Language of document : ECLI:EU:F:2010:88

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2010

Kawża F-103/09

John Allen et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Persunal impjegat fil-kuntest tal-proġett JET — Rikors għad-danni — Terminu raġonevoli — Tardività”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu, J. Allen u l-113 rikorrenti l-oħra jitolbu, l-ewwel nett, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tikkumpensa d-dannu materjali subit minnhom minħabba l-fatt li ma ġewx irreklutati bħala membri tal-persunal temporanju fiż-żmien meta kienu jaħdmu fl-impriża konġunta Joint European Torus (JET).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. J. Allen u l-110 rikorrent l-oħra li isimhom huwa mniżżel fil-lista tar-rikorrenti huma kkundannati għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni — Talba li ma hijiex awtonoma fil-konfront tat-talbiet għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali —Rikorsi — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

1.      Id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni u d-deċiżjoni li tiċħad ilment intiż kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għad-danni jagħmlu parti integrali mill-proċeduri amministrattivi li jseħħu qabel ir-rikors għad-danni ppreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, konsegwentement, it-talbiet għal annullament intiżi kontra dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu meta mqabbla mat-talbiet għad-danni. Fil-fatt, dawn l-atti li jinkludu teħid ta’ pożizzjoni tal-istituzzjoni waqt il-fażi prekontenzjuża għandhom biss bħala effett li jippermettu lill-parti li ġarrbet dannu tippreżenta talba għad-danni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punt 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑389/02, ĠabraSP p. I‑A‑295 u II‑1339, punt 56

2.      Huma l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li għandhom, f’terminu raġonevoli, jippreżentaw quddiem l-istituzzjoni, kwalunkwe talba intiża għall-kisba ta’ kumpens għal danni mingħand l-Unjoni li fir-rigward tiegħu hija allegatament responsabbli, u dan għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih saru jafu bis-sitwazzjoni li qed jilmentaw biha.

Ir-rispett ta’ terminu raġonevoli huwa meħtieġ f’kull każ fejn, fis-silenzju tat-testi, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprojbixxu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jaġixxu mingħajr limitu ta’ żmien, fejn b’hekk ikun hemm riskju li tiġi pperikolata s-stabbiltà tas-sitwazzjonijiet legali kweżiti.

Minkejja li r-rikors għad-danni bbażat fuq in-nuqqas abbużiv li tittieħed deċiżjoni ma huwa suġġett għall-ebda terminu li jirriżulta minn test, huwa stabbilit li fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni testwali fir-rigward tat-terminu ta’ rikors għal kategorija ta’ kawżi, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha timla’ din il-lakuna fis-sistema tar-rimedji. Sabiex tagħmel dan, il-qorti għandha, minn naħa, twettaq bilanċ bejn id-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li jimplika li l-individwu jista’ jiddisponi minn terminu suffiċjenti sabiex jevalwa l-legalità ta’ att li jippreġudikah jew li jilmenta dwaru, u li jipprepara, jekk ikun il-każ, ir-rikors tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa taċ-ċertezza legali, li teħtieġ li, wara li jkun għadda ċertu żmien, l-atti meħuda mill-qrati tal-Unjoni jsiru definittivi.

Il-konċiljazzjoni bejn dawn l-interessi differenti teħtieġ li, fis-silenzju tat-testi, il-kawżi jitressqu quddiem il-qorti f’terminu raġonevoli. In-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull kawża u, b’mod partikolari tal-importanza tal-kawża għar-rikorrent, tal-kumplessità tal-kawża u tal-aġir tal-partijiet. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt ta’ paragun ipprovdut mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fir-rigward ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li dan it-terminu ma jistax japplika f’kawżi bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha.

L-osservanza tar-rekwiżit tat-terminu raġonevoli u l-applikazzjoni b’analoġija tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma preċiżament intiżi li jimlew lakuna ġuridika u li jevitaw li rikors għad-danni jkun jista’ jiġi ppreżentat b’mod indefinittiv, u bl-istess mod, li tiġi pperikolata l-istabbiltà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi kweżiti. It-tul ta’ tali terminu huwa ta’ natura li jiżgura l-ekwilibriju ġust bejn il-ħtiġijiet taċ-ċertezza legali u tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, f’ċirkustanzi paragunabbli għal dawk applikati fuq kull kreditur tal-Unjoni. Dan it-terminu jippermetti, barra minn hekk, li jiġu approssimati l-proċeduri tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għan-nuqqas abbużiv li tittieħed deċiżjoni, fil-qasam tas-servizz pubbliku, ma’ dak tal-proċeduri ġenerali għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, li huwa suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 33 sa 38, 42 u 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Marzu 1998, Koopman vs Il‑Kummissjoni, T‑202/97, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑511, punti 24 u 25; 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punti 51 sa 53; 6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punti 46 u 47; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 57, 60, 65, 66 u 71; 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑114/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑313, punt 25; Il‑Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Marzu 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑16/09 P, punti 33 u 34; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, F‑125/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑43 u II‑A‑1‑231, punt 71