Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad - Varna (il-Bulgarija) fit-12 ta’ Frar 2020 – “BalevBio” EOOD vs Teritorialna direktsia Severna morska, Agentsia “Mitnitsi”

(Kawża C-76/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad - Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “BalevBio” EOOD

Konvenuta: Teritorialna direktsia Severna morska, Agentsia “Mitnitsi”

Domandi preliminari

Ir-Regola 3(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni 1 , għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ oġġetti bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali – ikkostitwiti minn diversi materjali – l-intestatura li tagħti “l-iżjed deskrizzjoni speċifika” hija f’kull każ l-intestatura li taħtha jaqa’ l-materjal li huwa predominanti f’termini ta’ kwantità (bħala volum) jew tali interpretazzjoni tapplika biss jekk l-intestatura stess tipprevedi l-kwantità (bħala volum) bħala kriterju li jidentifika b’mod iktar ċar u li jagħti deskrizzjoni iktar ċara u estensiva tal-oġġett?

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda u fil-kuntest tan-Noti ta’ Spjega [dwar is-Sistema Armonizzata] marbuta mal-intestaturi 4410 u 4419, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1754 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intestatura 4419 ma tapplikax għal oġġetti ta’ bordijiet tal-injam magħmula mill-frak (fibri), li fihom il-piż tal-materjal li jgħaqqad (reżina li tirreaġixxi għas-sħana) jaqbeż il-15 % tal-piż tal-bordijiet?

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1754 għandu jiġi interpretat fis-sens li oġġetti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali – tazzi mmanifatturati minn materjal kompost, ikkostitwit 72.33 % minn fibri veġetali linjoċellulożi u 25.2 % minn materjal li jgħaqqad (reżina ta’ melamina) – għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 3924 10 00 tal-Anness I?

____________

1     ĠU 2015, L 285, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 288, p. 16).