Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Diċembru 2019 – EP vs Kreis Groß-Gerau

(Kawża C-905/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Darmstadt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EP

Konvenut: Kreis Groß-Gerau

Domanda preliminari

Mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju mat-Tuneżija 1 tista’ tiġi dedotta projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-perijodu ta’ validità ta’ permess ta’ residenza minħabba n-nuqqas ta’ osservanza a posteriori tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali permess ta’ residenza, meta:

iċ-ċittadin Tuneżin, fil-mument tan-notifika tat-tnaqqis a posteriori tal-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza, ikun qiegħed jeżerċita attività ta’ xogħol,

id-deċiżjoni li jitnaqqas il-perijodu ta’ validità ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet marbuta mal-protezzjoni ta’ interess leġittimu tal-Istat, bħall-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, u

iċ-ċittadin Tuneżin ma jkollux awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ attività ta’ xogħol (permess tax-xogħol) indipendentement mill-permess ta’ residenza, iżda jkollu ex lege d-dritt li jeżerċita attività ta’ xogħol matul il-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza?

Il-kundizzjoni legali ta’ barrani abbażi tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju mat-Tuneżija teżiġi, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ta’ xogħol, minbarra l-permess ta’ residenza, il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva?

Liema huwa l-mument rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni legali fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar il-permess ta’ residenza u tax-xogħol? Hija rilevanti d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ revoka tal-permess ta’ residenza, jew id-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja?

____________

1 Ftehim Ewro-Mediterranju tas-17 ta’ Lulju 1995 li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, fuq in-naħa l-oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 28, p. 187).