Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (ir-Repubblika Ċeka) fl-4 ta’ Novembru 2016 – Michael Dĕdouch et vs Jihočeská plynárenská, a.s., E.ON Czech Holding AG

(Kawża C-560/16)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Michael Dĕdouch, Petr Streitberg, Pavel Suda

Konvenuti: Jihočeská plynárenská, a.s., E.ON Czech Holding AG

Domandi preliminari

Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali huwa obbligat iħallas, inkambju għal titoli ta’ sehem, lid-detenturi preċedenti tal-imsemmija titoli, li ġew ittrasferiti lilu bħala riżultat ta’ riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, dwar it-trasferiment obbligatorju tat-titoli l-oħra ta’ sehem lill-azzjonist prinċipali (proċedura msejħa ta’ “tneħħija”), meta r-riżoluzzjoni hekk adottata tiffissa l-ammont tal-korrispettiv raġonevoli u meta jkun hemm deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti d-dritt għal ammont ta’ korrispettiv differenti, ta’ natura vinkolanti għall-azzjonist prinċipali u għall-kumpannija, fir-rigward tal-bażi tad-dritt mogħti, kif ukoll fir-rigward tad-detenturi l-oħra ta’ titoli ta’ sehem?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv deskritt fl-ewwel domanda?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv deskritt fl-ewwel domanda?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.