Language of document : ECLI:EU:C:2013:781

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-26 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C‑314/12

UPC Telekabel Wien GmbH

vs

Constantin Film Verleih GmbH

u

Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberste Gerichtshof (l‑Awstrija)]

“Soċjetà tal-informazzjoni — Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali —Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 8(3) — Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Miżuri kontra sit tal-internet li jikser b’mod massiv id-drittijiet tal-awtur — Digriet kontra fornitur tal-aċċess għall-internet bħala intermedjarju li s-servizzi tiegħu jintużaw minn terz biex jikser id-drittijiet tal-awtur — Deċiżjoni li tordna l-ibblokkar ta’ sit tal-internet li jikser id-drittijiet tal-awtur”





1.        Din il-kawża tipprovdi l-okkażjoni, għall-Qorti tal-Ġustizzja, biex tevolvi l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet (2). Lil hinn mill-kontenut u mill-proċedura ta’ adozzjoni ta’ inġunzjoni ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE (3), hawnhekk irid isir magħruf jekk huwiex possibbli li tinħareġ inġunzjoni kontra fornitur tal-aċċess għall-internet (iktar ’il quddiem “fornitur tal-aċċess”) li ma jkunx l-amministratur ta’ sit tal-internet li qed jikser b’mod massiv id-drittijiet tal-awtur, imma li jipprovdi sempliċiment l-aċċess għal dan is-sit għal utenti li jużaw dan is-sit.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.        Il-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29 tistabbilixxi li:

“Fl-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli anke fejn l-atti mwettqa minn intermedjarju jkunu eżenti skond l-Artikolu 5. Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet relatati dwar dawn l-inġunzjonijiet għandhom jitħallew skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

3.        L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

4.        L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31/KE (4) jipprovdi, taħt it-titolu “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu [fornituri], meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.”

5.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 (5) jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat [ġustifikat].

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

B –    Id-dritt nazzjonali

6.        Il-liġi Awstrijaka dwar id-drittijiet fuq ix-xogħlijiet letterarji u artistiċi (Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur — Urheberrechtsgesetz, iktar ’il quddiem l-“UrhG” (6)) tipprovdi, fl-Artikolu 81 tagħha li:

“1)      Kull persuna li d-dritt esklużiv tagħha mogħti mil-liġi preżenti jiġi miksur jew li taħseb li jista’ jkun hemm tali ksur tista’ tagħmel rikors għal mandat ta’ inibizzjoni. Jistgħu wkoll jittieħdu passi legali kontra l-proprjetarju ta’ impriża jekk il-ksur twettaq, jew hemm ir-riskju li jitwettaq, matul l-attività tal-impriża tiegħu minn wieħed mill-impjegati tiegħu jew minn mandatarju; l-Artikolu 81(1a) japplika mutats mutandis.

1a.      Jekk l-awtur ta’ tali ksur, jew il-persuna li probabbilment tista’ twettaq dan il-ksur, jużaw għal dan l-iskop is-servizzi ta’ intermedjarju, jista’ jiġi ppreżentat ukoll rikors għal mandat ta’ inibizzjoni kontra dan tal-aħħar skont il-paragrafu 1. Jekk il-kundizzjonijiet esklużivi ta’ responsabbiltà, stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 17 tal-ECG huma ssodisfatti fir-rigward ta’ dan l-intermedjarju, ma tistax issir kawża kontrih ħlief wara intimazzjoni.”

7.        L-Artikolu 13 tal-Liġi Awstrijaka dwar il-kummerċ elettroniku [E-Commerce-Gesetz, iktar ’il quddiem l-“ECG”] (7) jirregola l-esklużjoni tar-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi li jaġixxu bħala intermedjarji. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni:

“Fornitur ta’ servizzi li jittrażmetti, fuq netwerk ta’ komunikazzjoni, informazzjoni pprovduta minn destinatarju tas-servizz jew li jipprovdi l-aċċess għan-netwerk ta’ komunikazzjoni ma huwiex responsabbli tal-informazzjoni trażmessa, sakemm:

1)      ma jkunx oriġina t-trażmissjoni;

2)      ma jkunx għażel id-destinatarju tat-trażmissjoni u

3)      ma jkun la għażel u lanqas immodifika l-informazzjoni li tkun is-suġġett tat-trażmissjoni.”

8.        L-Artikolu 355(1) tal-Kodiċi Awstrijak dwar il-proċeduri ta’ infurzar (8) jipprovdi:

“Il-proċedura ta’ infurzar kontra l-persuna obbligata li tieqaf minn aġir jew li tittollera aġir tistabbilixxi li, għal kull ksur magħmul wara li l-obbligu jkun kiseb forża eżekuttiva, il-qorti li tkun adita bl-infurzar, meta takkordah, għandha timponi, wara talba, sanzjoni pekunjarja. Għal kull ksur ulterjuri, il-qorti adita bl-infurzar għandha timponi, wara talba, sanzjoni pekunjarja addizzjonali jew piena ta’ ħabs għal perijodu totali ta’ żmien ta’ mhux iktar minn sena. [...]”

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

9.        Is-sit tal-internet użat taħt l-isem ta’ dominju kino.to kien jippermetti lill-utenti li jitolbu, fi kwantità kbira, films protetti bid-drittijiet tal-awtur. Il-films inkwistjoni setgħu jintwerew fi streaming jew inkella jitniżżlu. Dan kien ifisser, fl-ewwel każ, riproduzzjoni tranżitorja fuq l-apparat terminali, u fit-tieni każ, riproduzzjoni permanenti, ġeneralment għall-użu privat.

10.      Fost il-films li s-sit tal-internet inkwistjoni kien jagħti aċċess pubblikament għalihom kien hemm xogħlijiet li d-drittijiet fir-rigward tagħhom kienu jappartjenu lill-atturi fil-kawża prinċipali, jiġifieri Constantin Film Verleih GmbH u Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atturi”). L-atturi ma tawx l-awtorizzazzjoni tagħhom għal dan l-iskop.

11.      UPC Telekabel GmbH (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) hija fornitur kbir ta’ aċċess Awstrijaka. Hija ma għandha l-ebda rabta legali mal-amministraturi tas-sit tal-internet kino.to u la pprovditilhom aċċess għall-internet u lanqas memorja għal ħażna. Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, wieħed jista’ jissoponi bi kważi ċertezza li ċerti klijenti tal-konvenuta sfruttaw l-offerta ta’ kino.to.

12.      L-atturi talbu extraġudizzjarjament lill-konvenuta li tibblokka s-sit tal-internet kino.to. Billi l-konvenuta ma segwietx din it-talba, l-atturi adixxew lill-Handelsgericht Wien bi proċeduri għal miżuri provviżorji sabiex il-konvenuta tiġi inibita milli tippermetti lill-klijenti tagħha li jaċċedu għas-sit tal-internet kino.to, billi ċerti films tar-rikorrenti tpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-klijenti, sħaħ jew f’siltiet, fuq dan is-sit tal-internet. It-talba prinċipali kienet ġiet speċifikata, permezz ta’ talbiet imsejħa bħala “sussidjarji” li ma kinux jirrestrinġu t-talba prinċipali, billi ġew indikati diversi miżuri ta’ bblokkar (ibblokkar tad-DNS tad-dominju, ibblokkar tal-indirizz IP attwali tas-sit tal-internet, jekk ikun il-każ wara li jiġi kkomunikat mir-rikorrenti).

13.      L-atturi jibbażaw it-talba tagħhom fuq l-Artikolu 81(1a) tal-UrhG u jimmotivawha billi jsostnu li l-konvenuta għandha l-funzjoni ta’ intermedjarja fit-tqegħid għad-dispożizzjoni illegali ta’ kontenuti. L-għoti ta’ tali aċċess għandu jkun ipprojbit. Miżuri konkreti għandhom jiġu eżaminati biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar. Il-konvenuta ssostni, għall-kuntrarju, li hija ma għandha l-ebda relazzjoni mal-amministraturi ta’ kino.to, u li hija tipprovdi aċċess għall-internet lill-klijenti tagħha biss li ma aġixxewx b’mod illegali. Barra minn hekk, l-ibblokkar ġenerali ta’ aċċess għal sit tal-internet ma huwiex possibbli u ma jistax raġonevolment jintalab. Dwar il-miżuri konkreti mitluba, dawn huma sproporzjonati.

14.      B’digriet tat-13 ta’ Mejju 2011, il-Handelsgericht Wien ipprojbixxiet lill-konvenuta milli tipprovdi lill-klijenti tagħha aċċess għal kino.to, sa fejn dan is-sit iqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom films imsemmijin mill-atturi, u dan b’mod partikolari permezz tal-ibblokkar tad-dominju bid-DNS u bl-ibblokkar tal-indirizzi IP attwali jew futuri li l-attriċi tista’ tkun taf bihom. F’dan ir-rigward ikkunsidrat li dawn iż-żewġ miżuri setgħu jiġu implementati mingħajr diffikultà kbira, imma li setgħu jiġu evitati mill-utenti b’mod faċli ħafna. Madankollu, kienu l-metodi l-iktar effiċjenti biex jiġi prekluż l-aċċess. Ma ġiex stabbilit li d-dominju kino.to kien jaqsam l-indirizzi IP ma’ servers oħra li jipproponu kontenuti legali. Iż-żewġ partijiet ippreżentaw appell minn dan id-digriet.

15.      F’Ġunju 2011, is-sit tal-internet kino.to waqqaf l-attività tiegħu wara intervent tal-awtoritajiet kriminali Ġermaniżi kontra l-amministraturi tiegħu.

16.      B’digriet tas-27 ta’ Ottubru 2011, l-Oberlandesgericht Wien, bħala qorti tal-appell, irriformat id-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza billi pprojbixxiet il-provvista tal-aċċess għas-sit kino.to mingħajr ma indikat il-miżuri konkreti li kellhom jittieħdu f’dan ir-rigward. Skont dik il-qorti, l-Artikolu 81(1) tal-UrhG ittraspona l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-premessa 59 ta’ dik id-direttiva. Il-qorti tat-tieni istanza tikkunsidra li l-konvenuta tagħti lill-klijenti tagħha l-possibbiltà ta’ aċċess għall-kontenut disponibbli illegalment, li dan jagħmilha intermedjarja fis-sens legali, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-klijenti tagħha aġixxewx huma stess b’mod illegali. Hija ssostni li l-konvenuta għandha tiġi prekluża milli tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-atturi b’mod ġenerali, mingħajr ma jiġu indikati miżuri preċiżi. Għalhekk id-digriet għaliha jirrappreżenta obbligu ta’ riżultat (jiġifieri jiġi prekluż il-ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali). L-għażla tal-mezzi biex jinkiseb dan ir-riżultat titħalla f’idejn il-konvenuta, li hija obbligata tagħmel dak kollu li huwa possibbli u raġonevoli għal dan l-iskop. Il-fatt ta’ jekk il-miżura partikolari li ġiet imposta fuqha sabiex jiġi evitat il-ksur hijiex sproporzjonata għandu jiġi deċiż, skont il-qorti tat-tieni istanza, biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar, fejn tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdux jew jekk hemmx ksur tad-digriet.

17.      Il-konvenuta adixxiet l-Oberste Gerichtshof b’rikors ta’ “Reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni, filwaqt li talbet iċ-ċaħda tat-talbiet kollha tal-atturi.

III – Talba għal deċiżjoni preliminari u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      L-Oberste Gerichtshof issospendiet l-għoti tad-deċiżjoni u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari bid-domandi li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tqiegħed oġġetti protetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet (Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29) tkun qed tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess ta’ persuni li jaċċedu għal dawn l-oġġetti?

2.      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: riproduzzjoni magħmula għal użu personali [Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29] u riproduzzjoni temporanja jew inċidentali [Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29] huma permissibbli biss jekk il-kopja li serviet għar-riproduzzjoni tkun ġiet riprodotta, iddistribwita jew magħmula disponibbli għall-pubbliku legalment?

3.      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, jiġifieri, fil-każ fejn ordni ta’ restrizzjoni jkollu jingħata kontra l-fornitur tal-aċċess tal-utent skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29: huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-bilanċ meħtieġ tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati li jiġi pprojbit lill-fornitur tal-aċċess f’termini ġenerali ħafna (jiġifieri, mingħajr ma jiġu preskritti miżuri konkreti) li jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit tal-internet li l-kontenut tiegħu kollu kemm hu jew f’parti sostanzjali minnu ma jkunx ġie awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet meta l-fornitur tal-aċċess jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità intiżi sabiex jippenalizzaw ksur ta’ din il-projbizzjoni billi jipprova li hu jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli?

4.      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda: huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-bilanċ meħtieġ tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati li jiġu imposti fuq fornitur tal-aċċess miżuri konkreti intiżi sabiex jagħmluha iktar diffiċli għall-klijenti tiegħu biex ikollhom aċċess għal sit tal-internet li l-kontenut tiegħu jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utenti illegalment meta dawn il-miżuri, li jirrikjedu spejjeż li ma humiex negliġibbli, jistgħu faċilment jiġu evitati mingħajr għarfien tekniku speċifiku?”

19.      L-atturi, il-konvenuta, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

20.      Matul is-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013, l-atturi, il-konvenuta, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea intervjenew.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari u aspetti tekniċi

21.      Ftit invenzjonijiet bidlu d-drawwiet tagħna u l-użu tagħna tal-midja daqshekk fil-fond bħal ma għamel l-internet. Dan in-netwerk, li lanqas għadu għalaq 30 sena, kif nafuh aħna (9), jippermetti l-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell dinji. Fi ftit żmien, il-forom ġodda ta’ komunikazzjoni saru għalina tant evidenti li r-Relatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-libertà tal-opinjoni jikkunsidra l-aċċess għall-informazzjoni bl-internet bħala essenzjali f’soċjetà demokratika (10).

22.      Iżda t-teknoloġiji l-ġodda jipprovdu wkoll il-possibbiltà li jitwettaq l-abbuż. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet. Rari wieħed jara każijiet daqshekk flagranti daqs f’dan il-każ. Skont it-tagħrif mogħti mill-atturi, is-sit tal-internet kino.to, li f’ċerti mumenti kellu iżjed minn 4 miljun kuntatt, offra iktar minn 130 000 film bi streaming jew għat-tniżżil, mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet. Minn din l-offerta l-amministraturi ta’ dan is-sit għamlu kull sena dħul mir-reklamar li jammonta għal miljuni ta’ euro, qabel ma s-sit ingħalaq f’Ġunju 2011 wara investigazzjoni tal-prokura ġenerali ta’ Dresden mibdija fuq denunzja. Ħadd mill-partijiet fil-kawża ma jippretendi li l-kontenuti tas-sit tal-internet inkwistjoni huma leċiti. Għall-kuntrarju, l-amministraturi tiegħu diġà ġew ikkundannati kriminalment, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-kummerċjalizzazzjoni mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur (11).

23.      Id-detenturi tad-drittijiet jopponu siti tal-internet li jiksru d-drittijiet tal-awtur b’mod daqstant massiv. Il-persuni li hemm wara dawn is-siti, kif ukoll dawk li jipprovdulhom l-aċċess għall-internet, ta’ spiss joperaw ’il barra mill-Unjoni Ewropea jew jaħbu sew l-identità tagħhom. Id-detenturi tad-drittijiet għalhekk jipprovaw jilħqu l-għan tagħhom billi jaġixxu kontra l-fornituri tal-aċċess sabiex jiġu ordnati jibblokkaw l-aċċess għall-offerti li jiksru d-drittijiet tagħhom. F’diversi Stati Membri, id-dibattitu fuq il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet li jordnaw lill-fornituri tal-aċċess jibblokkaw dan tal-aħħar huwa mqanqal ħafna (12).

24.      Il-fatt li l-ibblokkar ta’ siti tal-internet minn fornituri tal-aċċess joħloq ċerti problemi jagħmel il-kwistjoni dejjem iżjed kumplessa (13). Il-qorti tar-rinviju ssemmi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-possibbiltà tal-ibblokkar tal-indirizz IP u l-ibblokkar bid-DNS.

25.      L-indirizzi IP huma indirizzi numeriċi li jingħataw lill-apparat fin-netwerk fuq l-internet sabiex tkun tista’ ssir komunikazzjoni bejniethom (14). Fil-każ ta’ bblokkar minn fornitur tal-aċċess, it-talbiet mibgħuta lill-indirizz-IP ibblokkat ma jibqgħux iktar trażmessi minn dan il-fornitur tal-aċċess. L-ibblokkar bid-DNS (Domain Name System) jolqot min-naħa tiegħu l-isem tad-dominju, li jintuża mill-utenti minflok l-indirizzi IP li huma diffiċli li jiġu mmaniġġjati. Is-servers DNS, li jiġu ġestiti mill-fornituri tal-aċċess, “jittraduċu” l-isem tad-dominju f’indirizzi IP. Fil-każ ta’ bblokkar bid-DNS, hija din it-traduzzjoni li tiġi prekluża. Minbarra dawn iż-żewġ metodi biex jiġi bblokkat l-aċċess għal sit tal-Internet, huwa possibbli wkoll li t-traffiku kollu tal-internet ta’ fornitur tal-aċċess jgħaddi minn server proxy u jiġi ffiltrat. Madankollu, dawn il-metodi kollha jistgħu jiġu evitati (15) mill-utenti. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti ta-rinviju, l-utenti jistgħu faċilment jilħqu s-sit tal-Internet illeċitu anki mingħajr ma jkollhom għarfien tekniku partikolari. L-amministraturi tas-sit tal-internet illegali jistgħu jagħmluh ukoll disponibbli taħt indirizz ieħor.

26.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, permezz tad-Direttiva 2001/29, sistema speċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni. Minbarra armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni (Artikolu 2), tad-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku u tad-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ oġġetti oħra protetti (Artikolu 3) u tad-dritt ta’ distribuzzjoni (Artikolu 4), id-direttiva tistabbilixxi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet (Artikolu 5), u tipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet u rimedji ġudizzjarji xierqa kontra ksur ta’ drittijiet u obbligi li hija tistabbilixxi u biex jiġi żgurat li d-detenturi ta’ drittijiet ikunu jistgħu jitolbu inġunzjoni ta’ restrizzjoni kontra l-intermedjarji “li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat” [Artikolu 8, u b’mod partikolari, l-Artikolu 8(3)]. Bl-istess mod, skont id-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu miżuri leali, ekwi, effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (Artikolu 3), miżuri li jinkludu wkoll inġunzjonijiet ta’ restrizzjoni (Artikolu 11).

27.      Fl-istess ħin, il-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-infrastruttura tal-internet u adotta, mal-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31, dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, li la jaffettwaw id-Direttiva 2001/29, bis-saħħa tal-premessa 16 tagħha, u lanqas id-Direttiva 2004/48, bis-saħħa tal-Artikolu 2(3)(a) tagħha. Minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, fil-prattika l-fornituri tal-aċċess huma kkonfrontati b’regoli differenti, skont l-Istati Membri, meta jipproċessaw il-kontenuti illegali li jkunu jafu bihom (16).

28.      Fl-aħħar nett, l-ibblokkar ta’ siti tal-internet jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali u għandu jiġi kkunsidrat ukoll minn dan l-aspett.

B –    Ammissibbiltà

29.      Għall-ewwel, jista’ jkun hemm dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. L-atturi fil-kawża prinċipali fil-fatt talbu li l-konvenuta tiġi prekluża, b’digriet għal miżuri provviżorji, milli tippermetti l-aċċess għal sit tal-Internet li ma għadux aċċessibbli minn Ġunju 2011. Għalhekk wieħed jista’ jistaqsi jekk jeżistix interess leġittimu hawnhekk.

30.      Iżda b’dasqhekk ma jfissirx li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ammissibbli. Fil-fatt, f’dan ir-rigward jista’ jitfakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE l-qorti tar-rinviju tista’ tagħmel domanda għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, meta hija tqis li dan ikun meħtieġ biex tagħti s-sentenza tagħha. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju huma l-qrati nazzjonali li huma aditi b’kawża li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (17).

31.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twarrab biss dan il-prinċipju jekk jidhrilha “b’mod manifest” (18) li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija mingħajr interess għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali pendenti, li d-domandi magħmula huma ta’ natura purament ipotetika (19), jew saħansitra li l-kawża nħolqot b’mod artifiċjali (20).

32.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li ħarġet id-digriet tagħha fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, jiġifieri fil-mument meta s-sit tal-Internet, suġġett tal-kawża, kien għadu aċċessibbli. Għalhekk hawnhekk hawn kawża vera li d-domandi preliminari magħmulin għaliha huma ċertament rilevanti.

C –    L-ewwel domanda preliminari

33.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur tal-aċċess ta’ persuna li tikkonsulta xogħol li jikser l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jkun ikkunsidrat bħala intermedjarju li s-servizzi tiegħu huma “użati” mill-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

34.      Jekk dan kien il-każ, inġunzjoni ta’ restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, tista’ tingħata anki kontra l-fornitur tal-aċċess tal-utent tal-internet li jikkonsulta s-sit illegali, u mhux biss kontra l-fornitur tal-aċċess għall-imsemmi sit tal-internet. Insostenn tal-legalità ta’ inġunzjoni bħal dik maħruġa kontra dawn il-fornituri tal-aċċess, wieħed jista’ jieħu inkunsiderazzjoni żewġ tipi ta’ argumenti li fuqhom huma bbażati l-ewwel żewġ domandi preliminari. Fl-ewwel lok, u dan huwa s-sens tal-ewwel domanda preliminari, wieħed jista’ jsostni li digriet kontra fornitur tal-aċċess tal-utent tal-internet li wettaq il-konsultazzjoni huwa leċitu, għar-raġuni li huwa intermedjarju li s-servizzi tiegħu jintużaw minn amministraturi tas-sit tal-internet illeċitu sabiex ikun hemm ksur tad-drittijiet tal-awtur. Fit-tieni lok, u huwa fuq dan li l-qorti tar-rinviju tibbaża t-tieni domanda tagħha, tali inġunzjoni tista’ tkun iġġustifikata wkoll bil-fatt li l-klijenti tal-fornitur tal-aċċess li jikkonsultaw is-sit tal-internet illeċitu jaġixxu min-naħa tagħhom illegalment, b’mod li s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess jintużaw mill-klijenti tiegħu stess għall-finijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur, u dan effettivament jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

35.      L-atturi, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkunsidraw li persuna li tagħmel xogħol protett aċċessibbli fuq l-internet, mingħajr awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, tuża s-servizzi ta’ fornitur tal-aċċess tal-persuna li tikkonsulta x-xogħol inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju hija wkoll ta’ din il-fehma. Il-konvenuta biss hija ta’ opinjoni differenti.

36.      Nemmen ukoll li l-fornitur tal-aċċess tal-utent għandu jitqies li huwa intermedjarju, li s-servizzi tiegħu jintużaw minn terz biex jinkisru d-drittijiet tal-awtur. Dan jirriżulta mill-ittra, mill-kuntest, mis-sens u mill-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Qabel ma nanalizza dan il-punt, għandha titfakkar il-ġurisprudenza rilevanti preċedenti.

1.      Il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja

37.      Din il-kawża ma hijiex l-ewwel waħda fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tikkunsidra l-kwistjoni tar-rwol ta’ fornituri tal-aċċess bħala intermedjarji li “s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat”, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

38.      Fil-kawża LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li persuna li tipprovdi aċċess, li sempliċement tipprovdi aċċess għall-internet lill-utenti, mingħajr ma tipproponi servizzi oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ posta elettronika, ta’ tniżżil jew ta’ qsim ta’ fajls, u lanqas ma twettaq kontroll de jure jew de facto fuq is-servizz użat, għandha titqies li hija ‘intermedjarju’ fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29” (21).

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat dan billi sostniet li l-fornitur tal-aċċess jipprovdi lill-klijent servizz li jista’ jiġi użat minn terz biex jikser drittijiet tal-awtur. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, peress li l-fornitur tal-aċċess jipprovdi lill-utent il-konnessjoni li tippermettilu li jikser id-drittijiet inkwistjoni (22). Kuntrarjament għall-każ preżenti, il-kawża ċċitata iktar ’il fuq kellha bħala suġġett sistemi ta’ qsim ta’ fajls, fejn l-utenti tal-fornitur tal-aċċess ipoġġu huma stess ix-xogħlijiet li jiksru d-drittijiet tal-awtur għad-dispożizzjoni fuq l-internet.

40.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 li ngħatat fil-kawża LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten ġiet ikkonfermata fis-sentenza Scarlet Extended. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, id-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jitolbu li inġunzjoni ta’ restrizzjoni tingħata kontra intermedjarji, bħall-fornituri tal-aċċess, intiża mhux biss biex jitwaqqaf il-ksur diġà mwettaq, imma wkoll biex jiġi prekluż ksur ġdid (23).

41.      Bl-istess mod, l-amministraturi ta’ pjattaformi ta’ netwerks soċjali online huma koperti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kunċett ta’ intermedjarju fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 (24).

42.      Għalhekk, fil-qosor wieħed jista’ jikkonkludi li l-ġurisprudenza diġà ppreċiżat li l-fornituri tal-aċċess għandhom ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala “intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur”, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, u li għalhekk jistgħu jkunu suġġetti għal inġunzjoni ta’ restrizzjoni fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. Madankollu għad fadal li jiġi ċċarat, kif tgħid f’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju, jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jikkontemplax ukoll inġunzjoni ta’ restrizzjoni fir-rigward ta’ fornitur tal-aċċess, meta dan tal-aħħar ma jkunx ipprovda l-aċċess għall-internet lill-persuna li tikser id-drittijiet tal-awtur, imma biss lill-persuna li kkonsultat l-offerta illegali, jiġifieri, (biex jintuża l-kliem tad-dispożizzjoni) jekk il-persuna li tipproponi l-kontenuti li jiksru d-drittijiet tal-awtur tużax, għal dan l-iskop, is-servizzi tal-fornitur tal-aċċess tal-utent li jikkonsulta dawn il-kontenuti.

2.      Interpretazzjoni tad-dispożizzjoni

a)      Interpretazzjoni letterali

43.      Il-konvenuta tikkunsidra li fornitur tal-aċċess bħal dan ma għandux jintlaqat minn inġunzjoni ta’ restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għar-raġuni li, fin-nuqqas ta’ relazzjoni kuntrattwali mal-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur, ma jkollu l-ebda possibbiltà li jinfluwenzah u li l-ksur jitwettaq meta x-xogħol inkwistjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u ma jkun hemm l-ebda intervent min-naħa tiegħu. Is-servizzi tal-fornitur tal-aċċess, skont il-konvenuta, b’hekk ma “jkunu[x] użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur”. Fil-fatt, interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-espressjoni “jkunu użati” tinkludi wkoll is-servizzi tal-fornituri tal-elettriku, is-servizzi ta’ konsenja u oħrajn.

44.      Din il-fehma ma hijiex konvinċenti. Kif irrepetejt diversi drabi, skont l-Artikolu 8(3), għandu jkun possibbli li tintalab inġunzjoni ta’ restrizzjoni kontra intermedjarji “li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx espliċitament l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn l-intermedjarju u l-persuna li tikser id-drittijiet tal-awtur (25).

45.      Madankollu dak li jkun jista’ jistaqsi jekk is-servizzi tal-fornitur tal-aċċess tal-persuna li tikkonsulta l-informazzjoni li tikser drittijiet tal-awtur humiex “użati” wkoll, għall-finijiet ta’ dak il-ksur, mill-persuna li tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u b’hekk tikser l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29.

46.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, l-istess bħall-konvenuta, tesponi xi dubji, billi s-sitwazzjoni li jsemmi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 titwettaq meta l-amministratur tas-sit tal-Internet li jikser id-drittijiet tal-awtur jagħmel dan is-sit aċċessibbli permezz tal-fornitur tal-aċċess tiegħu.

47.      Ma hemmx dubju li sit tal-internet, meta jitqiegħed online minn fornitur tal-aċċess tal-amministratur tas-sit, diġà jkun għamlu “disponibbli lill-pubbliku [...] b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, din id-disponibbiltà għall-pubbliku ssir primarjament permezz tal-fornitur tal-aċċess stess ta’ dak il-pubbliku. Għalkemm ma huwiex billi jitwarrab fornitur tal-aċċess partikolari li s-sit inkwistjoni ma jibqax aċċessibbli, ċertament li, kollettivament, il-fornituri tal-aċċess tal-utenti tal-internet huma neċessarji sabiex dan ikun “disponibbli lill-pubbliku” (26). Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward tinnota, ġustament, li mil-lat fattwali, id-disponibbiltà tkun rilevanti biss mill-mument meta l-utenti tal-internet jista’ jkollhom aċċess għall-kontenut inkwistjoni.

48.      Madankollu, dan ifisser li, skont kliem id-dispożizzjoni, anki s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess tal-utent tal-internet jintużaw mill-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur għall-finijiet ta’ dan il-ksur (27), indipendentement mill-fatt jekk dak l-awtur tal-ksur għandux huwa nnifsu relazzjoni kuntrattwali ma’ dan il-fornitur tal-aċċess.

b)      Interpretazzjoni skont il-kuntest

49.      Il-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni huwa wkoll favur din l-interpretazzjoni.

50.      F’dan il-kuntest, l-ewwel nett għandu jsir riferiment għall-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, li tgħid li s-“servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. [...] F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni ta’ restrizzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor”.

51.      Din il-premessa tenfasizza li d-Direttiva 2001/29 tikkunsidra lill-intermedjarji bħala l-aħjar destinatarji ta’ miżuri intiżi li jwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur primarjament għar-raġuni li huma jittrażmettu data “f’network”. Il-kliem magħżul juri li inkwistjoni ma hemmx biss l-ewwel trażmissjoni f’netwerk, imma wkoll trażmissjoni ulterjuri fin-netwerk. Dan jidher iżjed ċar fil-verżjoni Ingliża u Spanjola tad-direttiva fejn naqraw, rispettivament, “who carries a third party’s infringement of a protected work [...] in a network” u “que transmita por la red la infracción contra la obra [...] cometida por un tercero”. Issa, b’dan il-mod, anki l-fornituri tal-aċċess tal-utenti li jikkonsultaw il-kontenuti kkontestati huma inklużi.

52.      Bħala prinċipju, ir-regoli ta’ responsabbiltà għall-intermedjarji ffissati mid-Direttiva 2000/31 ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ inġunzjoni ta’ restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 kontra l-fornituri tal-aċċess. Bla dubju l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva fih dispożizzjonijiet speċjali dwar ir-responsabbiltà tal-intermedjarji għas-sempliċi trażmissjoni ta’ informazzjoni. Madankollu, bis-saħħa tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx il-possibbiltà li qorti jew awtorità amministrattiva jeżiġu li l-fornitur itemm il-ksur.

53.      Il-possibbiltà li jingħata digriet kontra fornitur tal-aċċess hija prevista wkoll mid-Direttiva 2004/48, li tistabbilixxi fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tagħha, inġunzjonijiet ta’ restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz biex jinkiser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali.

54.      Għalhekk, interpretazzjoni sistematika tindika wkoll f’dan is-sens li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jinkludi lill-fornituri tal-aċċess bħala destinatarji potenzjali ta’ inġunzjoni ta’ restrizzjoni anki meta ma jkunux il-fornitur tal-aċċess tal-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur, imma dawk tal-utent li jikkonsultaw is-sit tal-Internet illegali.

c)      Interpretazzjoni skont is-sens u l-għan tad-dispożizzjoni

55.      Fl-aħħar nett, is-sens u l-għan tad-dispożizzjoni huma wkoll favur interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 fis-sens li l-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur juża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess tal-utent li jikkonsulta s-sit tal-internet.

56.      Interpretazzjoni bħal din taqbel mal-intenzjoni tal-leġiżlatur li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (28). Skont ir-rieda tal-leġiżlatur, sistema “rigoruż[a] [u] effettiv[a]” ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija meħtieġa sabiex jiġu ggarantiti l-ħolqien u l-produzzjoni kulturali Ewropej (29).

57.      Id-Direttiva 2001/29 għandha tiżgura tali livell għoli ta’ protezzjoni preċiżament fid-dawl tal-isfidi tas-soċjetà tal-informazzjoni (30). Kif jirriżulta mill-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, il-leġiżlatur ikkunsidra li, fid-dawl tal-progress tekniku, l-intermedjarji li jittrażmettu l-informazzjoni ta’ spiss jinsabu fl-aħjar pożizzjoni anki biex jaġixxu kontra l-informazzjoni li tikser id-drittijiet. L-eżempju ta’ sit tal-internet imqiegħed online minn fornitur tal-aċċess barra mill-Unjoni Ewropea juri għaliex il-leġiżlatur jikkunsidra li l-intermedjarju għandu rwol ewlieni bħal dan: f’każ bħal dan, is-sit tal-internet inkwistjoni u l-amministraturi tiegħu ta’ spiss ma jistgħux jintlaħqu mill-ġustizzja. Għalhekk, il-fornitur tal-aċċess jibqa’ referenza xierqa.

58.      Huwa evidenti li l-intermedjarju li ma għandu l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-attur fl-ebda każ ma jinżamm responsabbli, mingħajr kundizzjoni, tal-waqfien ta’ dan il-ksur. Fil-qafas tal-proposti tiegħi ta’ risposti għat-tielet u r-raba’ domandi, ser nagħmel ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

59.      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tagħmel disponibbli oġġetti protetti lill-pubbliku fuq l-internet mingħajr awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, u b’hekk tikser id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess tal-persuni li jikkonsultaw dawn l-oġġetti. Peress li tajt risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ser ngħaddi direttament għall-kunsiderazzjoni tat-tielet domanda preliminari.

D –    It-tielet domanda preliminari

60.      Il-kumplessità tat-tielet domanda preliminari tirriżulta diġà mill-mod kif inhi fformulata. Hija tikkombina żewġ elementi. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mad-drittijiet fundamentali, li l-fornitur tal-aċċess jiġi pprojbit ġudizzjarjament, fil-qafas tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, f’termini ġenerali ħafna, milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu aċċess għal sit tal-internet fejn parti sostanzjali jew il-kontenut kollu ma jkunx ġie awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet. Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi d-digriet ġudizzjarju fformulat b’dan il-mod bħala “Erfolgsverbot” (projbizzjoni li jitħalla jseħħ ċertu riżultat), fis-sens li d-destinatarju tal-projbizzjoni huwa marbut li jipprekludi ċertu riżultat (jiġifieri l-aċċess għall-internet), mingħajr ma jiġu indikati l-miżuri li dan id-destinatarju għandu jieħu għal dan l-iskop (31).

61.      Madankollu din il-kwistjoni tqum, u dan huwa t-tieni element tad-domanda, f’kuntest proċedurali partikolari. Il-fornitur tal-aċċess jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità għan-nuqqas ta’ osservanza tal-“Erfolgsverbot” billi juri li ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jikkonforma ruħu magħha. Dan l-element jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali partikolari li japplikaw għall-adozzjoni u l-infurzar ta’ digriet bħalma huwa dak deskritt hawnhekk mill-qorti tar-rinviju.

62.      L-ewwel net, iktar ’il quddiem ser nippreżenta l-fehmiet tad-diversi intervenjenti, biex imbagħad nesponi, fil-qosor u b’mod simplifikat, sabiex wieħed jifhem aħjar, id-dispożizzjonijiet nazzjonali. Fl-aħħar nett ser nipproċedi biex nikkunsidra l-kwistjoni ġuridikament.

1.      Il-fehma tal-intervenjenti

63.      L-intervenjenti ddefendew fehmiet differenti fuq din il-kwistjoni.

64.      L-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit essenzjalment jikkunsidraw li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa n-natura tad-digriet ġudizzjarju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-każ konkret, ċerti rekwiżiti, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ bbilanċjar tal-interessi tal-partijiet inkwistjoni. L-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi ttrattaw it-tielet u r-raba’ domandi flimkien.

65.      L-atturi u r-Repubblika tal-Awstrija jikkunsidraw li “Erfolgsverbot” kif ippreżentata f’dan il-każ hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. L-atturi jinvokaw, insostenn ta’ dan l-argument, l-interess għal mezzi ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll approċċ ġurisprudenzjali newtrali fuq il-pjan tekniku. Fl-opinjoni tagħhom, il-proċedura ma hijiex kontestabbli għaliex il-qrati nazzjonali, meta ordnaw l-ibblokkar, evalwaw il-proporzjonalità tal-miżura, jiġifieri l-kwistjoni ta’ jekk is-sit tal-internet inkwistjoni tax aċċess għal kontenuti li f’parti sostanzjali jew kollha kemm huma ma kinux ġew awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet. Minħabba n-natura flagranti tal-ksur tad-drittijiet u l-għan ta’ disponibbiltà teknika, il-fornitur tal-aċċess għandu jissaporti l-inċertezza dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Skont il-konvenuti, l-interessi leġittimi tal-fornitur tal-aċċess kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ infurzar. L-Awstrija tqis ukoll, min-naħa tagħha, li l-proċedura hija legali fl-interess tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta jkun hemm ksur b’mod massiv tad-drittijiet tal-awtur, peress li l-fornitur tal-aċċess jinsab f’pożizzjoni aħjar minn dik tad-detentur tad-drittijiet biex jagħżel il-miżura ta’ bblokkar xierqa.

66.      Il-konvenuta u l-Kummissjoni jeskludu l-legalità ta’ “Erfolgsverbot” skont il-proċedura deskritta. Fil-fehma tal-konvenuta, projbizzjoni ġenerali biex jitħalla li jinħoloq ċertu riżultat ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Il-fornitur tal-aċċess ma għandu l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Il-projbizzjoni inkwistjoni tpoġġi piż fuqu, lil hinn minn dak li huwa raġonevoli, li jevalwa liema ser ikunu l-miżuri ta’ bblokkar raġonevoli, bir-riskju, f’każ ta’ żball ta’ evalwazzjoni, li jsir responsabbli fir-rigward tal-osservanza tal-“Erfolgsverbot” jew fir-rigward tal-klijent. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li l-qorti nazzjonali ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa l-proporzjonalità, billi injorat il-portata tal-miżuri meħtieġa, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-possibbiltà li jiġu evitati pagamenti ta’ penalità ma tistax tiġi rrimedjata fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni ġusta tal-proporzjonalità fil-mument tal-adozzjoni tad-digriet.

2.      Id-dritt Awstrijak

67.      Sabiex wieħed jifhem aħjar b’mod partikolari l-aspetti proċedurali tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa utli li nagħmel xi kunsiderazzjonijiet fuq id-dritt Awstrijak (32).

68.      Għall-protezzjoni ta’ drittijiet assoluti, jiġifieri tad-drittijiet li d-detenturi tagħhom jistgħu jinvokaw kontra kwalunkwe persuna (33), id-dritt Awstrijak jipprevedi bħala prinċipju l-possibbiltà li tiġi imposta projbizzjoni li jitħalla li jiġi prodott riżultat determinat (Erfolgsverbot). Skont l-argumenti tal-konvenuta, tali projbizzjoni ġeneralment hija imposta fuq il-persuna li tkun kisret direttament dritt assolut. Din il-projbizzjoni tobbliga lid-destinatarju tagħha jipprekludi li jiġi prodott ċertu riżultat. Il-mezzi li għandhom jintużaw biex jiġi prekluż dan ir-riżultat jitħallew għall-evalwazzjoni tad-destinatarju tal-projbizzjoni. Il-kwistjoni jekk din il-projbizzjoni hijiex possibbli biss jew jekk il-miżuri meħtieġa għal dan l-għan jieħdux inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ma hijiex evalwata qabel ma tiġi ddegretata l-“Erfolgsverbot” (34).

69.      Iżda fil-każ fejn madankollu jseħħ ir-riżultat li hemm bżonn li jiġi pprojbit (jiġifieri, fil-każ preżenti, jekk utent jasalx biex jeċċedi għas-sit tal-internet ikkontestat), ikun hemm ksur tal-“Erfolgsverbot” u jista’ jintalab (fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar) li d-destinatarju tal-projbizzjoni jiġi kkundannat għal pagamenti ta’ penalità (35). Għalhekk, l-oneru tal-prova, skont l-ispjegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, jaqa’ fuq il-benefiċjarju tad-digriet. Huwa biss f’dan il-każ, fl-istadju tal-proċedura ta’ infurzar, li d-destinatarju tal-projbizzjoni jista’ jsostni ġudizzjarjament il-fatt li ħa l-miżuri kollha li wieħed jista’ jistenna minnu sabiex jipprekludi r-riżultat ipprojbit u jevita b’hekk il-pagamenti ta’ penalità.

70.      Mad-daqqa ta’ għajn, jidher li huwa preferibbli li l-konformità mad-dritt Ewropew tal-projbizzjoni li jitħalla jiġi prodott ċertu riżultat (Erfolgsverbot) tiġi evalwata separatament mill-partikolaritajiet proċedurali. Madankollu, il-projbizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tinkludi l-possibbiltà li jiġu evitati pagamenti ta’ penalità a posteriori, fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar. Għalhekk dan jikkostitwixxi (minkejja l-partikolaritajiet ta’ proċedura organizzata b’mod sfavorevoli ħafna għall-fornitur tal-aċċess) miżura inqas restrittiva mill-“Erfolgsverbot” stretta. Għalhekk ser inħalli fil-ġenb il-partikolaritajiet proċedurali l-oħra sabiex nevalwa, iktar ’il quddiem, kif tagħmel ukoll il-qorti tar-rinviju, il-kompatibbiltà mad-dritt Ewropew tal-“Erfolgsverbot” bil-possibbiltà li wieħed jeżonera ruħu a posteriori.

3.      Evalwazzjoni ġuridika

71.      Fl-opinjoni tiegħi, il-projbizzjoni li jitħalla jiġi prodott ċertu riżultat, l-Erfolgsverbot, mingħajr indikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu għal dan l-iskop, meta din tkun tikkonċerna fornitur tal-aċċess li ma huwiex f’relazzjoni kuntrattwali mal-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur, ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Il-possibbiltà li tiġi invokata iktar ’il quddiem, fil-proċedura ta’ infurzar, in-natura irraġonevoli tal-miżuri meħtieġa għall-osservanza tal-projbizzjoni ma tipprekludix lill-“Erfolgsverbot” milli tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

72.      Bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-inġunzjonijiet ta’ restrizzjoni li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, l-istess bħall-każijiet u l-proċedura li għandha tiġi segwita għal dan l-iskop, jirrigwardaw id-dritt nazzjonali ta’ dawn tal-aħħar. Dan jirriżulta mill-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29 u, b’mod simili, mill-premessa 23 tad-Direttiva 2004/48 (36).

73.      Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dawn l-inġunzjonijiet ta’ restrizzjoni jew digrieti ma titħalliex għal kollox għas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri. Fil-fatt, dawn ir-regoli nazzjonali, l-istess bħall-applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali, għandhom josservaw il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-Direttivi 2001/29 u 2004/48, kif ukoll mis-sorsi tad-dritt li għalihom jagħmlu riferiment dawn id-direttivi (37). Barra minn hekk, għandhom dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-Karta) u l-Artikolu 6 TUE.

74.      Iktar ’il quddiem ser nittratta tlieta minn dawn il-limitazzjonijiet fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri biex dawn jiġu evalwati fl-istess ordni bħal fil-ġurisprudenza ċċitata: l-interpretazzjoni tad-direttiva fis-sens tal-ksib effettiv tal-għanijiet tagħha, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, kif ukoll id-drittijiet fundamentali. Huwa fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar li l-miżura eżaminata hawnhekk tirriżulta inkompatibbli.

a)      Protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur

75.      L-ewwel nett għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-twettiq tal-għan finali tagħha, jiġifieri, il-protezzjoni ġuridika effettiva tad-drittijiet tal-awtur [Artikolu 1(1)] (38). Għalhekk, is-sanzjonijiet għandhom ikunu “effettivi, xierqa u disswassivi” (39). Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, il-miżuri, il-proċeduri u l-mezzi ta’ rimedji meħtieġa biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu leali, ekwi, effettivi, proporzjonati u dissważivi, ma għandhomx joħolqu termini mhux raġonevoli u lanqas joħolqu dewmien mhux ġustifikat, u jiġu applikati b’mod li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu u sabiex jiġu offerti salvagwardji kontra l-użu abbużiv tagħhom. Isegwi wkoll li l-Istati Membri, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata, għandhom jistabbilixxu miżuri li mhux biss iwaqqfu ksur diġà mwettaq, imma wkoll li jiġi pprevenut ksur ġdid (40).

76.      Min-naħa l-oħra, u kif hemm sottointiż diġà fir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità, ta’ lealtà u tan-natura ekwa, il-miżuri inkwistjoni għandhom jiżguraw bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u interessi tal-partijiet ikkonċernati, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti sa mis-sentenza Promusicae (41).

b)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31

77.      Barra minn hekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 li jgħid li l-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri ta’ servizzi li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jittrażmettu jew iżommu, lanqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali. Bis-saħħa tal-premessa 16 tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2004/48 [Artikolu 15(1)] din id-dispożizzjoni ma hijiex affettwata minn dawn l-aħħar direttivi (42).

78.      Ikun hemm tali miżura illeċita kieku l-qorti tkun imponiet fuq il-fornitur tal-aċċess li attivament ifittex kopji eventwali tal-paġna tal-internet illegali, taħt ismijiet ta’ dominji oħra, jew li jiffiltra d-data kollha trażmessa fin-netwerk tiegħu li tkun ikkostitwita minn trażmissjonijiet ta’ films speċifiċi u li jibblokkahom. F’dan il-każ ma teżistix miżura bħal din. Anzi l-qorti tar-rinviju qed tintalab tiddeċiedi fuq l-ibblokkar ta’ sit tal-internet partikolari. Għaldaqstant din il-miżura ma tiksirx l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

c)      Id-drittijiet fundamentali

79.      Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni hawnhekk tmur kontra r-rekwiżiti dwar id-drittijiet fundamentali li għalihom iridu jkunu suġġetti, skont il-ġurisprudenza (43), l-inġunzjonijiet ta’ restrizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Min dan l-aspett, il-miżura inkwistjoni la hija “ġust[a]” u lanqas “proporzjonat[a]” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48.

80.      Id-drittijiet fundamentali, li issa huma ggarantiti fl-istess livell bħat-Trattati bis-saħħa tal-Artikolu 6 TUE, japplikaw għall-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta meta jagħtu digrieti fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Il-qrati nazzjonali huma marbutin b’mod partikolari li jieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-drittijiet (44).

81.      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat li digriet fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 huwa intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija żgurata, taħt id-drittijiet fundamentali, bl-Artikolu 17(2) tal-Karta (45). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt, madankollu, ma huwiex intanġibbli u għalhekk il-protezzjoni tiegħu ma għandhiex tkun żgurata b’mod assolut. Fil-fatt, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali tal-proprjetà, li tinkludi d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandha tiġi bbilanċjata ma’ dik ta’ drittijiet fundamentali oħra sabiex ikun żgurat, fil-kuntest tal-miżuri adottati għall-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, bilanċ ġust bejn il-protezzjoni ta’ dan id-dritt u dawk tad-drittijiet fundamentali ta’ persuni li huma affettwati minn tali miżuri (46).

82.      Min-naħa tal-fornitur tal-aċċess li kontrih tiġi adottata miżura skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, għandha tiġi kkunsidrata l-ewwel nett restrizzjoni possibbli fuq il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni (Artikolu 11 tal-Karta). F’din il-kawża ċertament hija kwistjoni ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-klijenti tal-fornitur tal-aċċess, madankollu, dan tal-aħħar jista’ wkoll juża dan id-dritt fundamentali bis-saħħa tal-funzjoni tiegħu li tikkonsisti f’li jsiru pubbliċi l-opinjonijiet tal-klijenti tiegħu u jittrażmettilhom l-informazzjoni (47). Dak li għandu jiġi ggarantit, f’dan il-kuntest, huwa li l-miżura ta’ bblokkar tolqot effettivament materjal illeċitu, u li ma jkunx hemm ir-riskju li jiġi bblokkat l-aċċess għal materjal leċitu (48).

83.      Skont il-ġurisprudenza, għandha barra minn hekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà tal-intrapriża tal-fornitur tal-aċċess, ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta (49).

84.      F’dan il-kuntest, skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet li l-fornitur tal-aċċess jista’ jinvoka u d-dritt ta’ proprjetà intellettwali (50).

85.      Ma jistax jingħad li jeżisti bilanċ bħal dan jekk ikun hemm projbizzjoni kontra fornitur tal-aċċess sabiex jinħoloq riżultat preċiż (Erfolgsverbot), mingħajr indikazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għal dan l-iskop.

86.      Kif semmejt fl-introduzzjoni, hemm sensiela ta’ miżuri għall-ibblokkar ta’ sit tal-internet, u għalhekk li jistgħu jimplementaw l-“Erfolgsverbot”. Fost dawn il-miżuri hemm metodi kumplessi ħafna, bħad-devjazzjoni tat-traffiku tal-Internet lejn proxy server, imma anki miżuri oħra inqas diffiċli biex jiġu implementati. Għalhekk, il-miżuri huma differenti ħafna fir-rigward tal-intensità tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-fornitur tal-aċċess. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li infurzar sħiħ u komplet tal-projbizzjoni inkwistjoni jkun impossibbli mil-lat purament fattwali.

87.      Kif naraha jien, f’din il-kawża ma hijiex kwistjoni ta’ “Erfolgsverbot” sempliċi, imma ta’ “Erfolgsverbot” fejn id-destinatarju tal-projbizzjoni jista’ jsostni ġudizzjarjament, fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar, il-fatt li jkun ħa l-miżuri kollha li wieħed seta’ jistenna minnu sabiex jipprevjeni r-riżultat ipprojbit. Għalhekk wieħed jista’ jistaqsi jekk din il-possibbiltà ta’ difiża a posteriori li jibbenefika minnha d-destinatarju tal-projbizzjoni tissodisfax ir-rekwiżit ta’ bilanċ meħtieġ.

88.      Dan ma huwiex il-każ. Il-loġika waħedha tipprekludi tali “rikostituzzjoni” tal-bilanċ meħtieġ. Il-bilanċ tad-drittijiet fundamentali għandu jiġi evalwat, skont il-ġurisprudenza, mill-adozzjoni tal-inġunzjoni ta’ restrizzjoni. Fil-proċedura inkwistjoni dan ma huwiex espressament meħud inkunsiderazzjoni u diversi kunsiderazzjonijiet rilevanti fir-rigward tad-drittijiet fundamentali huma evalwati biss suċċessivament. Dan imur kontra l-obbligu li jiġi żgurat bilanċ bejn id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

89.      Jekk wieħed jeżamina s-sitwazzjoni tal-fornitur tal-aċċess, jirriżulta wkoll li din il-possibbiltà proċedurali ma tiżgurax bilanċ tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, il-fornitur tal-aċċess ikollu joqgħod għal inġunzjoni ta’ restrizzjoni fir-rigward tiegħu li ma tippreċiżax liema miżuri huwa pprojbit li jieħu. Jekk jiddeċiedi li jadotta miżura ta’ bblokkar inqas drastika sabiex tiġi osservata l-libertà tal-informazzjoni tal-klijenti tiegħu, ikollu għalfejn jinkwieta li jiġu imposti fuqu pagamenti ta’ penalità fil-proċedura ta’ infurzar. Għall-kuntrarju, jekk jiddeċiedi li jimplementa miżura ta’ bblokkar iktar qawwija jkollu għalfejn jinkwieta li jkun hemm sitwazzjoni ta’ kunflitt mal-klijenti tiegħu. Il-fatt li teżisti possibbiltà ta’ difiża fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar ma jibdel xejn mid-dilemma li jsib quddiemu l-fornitur tal-aċċess. Ġustament l-awtur jista’ jsostni li hemm riskju ta’ ksur b’mod massiv tad-drittijiet tiegħu fuq is-sit tal-internet inkwistjoni. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, il-fornitur tal-aċċess ma għandu l-ebda relazzjoni mal-amministraturi tas-sit tal-internet li jiksru d-drittijiet tal-awtur u li huwa stess ma jkunx wettaq ksur ta’ dan id-dritt. F’kuntest bħal dan, fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, wieħed ma jistax jitkellem fuq bilanċ ġust bejn drittijiet differenti tal-partijiet ikkonċernati.

90.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-fatt li l-fornitur tal-aċċess jiġi pprojbit, f’termini ġenerali ħafna u mingħajr ma jiġu stabbiliti miżuri konkreti, milli jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit tal-internet partikolari li jikser id-drittijiet tal-awtur, ma jikkonformax mal-ibbilanċjar meħtieġ tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati, fil-kuntest tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Dan jgħodd ukoll meta l-fornitur tal-aċċess jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità biex jirreprimi l-ksur ta’ din il-projbizzjoni billi jipprova li ħa l-miżuri kollha raġonevoli sabiex jikkonforma mal-projbizzjoni inkwistjoni.

E –    Ir-raba’ domanda preliminari

91.      Wara li, fit-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ttrattat il-legalità ta’ projbizzjoni li ma jitħalliex li jiġi prodott riżultat speċifiku (Erfolgsverbot), ir-raba’ domanda preliminari tirrigwarda miżuri ta’ bblokkar konkreti. Hija tistaqsi jekk il-fatt li fornitur tal-aċċess jiġi ordnat jimponi miżuri konkreti intiżi sabiex jagħmilha iktar diffiċli li l-klijenti tiegħu jaċċedu għal sit tal-internet li l-kontenut tiegħu jkun sar disponibbli illegalment, huwiex konformi mal-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari meta dawn il-miżuri, li jeħtieġu mezzi kunsiderevoli, jistgħu faċilment jiġu evitati mill-utenti mingħajr tagħrif tekniku speċifiku. Il-qorti tar-rinviju trid tirċievi biss linji gwida għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżuri ta’ bblokkar konkreti billi l-kuntest fattwali għadu ma ġiex iċċarat b’mod definittiv f’dan ir-rigward.

92.      Hija biss il-konvenuta li tikkunsidra li l-fatt li jiġu ordnati miżuri ta’ bblokkar konkreti ma huwiex kompatibbli, fiċ-ċirkustanzi partikolari, mad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati. L-atturi, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u l-Kummissjoni jikkunsidraw li tali miżura konkreta ma tistax tiġi eskluża bħala prinċipju u jipprovdu elementi ddettaljati dwar il-linji gwida li għandhom isegwu l-qrati nazzjonali.

93.      Jiena wkoll tal-fehma li ordni ta’ bblokkar ma hijiex eskluża fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

94.      Kif spjegajt iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet indikazzjonijiet iddettaljati dwar l-evalwazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Waħda mill-indikazzjonijiet li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom isegwu hija li dawn tal-aħħar għandhom jiżguraw bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li minnha jibbenefikaw id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-fornitur tal-aċċess. Kif għedt, dan tal-aħħar jista’ jinvoka, b’mod partikolari, il-libertà tal-intrapriża tal-operaturi ekonomiċi skont l-Artikolu 16 tal-Karta, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (Artikolu 11 tal-Karta). Bis-saħħa ta’ din tal-aħħar, ibblokkar ta’ aċċess ma jaffettwax, b’mod partikolari, informazzjoni protetta. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-ispiża tal-miżuri konkreti għall-fornitur tal-aċċess u l-possibbiltà li l-ibblokkar jiġi evitat mill-utenti. Il-qorti tar-rinviju hawnhekk qed tirreferi espressament għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità. Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq japplikaw għall-evalwazzjoni taż-żewġ drittijiet fundamentali inkwistjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 jeħtieġ li l-mezzi ta’ rimedju li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu proporzjonati. Sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet, ser nillimita ruħi iktar ’il quddiem għall-Artikolu 16 tal-Karta, billi l-qorti tar-rinviju ma qajmitx il-kwistjoni dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

95.      Fil-kawżi Scarlet Extended u SABAM, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet bħala ksur serju tal-libertà tal-intrapriża, l-inġunzjoni ta’ restrizzjoni, imposta fuq fornitur tal-aċċess, li jistabbilixxi sistema ta’ filtraġġ għas-sorveljanza ta’ data kumplessa, għalja, permanenti u bi spejjeż tiegħu biss (51). Għalkemm miżura ta’ bblokkar konkreta li teħtieġ mezzi kunsiderevoli ċertament tista’ tikkostitwixxi ksur inqas importanti, madankollu din għandha l-għan u l-effett li toħloq limitazzjoni tad-dritt u b’hekk tikkostitwixxi intervent fil-qasam ta’ protezzjoni (52) tad-dritt inkwistjoni (53).

96.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà tal-intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta, imma għandha tittieħed inkunsiderazzjoni skont il-funzjoni tagħha fis-soċjetà u — speċjalment fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 16 tal-Karta — hija suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-awtorità pubblika li jistgħu “jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika” (54).

97.      F’dan ir-rigward għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-osservanza tar-riżerva ta’ legalità u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fuq ir-riżerva ta’ legalità, diġà kelli l-okkażjoni li nesprimi ruħi fid-dettall fil-konklużjonijiet tiegħi li ppreżentajt fil-kawża Scarlet Extended (55). Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula hawnhekk, naħseb li għandi nillimita l-espożizzjoni tiegħi f’din il-kawża għall-kwistjoni tal-proporzjonalità.

98.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri adottati mill-Istati Membri fid-dawl tal-protezzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma għandhomx jaqbżu l-“limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sakemm, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, tintgħażel dik li hija l-inqas vinkolanti, u sakemm l-inkonvenjenti kkawżati ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa” (56). Għal dak li jirrigwardana, dan jikkorrispondi mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta li tgħid li l-limitazzjonijiet għandhom ikunu meħtieġa u jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

1.      Natura xierqa

99.      L-inġunzjonijiet ta’ restrizzjoni inkwistjoni hawnhekk, sa fejn dawn huma intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, u għalhekk tad-“drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, mingħajr dubju għandhom għan leċitu. Madankollu tqum il-kwistjoni ta’ jekk humiex xierqa għall-finijiet ta’ dan l-għan, jiġifieri jekk jikkontribwixxux biex dan jintlaħaq (57). Id-dubji f’dan ir-rigward jirriżultaw mill-fatt li l-miżuri ta’ bblokkar inkwistjoni, skont il-konstatazzjoni stess tal-qorti tar-rinviju, “jistgħux jiġu evitati faċilment, anki mingħajr għarfien tekniku speċifiku”. Għalhekk, minn naħa, l-utenti tal-internet jistgħu mingħajr diffikultà kbira jevitaw il-miżura ta’ bblokkar, u, min-naħa l-oħra, l-amministraturi tas-sit tal-internet li jikser id-drittijiet tal-awtur jistgħu jipproponu s-sit tal-internet tagħhom f’forma identika imma taħt indirizz IP ieħor jew isem ieħor ta’ dominju.

100. Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex biżżejjed, madankollu, sabiex kull miżura ta’ bblokkar titqies li ma hijiex xierqa. L-ewwel nett dan japplika għal dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet ta’ evitar mill-utenti. Bla dubju numru kbir ta’ utenti huma, potenzjalment, f’pożizzjoni li jevitaw l-ibblokkar. Iżda dan bl-ebda mod ma jfisser li kull utent effettivament ser jevitahom. Utenti li jsiru jafu bl-illegalità fuq is-sit tal-internet inkwistjoni bil-fatt tal-ibblokkar, jistgħu jirrinunzjaw li jaċċedu għalih. Ma tistax tiġi preżunta r-rieda, f’kull utent, li jidħol f’sit tal-internet minkejja l-ibblokkar tiegħu, u għalhekk ikun hemm suppożizzjoni tar-rieda ta’ kull utent li jiġi inkoraġġit il-ksur tad-dritt. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-utenti li jistgħu jevitaw l-ibblokkar jistgħu jkunu numerużi, dan ma huwiex il-każ tal-utenti kollha.

101. Il-possibbiltà wkoll li l-amministratur jipproponi s-sit tal-Internet inkwistjoni f’forma identika taħt indirizz IP ieħor jew isem ieħor ta’ dominju ma hijiex ta’ natura li bħala prinċipju teskludi n-natura xierqa tal-miżura ta’ bblokkar. L-ewwel nett, f’dan il-każ ukoll, utenti jistgħu, għall-finijiet tal-ibblokkar, isiru jafu bin-natura illeċita tas-sit tal-internet inkwistjoni u ma jżuruhx. Barra minn hekk, l-utenti għandhom jirrikorru għal magni tar-riċerka biex isibu l-paġna inkwistjoni. Fil-preżenza ta’ miżuri ta’ bblokkar, tali riċerka tista’ tirriżulta iktar diffiċli.

102. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ordni ta’ bblokkar li tindika miżuri konkreti li għandhom jittieħdu għall-finijiet ta’ bblokkar ma hijiex, bħala prinċipju, inapproprijata biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

2.      Natura neċessarja u proporzjonata

103. Barra minn dan, il-miżura ordnata għandha tkun neċessarja, jiġifieri ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex (58), billi meta jkun hemm għażla fost diversi miżuri xierqa, wieħed għandu jirrikorri għall-inqas waħda restrittiva (59). Fl-aħħar nett, l-inkonvenjenzi kkawżati bil-miżura inkwistjoni ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-oġġettivi li jridu jintlaħqu (60).

104. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa dawn ir-rekwiżiti fid-dawl tal-miżuri stabbiliti fil-każ konkret imressaq quddiemha. Kemm fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, kif ukoll fid-dawl tal-espożizzjoni ċara tal-fatti ta’ dan il-każ, li tirriżulta mhux kompleta f’din il-kawża, kif ukoll fid-dawl tan-nuqqas ta’ indikazzjonijiet dwar il-miżura konkreta, la huwa deżiderabbli u lanqas possibbli li wieħed hawnhekk jgħaddi għal eżami tan-natura neċessarja u mhux adegwata. L-iktar li jista’ jsir huwa li jiġu esposti ċerti kunsiderazzjonijiet f’dan ir-rigward. Madankollu, din ma hijiex lista eżawrjenti tal-fehmiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod komplet iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti fil-każ.

105. L-ewwel nett, bilfors irid jiġi rrilevat li l-possibbiltà ta’ evitar mill-utenti, bħala prinċipju, ma tmurx kontra li jiġi ordnat ibblokkar. Jiena esponejt ir-raġunijiet fil-paragrafu fuq in-natura xierqa. Il-valutazzjoni kwantitattiva tal-effikaċja ta’ miżura ta’ bblokkar hija element li għandu jiġi inkluż fl-evalwazzjoni.

106. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki l-kumplessità, l-ispiża u kemm iddum il-miżura għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (61). F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li probabbilment il-miżura ta’ bblokkar inkwistjoni ma hijiex ser tkun xi każ iżolat li ser jirrigwarda lill-konvenuta biss. Il-qorti nazzjonali trid titlaq mill-prinċipju li dan huwa każ pilota u li, fil-ġejjieni, ser ikun hemm ħafna kawżi simili, kontra l-fornituri tal-aċċess, li jistgħu jiġu ttrattati fil-qrati nazzjonali, b’mod li ħafna miżuri ta’ bblokkar jistgħu jiġu ordnati. Jekk ikun hemm miżura sproporzjonata minħabba l-kumplessità tagħha, l-ispiża tagħha u kemm iddum, għandu jiġi evalwat jekk il-fatt li dik l-ispiża, kollha kemm hi jew parti minnha, iħallasha d-detentur tad-drittijiet hijiex miżura li tista’ tistabbilixxi mill-ġdid il-proporzjonalità.

107. Fir-rigward tal-atturi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-detentur tad-drittijiet ma jistax jitħalla mingħajr protezzjoni fil-konfront ta’ sit tal-internet li jikser b’mod massiv id-drittijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, bħal f’każijiet bħal dak tal-lum, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fornitur tal-aċċess ma għandux relazzjoni kuntrattwali mal-amministratur tas-sit tal-internet illeċitu. Għalkemm, f’każ bħal dan, ma huwiex totalment eskluż li wieħed jista’ jżomm lill-fornitur tal-aċċess responsabbli, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa obbligat li l-ewwel nett iressaq azzjonijiet ġudizzjarji, sakemm dan ikun possibbli, kontra l-amministraturi tas-sit tal-internet illeċitu jew il-fornitur tal-aċċess tagħhom.

108. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Artikolu 16 tal-Karta jipproteġi l-intrapriża libera. Ordni ta’ bblokkar fi kwalunkwe każ ma hijiex proporzjonata jekk tpoġġi fid-dubju l-attività imprenditorjali tal-fornitur tal-aċċess bħala tali, jiġifieri l-attività kummerċjali li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ aċċess għall-internet. Fornitur tal-aċċess jista’ jinvoka f’dan ir-rigward, l-importanza tal-attività tiegħu fis-soċjetà: kif jiena kkonstatajt fir-rimarki introduttivi, l-aċċess għall-informazzjoni bl-internet huwa kkunsidrat bħala essenzjali, illum il-ġurnata, f’soċjetà demokratika. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) ikkonstatat f’dan ir-rigward li studju tad-dritt komparattiv li sar f’għoxrin Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa juri li d-dritt għall-aċċess għall-internet huwa teoretikament inkluż fil-garanzija kostituzzjonali tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (62). Għall-QEDB l-internet għandu rwol essenzjali għall-aċċess u t-tixrid tal-informazzjoni (63).

109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-fatt li fornitur tal-aċċess jiġi ordnat li jieħu miżura ta’ bblokkar konkreta, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 kontra sit tal-internet partikolari, ma huwiex, bħala prinċipju, sproporzjonat minħabba s-sempliċi fatt li din il-miżura teħtieġ mezzi kunsiderevoli, imma faċilment tista’ tiġi evitata mill-utenti mingħajr għarfien tekniku speċifiku. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jibbilanċjaw, f’kull każ konkret u filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, id-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati u li jiggarantixxu bilanċ ġust bejn dawn id-drittijiet fundamentali.

V –    Konklużjoni

110. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberste Gerichtshof kif ġej:

1.      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tagħmel disponibbli oġġetti protetti lill-pubbliku fuq l-internet mingħajr awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, u b’hekk tikser id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess tal-persuni li jikkonsultaw dawn l-oġġetti.

2.      Il-fatt li l-fornitur tal-aċċess jiġi pprojbit f’termini ġenerali ħafna u mingħajr ma jiġu stabbiliti miżuri konkreti milli jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit tal-internet partikolari li jikser id-drittijiet tal-awtur, ma jikkonformax mal-ibbilanċjar meħtieġ tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati, fil-kuntest tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Dan jgħodd ukoll meta l-fornitur tal-aċċess jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità biex jirreprimi l-ksur ta’ din il-projbizzjoni billi jipprova li ħa l-miżuri kollha raġonevoli sabiex jikkonforma mal-projbizzjoni inkwistjoni.

3.      Il-fatt li fornitur tal-aċċess jiġi ordnat li jieħu miżura ta’ bblokkar konkreta, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 kontra sit tal-internet partikolari, ma huwiex, bħala prinċipju, sproporzjonat minħabba s-sempliċi fatt li din il-miżura teħtieġ mezzi kunsiderevoli, imma faċilment tista’ tiġi evitata mill-utenti mingħajr għarfien tekniku speċifiku. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jibbilanċjaw, f’kull każ konkret u filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, id-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati u li jiggarantixxu bilanċ ġust bejn dawn id-drittijiet fundamentali.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10), u tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, Ġabra p. I‑11959).


3 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


4 – Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


5 – Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


6 – BGBl. Nru 111/1936.


7 – BGBl. Nru 152/2001.


8 – RGBl. Nru 79/1896.


9 – Għall-istorja tal-internet, ara J. Naughton, A Brief History of the Future, Phoenix, Londra, it-Tieni edizzjoni 2000.


10 – Rapport tal-10 ta’ Awwissu 2011 magħmul mir-Relatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni, UN Doc. A/66/290, punt 87.


11 – Ara s-sentenza tal-Landesgericht Leipzig, tal-11 ta’ April 2012, 11 KLs 390 Js.


12 – R. Heidinger, Die zivilrechtliche Inanspruchnahme von Access-Providern auf Sperre urheberrechtsverletzender Webseiten, ÖBl 2011, p. 153; S. Maaßen, Sperrungsverfügung gegen Access-Provider wegen Urheberrechtsverletzung?, GRUR-Prax 2011, p. 394; T. Stadler, Sperrungsverfügung gegen Access-Provider, MMR 2002, p. 343; S. Kulk, Filtering for copyright enforcement in Europe after the Sabam cases, EIPR 2012, p. 791; M. Barrio Andrés, Luces y sombras del procedimiento para el cierre de páginas web, La Ley 48/2012, C. Castets-Renard, Le renouveau de la responsabilité délictuelle des intermédiaires de l’internet, Recueil Dalloz 2012, p. 827.


13 – L-analiżi teknika tal-ibblokkar ordnat jibqa’ fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju. Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-14 ta’ April 2011 fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, Ġabra p. I‑11959, punt 50). Fi kwalunkwe każ, l-aspetti tekniċi tal-internet jinfluwenzaw direttament l-istrutturi ġuridiċi tiegħu. L. Lessig, Code, versoin 2.0, Basic Books New York, 2006.


14 – Ara l-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Kokott ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Promusicae (sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, C‑275/06, Ġabra p. I‑271), b’mod partikolari fil-punti 30 u 31.


15 – Il-metodi differenti ta’ filtraġġ huma deskritti b’mod eżawrjenti fid-digriet tal-Handelsgericht Wien. Ara wkoll Ofcom, “Site Blocking” to reduce online copyright infringement, 27 ta’ Mejju 2010.


16 – COM(2011) 942 finali, tal-11 ta’ Jannar 2012, p. 14 u 15.


17 – Sentenzi tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond (83/78, Ġabra p. 2347, punt 25), u tat-30 ta’ Novembru 1995, Esso Española (C‑134/94, Ġabra p. I‑4223, punt 9).


18 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, Ġabra p.1563, punt 6).


19 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, Ġabra p. I‑4871, punti 31 sa 34).


20 – Sentenza tal-11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, Ġabra p. 745, punti 10 u 11).


21 – Digriet tad-19 ta’ Frar 2009, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten (C‑557/07, Ġabra p. I‑1227, punt 46).


22 – Idem, punti 43 sa 45.


23 – Sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 30 u 31. Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C-324/09, Ġabra p. I‑6011, punt 131).


24 – Sentenza SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 28. Ara, fir-rigward tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/28, is-sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 144.


25 – Għandu jiġi rrilevat li, fir-rapport tagħha fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48, il-Kummissjoni tikkonstata li anki l-intermedjarji li ma għandhom l-ebda rabta kuntrattwali ma’ min jagħmel il-ksur huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet previsti mid-direttiva. COM(2010) 779 finali, tat-22 ta’ Diċembru 2010, p. 6.


26 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2012 fil-kawża Football Dataco et (C‑173/11, punt 58) dwar il-kunċett ta’ “għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” fil-kuntest ta’ “użu mill-ġdid” fis-sens tad-Direttiva 96/9/KE.


27 – F’dan is-sens, ara wkoll il-High Court of Justice, Chancery Division, Twentieth Century Fox vs British Telecommunications, HC10C04385, tat-28 ta’ Ġunju 2011, punt 113, ikkonfermata mill-High Court of Justice, EMI Records vs British Sky Broadcasting, HC12F4957 sa HC12F4959, tat-28 ta’ Frar 2013, punt 82.


28 – Il-premessi 4 u 9 tad-Direttiva 2001/29.


29 – Il-premessa 11 tad-Direttiva 2001/29.


30 – L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29.


31 – Ara T. Klicka, f’P. Angst (editur), Kommentar zur Exekutionsordnung, ManzscheVerlags- und Universitätsbuchhandlung, Vjenna, 2008, § 355, punt 4.


32 – Din l-analiżi tad-dritt nazzjonali hija bbażata, ħlief fejn huwa indikat il-kuntrarju, fuq l-espożizzjoni tal-qorti tar-rinviju u fuq l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti li ma jikkontradixxuhiex.


33 – Fid-dritt Awstrijak, dan jinkludi d-drittijiet materjali, id-drittijiet tal-personalità u d-drittijiet li jirrigwardaw il-beni materjali. R. Holzammer, u M. Roth, Einführung in das Bürgerliche Recht mit IPR, Springer, Wien, il-Ħames edizzjoni, 2000, p. 29.


34 – L-atturi jsostnu li l-qorti kellha, għall-inqas meta tiddeċiedi l-projbizzjoni inkwistjoni, tevalwa jekk l-aċċess għall-informazzjoni legali kienx ikun affettwat b’mod sinjifikattiv bl-ibblokkar. Barra minn dan, evalwazzjoni tal-proporzjonalità kellha titwettaq mad-deċiżjoni tal-ibblokkar tal-aċċess, jew f’diversi stadji, anki t-tieni darba fil-proċedura ta’ infurzar.


35 – L-infurzar tal-Erfolgsverbot isir skont l-Artikolu 355 tal-Kodiċi Awstrijak dwar il-proċeduri ta’ infurzar.


36 – Ara s-sentenzi Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 32, SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 30. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, ara s-sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 135). Ara wkoll il-premessa 45 tad-Direttiva 2000/31, li tgħid “ma jaffettwawx il-possibilità ta’ inġunzjonijiet ta’ diversi tipi”, u b’mod partikolari bla ħsara għat-tneħħija ta’ informazzjoni illegali jew tal-ibblokkar tal-aċċess għal din tal-aħħar.


37 – Sentenzi Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 33, u L’Oréal et, iċċitata ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 138.


38 – Digriet LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 45, u s-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 136.


39 – Ara l-premessa 58 tad-direttiva.


40 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 29; Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 31; L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 144 (dwar it-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48).


41 – Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I‑271, punti 65 sa 70) u L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 143.


42 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 32 u 36 sa 38, u Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 36.


43 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 39, u Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 41.


44 – Sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 68.


45 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, Ġabra p. I‑8089, punt 65).


46 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 41 sa 43, u Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 43 sa 45.


47 – Ara l-QEDB, sentenza Öztürk vs It-Turkija, tat-28 ta’ Settembru 1999, Nru 22479/93, Ġabra 1999‑VI, punt 49.


48 – Ara, għal dak li jirrigwarda d-danni kollaterali eventwali ta’ miżura ta’ bblokkar, il-QEDB, sentenza Yildirim vs It-Turkija, tat-18 ta’ Diċembru 2012, Rikors Nru 3111/10.


49 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 43 u 44, u Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 45 u 46. Fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali oħra li jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-inġunzjonijiet ta’ restrizzjoni jew digrieti ta’ bblokkar, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 69 sa 86.


50 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 43 u 44, u Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 45 u 46.


51 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 46, u Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 48.


52 – Il-portata tad-dritt sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta ġiet analizzata bir-reqqa minni fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fid-19 ta’ Frar 2013 fil-Kawża Alemo‑Herron et (C‑426/11, punti 48 sa 58). Ara wkoll P. Oliver, What Purpose Does Article 16 of the Charter Serve, in: Bernitz, U. u.a. (editur), General Principles of EU Law and European Private Law, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2013, p. 281; H. Jarass, Die Gewährleistung des unternehmerischen Freiheit in der Grundrechtcharta, EuGRZ 2011, p. 360.


53 – Ara, fuq l-Artikolu 52(1) tal-Karta, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1992, Ter Voort (C‑219/91, Ġabra p. I‑5485, punt 37) u tat-28 ta’ April 1998, Metronome Musik (C‑200/96, Ġabra p. I‑1953, punt 28).


54 – Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, punti 45 u 46). Ara wkoll is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑184/02 u C‑223/02, Ġabra p. I‑7789, punti 51 u 52) u tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C‑544/10, punt 54).


55 – Konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


56 – Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, Ġabra p. I‑6561, punt 73), tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et (C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 72), u tal-14 ta Diċembru 2004, Arnold André (C‑434/02, Ġabra p. I‑11825, punt 45).


57 – H. Jarass, Charta der Grundrechte der Europäischen Union, C.H. Beck, Munich, It-Tieni edizzjoni 2013, artikolu 52, punt 37.


58 – Sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, Ġabra p. I‑3377, punt 36).


59 – Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Zaninotto (C‑375/96, Ġabra p. I‑6629, punt 63).


60 – Idem.


61 – Sentenzi SABAM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 46, u Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 48.


62 – QEDB, sentenza Yildirim vs It-Turkija, tat-18 ta’ Diċembru 2012, Rikors Nru 3111/10, punt 31.


63 – Ibidem, punt 48. Ara wkoll il-QEDH, sentenza Times Newspapers Ltd. vs Ir-Renju Unit, tal-10 ta’ Marzu 2009, Rikors Nru 3002/03 Nru 23676/03, punt 27.