha, kuntratt li jċaħħadha definittivament mid-dritt ta’ proprjetà tagħha fuq l-immobbli, anki jekk ix-xewqa ta’ din il-persuna kienet li titrasferixxi l-immobbli lill-kreditur sempliċement b’mod temporanju bħala garanzija tal-kuntratt ta’ kreditu, tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali?

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE 2 tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”) għandha tiġi interpretata fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 1, il-kuntratt ta’ bejgħ dwar it-trasferiment ta’ immobbli huwa suġġett ukoll għal stħarriġ ġudizzjarju minkejja l-argument tal-professjonist li jipprovdi li l-klawżoli kuntrattwali kienu s-suġġett ta’ negozjar individwali meta l-professjonist jirrifjuta li jipprovdi lill-qorti l-kuntratti użati f’kawżi oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex kuntratti standard ifformulati minn qabel li huma użati mill-professjonist f’kawżi oħra?

Jekk il-kawża taqa’ taħt id-Direttiva 93/13, is-sitwazzjoni prevalenti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jiġifieri l-fatt li l-professjonist konvenut aċċeda data personali tar-rikorrenti mingħajr il-kunsens ta’ din tal-aħħar, għandha titqies li hija ċirkustanza rilevanti fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva?

____________

1     ĠU 2005, L 149, p. 22 u rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.