Language of document : ECLI:EU:F:2010:87

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Lulju 2010

Kawża F-91/09

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ talba għad-danni — Tardività”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu, L. Marcuccio jitlob b’mod partikolari, l-ewwel nett, id‑dikjarazzjoni tal-ineżistenza u, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu tad-9 ta’ Settembru 2008, intiża għall-kumpens għad-danni subiti minnu minħabba n-nota tad-9 ta’ Diċembru 2003, tas-servizz mediku tal-Kummissjoni, dwar eżami mediku li jikkonċernah; it‑tieni nett, l-annullament u d-dikjarazzjoni tal-ineżistenza tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ġunju 2009, li tiċħad l‑ilment tiegħu tas-16 ta’ Marzu 2009 kontra l-imsemmija deċiżjoni impliċita; it-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 300 000 bħala kumpens għad‑danni allegatament subiti, jew kwalunkwe somma oħra li t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġust u ekwu, flimkien mal‑interessi sa mid-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet it-talba tad‑9 ta’ Settembru 2008, bir-rata ta’ 10 % fis-sena b’kapitalizzazzjoni annwali.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali — Rikorsi — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

Huma l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li għandhom, f’terminu raġonevoli, jirreferu lill-istituzzjoni kull talba intiża sabiex jinkiseb kumpens mill-Unjoni minħabba dannu attribwibbli lilha, u dan mill-mument li fih huma jkunu saru jafu bis-sitwazzjoni li dwarha jkunu qed jilmentaw. In-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi partikolari għal kull każ u, b’mod partikolari, mill-interess fil-kwistjoni għall-parti kkonċernata, mill-kumplessità tal-każ u mill-aġir tal-partijiet involuti.

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt ta’ referenza offrut mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja għal kawża dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, minkejja li dan it-terminu ma japplikax fil-kawża bejn l-Unjoni u l-membri tal‑persunal tiegħu. Il-partijiet ikkonċernati, meta jqisu li kienu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju illegali, għandhom jindirizzaw, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż ħames snin mill-mument li fih saru jafu bis-sitwazzjoni li biha qed jilmentaw, talba lill-istituzzjoni intiża sabiex din tieħu l-miżuri adattati sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni u ġġibha fi tmiem.

Madankollu, it-terminu ta’ ħames snin ma jistax jikkostitwixxi limitu riġidu u intanġibbli li mingħajru kull talba tkun ammissibbli jkun xi jkun iż-żmien meħud mir-rikorrent sabiex jindirizza t-talba tiegħu u jindika ċ-ċirkustanzi tal-każ quddiem l-amministrazzjoni.

(ara l-punti 32 sa 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il‑Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punti 7, 10 u 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punt 62; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 60, 65 u 66, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 71; 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑114/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑313, punt 28; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, F‑125/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑43 u II‑A‑1‑231, punti 71, 76 u 77