Language of document : ECLI:EU:C:2019:74

KONKLUŻJONIJIET CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑30 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C628/17

Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

fil-preżenza ta’:

Orange Polska S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))

“Domanda preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29/KE — Kunċett ta’ prattika kummerċjali aggressiva — Modalità ta’ konklużjoni mill-bogħod ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni — Obbligu tal-konsumaturi li jieħdu deċiżjoni kummerċjali finali fil-preżenza tal-messaġġier li jagħtihom il-mudell tal-kuntratt”






1.        Talba ġdida għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, din id-darba fil-kuntest tad-Direttiva 2005/29/KE (2) li dwar l-applikazzjoni tagħha ngħatat deċiżjoni reċentement fis-sentenza Wind Tre u Vodafone Italia (3).

2.        B’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita f’dik is-sentenza, issa għandu jiġi deċiż jekk il-mudell ta’ kuntratt mill-bogħod introdott fl-Italja minn kumpannija tat-telekomunikazzjoni, li permess tiegħu l-konsumatur irid jieħu deċiżjoni finali dwar tranżazzjoni fil-preżenza tal-messaġġier li jagħtih il-mudell ta’ kuntratt applikat fil-Polonja, meta ma jkunx ġie infurmat minn qabel permezz tal-internet jew bit-telefon dwar il-kontenut tiegħu, jikkostitwixxix prattika kummerċjali aggressiva (fil-każijiet kollha jew biss f’ċerti ċirkustanzi).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2005/29

3.        Skont il-premessi 7, 16 u 17:

“(7)      […] Għandu jittieħed kont sħiħ tal-kuntest tal-każ individwali konċernat fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari tal-klawsoli ġenerali tagħha.

[…]

(16)      Id-dispożizzjonijiet dwar prattiċi kummerċjali aggressivi għandhom ikopru dawk il-prattiċi li jfixxklu sinifikattivament il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Dawk huma prattiċi li jużaw il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa.

(17)      Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

4.        L-Artikolu 2 jiddefinixxi:

“[…]

e)      ‘il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumatur’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni nfurmata, li bih il-konsumatur jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;

[…]

j)      ‘influwenza mhux xierqa’ tfisser l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex tiġi applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta’ l-użu tal-forza fiżika, b’mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata;

k)      ‘deċiżjoni transazzjonali’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni;

[…]”

5.        L-Artikolu 5 (“Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”) jipprevedi:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

3.      Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

(a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

(b)      jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.      Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista’ tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

6.        L-Artikolu 8 (“Prattiċi kummerċjali aggressivi”) jipprevedi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

7.        L-Artikolu 9 (“L-Użu ta’ Fastidju, Kostrizzjoni u Influwenza Mhux Xierqa”) jindika:

“Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

a)      iż-żmien, il-lok li fihom tiġi prodotta, in-natura u l-persistenza tagħha;

b)      l-użu tal-lingwaġġ użat jew l-imġieba ta’ theddid jew abbużiv;

ċ)      l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott;

d)      kwalunkwe ostaklu mhux kontrattwali, oneruż jew sproporzjonat impost mill-kummerċjant fejn konsumatur ikun jixtieq jeżerċita xi drittijiet mogħtija fil-kuntratt, inklużi d-drittijiet tat-tħassir tal-kuntratt jew tal-bidla għal prodott ieħor jew għal kummerċjant ieħor;

(e)      kwalunkwe theddida li tiġi meħuda, kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.”

B.      Id-dritt nazzjonali. Il-Liġi tat23 ta’ Awwissu 2007 dwar il-Ġlieda Kontra l-Prattiki Kummerċjali Żleali (4)

8.        Skont l-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi, prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk tfixkel b’mod sinjifikattiv jew tista’ tfixkel kunsiderevolment, permezz ta’ influenza illeċita, il-libertà tal-għażla jew l-aġir tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk twasslu jew tista’ twasslu li jieħu deċiżjoni dwar kuntratt li kieku ma kienx jieħu.

9.        Skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 8, influwenza mhux xierqa tfisser kull tip ta’ użu ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur, b’mod partikolari bl-użu jew it-theddid ta’ vjolenza fiżika jew psikoloġika li tillimita b’mod sinjifikattiv l-abbiltà tal-konsumatur medju li jieħu deċiżjoni informata fir-rigward ta’ kuntratt.

II.    Il-fatti

10.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Orange Polska tikkonkludi kuntratti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni permezz ta’ ħanut online jew bit-telefon (teleshopping), skont proċedura li l-fażijiet tagħha huma:

(1)      żjara mill-konsumatur ta’ sit internet u familjarizzazzjoni mal-offerta tal-impriża. Wieħed jista’ jaċċessa l-mudelli ta’ kuntratti offruti mill-kumpannija permezz ta’ link;

(2)      l-għażla ta’ prodott jew ta’ kuntratt;

(3)      tintbagħat ordni. F’dan l-istadju, ma huwiex previst li l-konsumatur jiddikjara li jaf il-mudell ta’ kuntratt offrut;

(4)      il-konferma tal-ordni;

(5)      l-eżekuzzjoni tal-ordni permezz ta’ servizz ta’ messaġġier. Il-messaġġier iwassal lill-konsumatur abbozz ta’ kuntratt (jekk dan kien servizz ġdid jew klijent ġdid) jew ta’ klawżola supplimentari (jekk ikun klijent attwali), flimkien mal-annessi kollha, il-kundizzjonijiet kuntrattwali, il-listi tal-prezzijiet u dokumenti oħrajn, li jsiru parti mill-kuntratt wara l-iffirmar;

(6)      il-konklużjoni tal-kuntratt u, fejn applikabbli, il-konsenja tal-merkanzija. Meta jiffirma l-kuntratt jew il-klawżola supplimentari, il-konsumatur jiddikjara li huwa ħa nota tad-dokumenti kollha kkonsenjati u jaċċetta l-kontenut tagħhom. L-iffirmar irid isir matul iż-żjara tal-messaġġier. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kuntratt ma jiġix konkluż u l-konsumatur ikollu jmur għand ħanut fiżiku jew jagħmel ordni ġdida permezz tal-sit internet jew permezz tat-telefon; u

(7)      l-attivazzjoni tal-kuntratt.

11.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2010, l-Urzad Ochrony Konkurencji i Konsumentów (l-Uffiċċju Pollakk tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur) iddikjara li l-prattika msemmija tmur kontra l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, inkwantu tirrestrinġi l-libertà tal-għażla tagħhom billi ġġegħilhom jiddeċiedu dwar l-iffirmar tal-kuntratt fil-preżenza tal-messaġġier, mingħajr ma jkunu jistgħu jsiru jafu l-kontenut tiegħu liberament.

12.      Din id-deċiżjoni amministrattiva ġiet annullata fis-27 ta’ Ottubru 2014 mis-Sąd Okregowy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja, il-Polonja). Is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) ikkonfermat, permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2017, is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza.

13.      Il-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-President tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi) ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza mogħtija fl-appell quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li ddeċidiet li tagħmel domanda preliminari.

III. Id-domanda preliminari

14.      Il-qorti tar-rinviju tafferma li “għandha t-tendenza li taqbel mal-fehmiet tal-qrati fiż-żewġ istanzi”, iżda li għandha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni f’din il-kawża.

15.      Fil-fehma tagħha, ma hemmx prattika kummerċjali aggressiva jekk l-imprenditur ma jkunx poġġa pressjoni fuq il-konsumatur, iżda biss jistenna mingħand dan tal-aħħar li jieħu deċiżjoni finali dwar kuntratt li jkun aċċetta provviżorjament li jikkonkludi, meta jagħti l-kunsens tiegħu fil-fażi meta jintalab is-servizz, wara li jkun ikkonsulta d-dokumenti li jkun fihom il-kundizzjonijiet ta’ provvista tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

16.      Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju:

1)      il-modalitajiet ta’ konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni ma jirrestrinġix il-libertà tal-għażla tal-konsumatur fl-istadju tal-ordni fuq is-sit internet tal-imprenditur, jew waqt konverżazzjoni telefonika ma’ konsulent, il-konsumatur f’dak l-istadju jkun diġà ħa deċiżjoni fil-prinċipju (għalkemm provviżorja u mhux vinkolanti).

2)      il-libertà tal-konsumatur sabiex jagħti jew jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu lanqas ma hija ppreġudikata matul iż-żjara tal-messaġġier, f’liema mument il-konsumatur għandu jirratifika d-deċiżjoni tiegħu billi jiffirma l-kuntratt jew inkella jirrifjuta li jikkonkludih.

3)      il-kundizzjoni li l-konsumatur “[irid] jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra” hija ssodisfatta jekk il-fornitur jkun bagħat lill-konsumatur, permezz ta’ messaġġier, kuntratt jew mudelli ta’ kuntratti b’xi kundizzjonijiet differenti minn dawk li l-konsumatur ikun iddikjara qabel li jaf bihom. Fil-fatt, huwa biss f’din is-sitwazzjoni li jkun hemm pressjoni li tirriżulta mill-preżenza ta’ messaġġier li jkun qiegħed jistenna deċiżjoni ta’ malajr, li f’kull każ ieħor, il-konsumatur ma kienx ser jieħu, peress li jkun ftiehem mal-imprenditur termini kuntrattwali differenti minn dawk li finalment jiġu ppreżentati lilu.

17.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tafferma li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/29, u fl-assenza ta’ theddid fiżiku jew verbali, iż-żjara ta’ messaġġier fil-post u fil-ħin miftiehma mal-konsumatur fiha nfisha ma tikkostitwixxix prassi li tista’ tiġi kklassifikata bħala aggressiva.

18.      Għal dawn ir-raġunijiet, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ġiet ippreżentata fit-8 ta’ Novembru 2017:

“L-Artikolu 8, moqri flimkien mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2005/29/KE […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu minn kummerċjant ta’ mudell ta’ konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, fejn il-konsumatur irid jieħu deċiżjoni finali fir-rigward tat-tranżazzjoni kkonċernata fil-preżenza tal-courrier [messaġġier] li jagħtih il-mudell ta’ kuntratt [Kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt], jikkostitwixxi prattika aggressiva tas-suq minħabba influwenza mhux xierqa:

(a)      dejjem, inkwantu fil-preżenza tal-courrier il-konsumatur ma jkunx jista’ jiffamiljarizza ruħu liberament mal-kontenut tal-mudell ta’ kuntratt ipprovdut;

(b)      biss meta l-konsumatur ma jkunx irċieva minn qabel u b’mod individwali (pereżempju fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, jew fl-indirizz tar-residenza tiegħu) il-mudelli ta’ kuntratt kollha, anki jekk kellu l-possibbiltà li jiffamiljarizza ruħu minn rajh dwar il-kontenut tiegħu fis-sit internet tal-kummerċjant qabel iż-żjara tal-courrier;

(c)      biss meta konstatazzjonijiet ulterjuri jindikaw it-twettiq, mill-kummerċjant jew f’isem dan il-kummerċjant, ta’ miżuri żleali mmirati sabiex tiġi ristretta l-libertà tal-għażla tal-konsumatur fit-teħid ta’ deċiżjoni fir-rigward tat-tranżazzjoni?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub Orange Polska, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, li dehru wkoll fis-seduta li saret fit‑28 ta’ Novembru 2018.

20.      Orange Polska ssostni li sistema ta’ konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod li fih il-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu abbażi ta’ dokumenti disponibbli fuq l-internet u li tiġi konkluża meta jasal il-messaġġier ma tistax tiġi kklassifikata bħala prattika kummerċjali aggressiva. Fil-fehma tagħha, “influwenza mhux xierqa” għandha tinftiehem bħala influwenza intenzjonata mill-kummerċjant fil-konfront tal-konsumatur sabiex jieħu, permezz ta’ metodi illegali jew kontradittorji, deċiżjonijiet kummerċjali li kieku ma kienx ser jieħu.

21.      Fil-fehma tal-Gvern Pollakk, kif ukoll tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-kontenut tal-lista inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29, l-aġir inkwistjoni ma jistax jitqies bħala prattika kummerċjali żleali (aggressiva) fi kwalunkwe ċirkustanza, iżda għandhom jitqiesu l-fatti ta’ kull kawża individwali fit-totalità tagħhom, liema evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

22.      Skont il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi elementi ta’ interpretazzjoni lill-qorti tar- rinviju, fid-dawl tal-Artikoli 2(j), 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29. Skont l-imsemmija dispożizzjonijiet il-kunċett ta’ “influwenza mhux xierqa” użat mid-direttiva ma għandux ikun limitat għal dak ta’ “influwenza illeċita”, li hija l-espressjoni “infeliċi” adottata fil-verżjoni Pollakka.

23.      Il-Gvern Pollakk iqis li l-fattur deċiżiv huwa jekk, qabel iż-żjara tal-messaġġier, il-konsumatur setax ikollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-kuntratt b’għażla ħielsa u informata. Il-possibbiltà li sussegwentement wieħed jista’ joħroġ mill-kuntratt hija rrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika kummerċjali aggressiva.

24.      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ħtieġa li kuntratt jiġi ffirmat fil-preżenza ta’ messaġġier tista’ timplika ċerta pressjoni fuq il-konsumatur. Iżda din il-possibbiltà ma hijiex biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi li dan huwa sistematikament aġir kummerċjali aggressiv, għaliex sabiex dan iseħħ jeħtieġ li jseħħu fatturi oħrajn li jistgħu jillimitaw b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni tal-konsumatur.

25.      Fatturi ta’ din in-natura huma dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-punti (b) u (c) tad-domanda preliminari tagħha, għalkemm l-ebda wieħed minnhom ma jimplika, waħdu biss, l-eżistenza ta’ aġir kummerċjali aggressiv, peress li għandu jiġi eżaminat l-effett li l-prattika kontenzjuża jista’ jkollha fuq id-deċiżjoni tal-konsumatur.

26.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-bejgħ bl-internet u bit-telefon jirrikjedu analiżi separat sabiex jiġi ddeterminat min huwa f’kull każ il-konsumatur medju u sabiex jiġi deċiż jekk kienx hemm influwenza mhux xierqa. Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed għandu jistaqsi jekk is-sempliċi deċiżjoni li tintalab iż-żjara minn messaġġier għall-finijiet tal-iffirmar tal-kuntratt tistax tikkostitwixxi “deċiżjoni kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

V.      Analiżi

A.      Rimarki preliminari

27.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prattika kummerċjali li tiddeskrivi fid-digriet tagħha ta’ rinviju tistax tiġi kklassifikata bħala aggressiva, minħabba “influwenza mhux xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 8 moqri flimkien mal-Artikolu 9 u l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2005/29.

28.      B’mod konkret, il-qorti a quo tixtieq tkun taf jekk din is-sistema ta’ kuntratti mill-bogħod tikkostitwixxix: (a) prattika kummerċjali aggressiva f’kull każ; jew (b) biss meta sseħħ waħda minn dawn iż-żewġ ċirkustanzi:

1.      meta l-konsumatur “ma jkunx irċieva minn qabel u b’mod individwali l-mudelli ta’ kuntratt kollha, anki jekk kellu l-possibbiltà li jiffamiljarizza ruħu minn rajh dwar il-kontenut tiegħu fis-sit internet tal-kummerċjant qabel iż-żjara tal-courrier”;

2.      meta jkun hemm indizji oħrajn li l-kummerċjant, huwa stess jew permezz ta’ terzi, ikun wettaq “miżuri żleali mmirati sabiex tiġi ristretta l-libertà tal-għażla tal-konsumatur fit-teħid ta’ deċiżjoni fir-rigward tat-tranżazzjoni”.

29.      Id-dubju jinqala’ fit-termini li għadni kif spjegajt, jekk insegwu l-formulazzjoni tad-domanda. Qiegħed inqajjem dan il-preċiżazzjoni għaliex il-verżjonijiet lingwistiċi tat-test ma humiex omoġenji, b’mod speċifiku, fit-traduzzjoni tal-punt (a) tiegħu.

30.      Il-verżjoni Spanjola ta’ dak il-punt (a) tgħid: «siempre, si el consumidor durante la visita del mensajero no puede tomar conocimiento con libertad del contenido del contrato tipo” (5). F’dan is-sens, it-traduzzjoni Taljana hija fformulata kif ġej: “sempre, qualora il consumatore, al momento della visita del corriere, non possa consultare liberamente il contenuto dei modelli contrattuali” (6). It-traduzzjoni Ġermaniża taqra hekk: “immer, wenn der Verbraucher beim Besuch des Kuriers den Inhalt der Vertragsmuster nicht ungehindert zur Kenntnis nehmen kann” (7). Fit-traduzzjoni Portugiża nsibu: “sempre que o consumidor não possa, por ocasião da visita do mensageiro, tomar livremente conhecimento do conteúdo do modelo do contrato” (8).

31.      Skont dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, id-domanda ma hijiex jekk il-modalitajiet ta’ konklużjoni tal-kuntratt kontenzjużi inkwistjoni jirriżultawx fi prattika kummerċjali aggressiva f’kull każ, fi kliem ieħor “dejjem”, iżda biss “meta” jkun hemm ċirkustanza konkreta: li l-konsumatur ma jkunx jista’ jsir jaf b’libertà l-kontenut tal-kuntratt. Bħal fil-punti (b) u (c) tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi dwar ċirkustanza preċiża.

32.      Issa, fil-verżjoni Franċiża tad-domanda preliminari, huwa indikat dan li ġej: “toujours, parce que, durant la visite du livreur, le consommateur ne peut pas prendre connaissance librement du contenu des modèles [de contrat] qui lui sont remis” (9). Din it-traduzzjoni tidher li hija dik li taqbel l-aktar mal-verżjoni oriġinali bil-Pollakk, fejn il-punt (a) tad-domanda jibda bil-kliem “zawsze, gdyż” (“dejjem, għaliex”). Il-punti (b) u (c), min-naħa l-oħra, jibdew bil-kliem “tylko, gdy” (biss meta). Il-qrubija ortografika bejn il-kliem “gdyż” u “gdy” twassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-użu tal-ewwel tirriżulta minn żball tal-kitba, peress li fit-tliet każijiet kellu jintuża t-terminu “gdy” (10).

33.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa żball tal-kitba. Qabel kollox, u naturalment, għaliex wieħed jista’ jassumi li l-qorti tar-rinviju fformulat id-domanda tagħha bi preċiżjoni u attenzjoni. Iżda, b’mod partikolari, għaliex fiż-żewġ okkażjonijiet fejn tuża l-kelma “gdy” (punti (b) u (c)) hija tagħmel dan wara l-kelma “tylko” (biss), filwaqt li “gdyż” hija ppreċeduta fil-punt (a) bil-kelma “zawsze” (dejjem). Jekk dan kien żball tal-kitba u l-kelma rilevanti għal (a) ukoll kellha tkun “gdy” (meta), il-qorti tar-rinviju tkun qiegħda tistaqsi jekk il-modalitajiet kontenzjużi jikkostitwixxux prattika kummerċjali aggressiva meta jkun hemm preżenti ċirkustanza partikolari, li fi kliem ieħor ifisser biss f’dak il-każ. Id-domanda mbagħad tkun il-għaliex il-qorti a quo ma użatx ukoll fil-punt (a) “tylko” (biss) bħal ma tagħmel fil-punti (b) u (c).

34.      Mingħajr ma huwa meħtieġa li nirreferu għall-allegat żball tal-kitba, iċ-ċirkustanza msemmija fil-punt (a) tagħmel kompletament sens meta mqabbla mal-ipoteżi taż-żewġ punti l-oħrajn. Filwaqt li f’dawn tal-aħħar isir aċċenn għal sitwazzjonijiet ferm preċiżi u konkreti (li wieħed ma jkunx irċieva minn qabel u b’mod individwali l-mudelli ta’ kuntratt kollha, li jistgħu jkunu indizji ta’ miżuri żleali), fil-punt (a) jissemma fattur li, fit-termini kif huwa fformulat ir-rinviju preliminari, ikun inerenti għall-prattika deskritta, jiġifieri r-rekwiżit li l-kuntratt jiġi ffirmat fil-preżenza tal-messaġġier, li jimplika, kważi b’definizzjoni, li minħabba l-urġenza li hija karatteristika tal-attività tal-messaġġiera, il-konsumatur “ma jkunx jista’ jiffamiljarizza ruħu liberament mal-kontenut tal-mudell ta’ kuntratt ipprovdut”. Din għalhekk ma hijiex ċirkustanza li tista’ teżisti jew le, iżda każ inerenti fis-sitwazzjoni deskritta u r-riferiment għaliha b’hekk hija ġġustifikata bħala spjegazzjoni tar-raġuni għaliex il-modalitajiet ta’ konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni jistgħu jkunu dejjem “zawsze” prattika kummerċjali aggressiva. Dan huwa rifless, fil-fehma tiegħi ġustament, fil-verżjoni Franċiża tad-domanda preliminari, li ser nindirizza iktar ’il quddiem.

B.      Fuq il-mertu

35.      Il-premessa 7tad-Direttiva 2005/29 hija tassattiva meta tistipula li, meta tiġi applikata din tal-aħħar, “għandu jittieħed kont sħiħ tal-kuntest tal-każ individwali konċernat”. Bl-istess mod, u konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, sabiex prattika kummerċjali tkun tista’ titqies bħala aggressiva huwa essenzjali li tiġi eżaminata “b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”.

36.      Kif jargumentaw il-Gvern Pollakk (11) u l-Kummissjoni (12), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, sabiex tgħinha fil-kompitu indelegabbli tagħha sabiex tikklassifika l-modalitajiet ta’ konklużjoni tal-kuntratti u mingħajr ma tissostitwixxi l-ġudizzju tagħha. Din il-klassifikazzjoni, nerġa’ ngħid, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju (13).

37.      Abbażi ta’ din il-premessa, ser neżamina d-diversi mistoqsijiet imqajma mid-domanda preliminari.

1.      Prattika kummerċjali aggressiva fi kwalunkwe ċirkustanza?

38.      Ma huwiex diffiċli sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva l-obbligu li għandha ta’ awtorestrizzjoni f’dan ir-rigward meta tiddeċiedi dwar il-punt (a) tad-domanda preliminari.

39.      Fil-fatt, id-dubju msemmi f’dan il-punt huwa ristrett għal kjarifika dwar jekk il-modalitajiet ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ Orange Polska, kif deskritti mill-qorti a quo, jistgħux jitqiesu bħala prattika kummerċjali aggressiva “dejjem”, jiġifieri, “fi kwalunkwe ċirkostanza”.

40.      Skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2005/29, “prattika kummerċjali aggressiva” tikkostitwixxi “prattika kummerċjali żleali” jekk —u biss jekk— din tissodisfa l-karatteristiċi speċifikati fl-Artikoli 8 u 9 tal-istess direttiva.

41.      Jekk wieħed iqis li l-modalitajiet ta’ konklużjoni tal-kuntratti użat minn Orange Polska jimplikaw “dejjem” “prattika kummerċjali aggressiva”, dan ikun ifisser li dan huwa “prattika kummerċjali żleali” f’kull ċirkustanza (dejjem). Issa, il-prattiċi kummerċjali li jistħoqqilhom jiġu kklassifikati bħala żleali fi kwalunkwe ċirkustanza huma biss dawk li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29, skont l-Artikolu 5(5) tagħha.

42.      Billi fost il-wieħed u tletin prattika inklużi fl-hekk imsejħa “lista sewda” tal-Anness I, ma nsibux il-prattika suġġetta għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-prattika adottata minn Orange Polska hija dejjem prattika kummerċjali aggressiva, u għaldaqstant prattika kummerċjali żleali, din tkun qiegħda tieħu post il-leġiżlatur, kontra l-ispirtu u l-għan tad-Direttiva 2005/29 (14). Konsegwentement, naħseb li għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda preliminari.

2.      Prattika kummerċjali aggressiva, minħabba influwenza mhux xierqa, taħt ċerti ċirkustanzi?

43.      L-aġir imsemmi mill-qorti tar-rinviju fil-punti (b) u (c) tad-domanda preliminari tagħha jistgħu, min-naħa l-oħra, jagħtu lok għal “prattika kummerċjali aggressiva minħabba influwenza mhux xierqa” jekk, wara li jitqiesu ċ-“ċirkustanzi tal-każ”, fit-totalità tagħhom, jinstab li kien hemm influwenza mhux xierqa.

44.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi bħala “aggressiva” l-prattika kummerċjali li, meta jitqiesu l-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ, toħloq riżultat partikolari permezz ta’ ċerti mezzi:

1.      ir-riżultat ma huwa xejn ħlief restrizzjoni jew tnaqqis, reali jew potenzjali, ferm “importanti” tal-libertà tal-għażla tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott, li jwassal, jew jista’ jwassal għal deċiżjoni li kieku dan tal-aħħar ma kienx jieħu (15);

2.      il-mezzi elenkati f’dik id-dispożizzjoni bħala xierqa sabiex jintlaħaq dak il-għan huma “il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa”, li fosthom il-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-aħħar wieħed.

45.      Fil-kuntest tad-Direttiva 2005/29, l-“influwenza mhux xierqa” ma hijiex, fil-fehma tiegħi, fil-kuntest tad-Direttiva 2005/29, “influwenza illeċita”, iżda waħda li, mingħajr preġudizzju għal-legalità tagħha, tinvolvi b’mod attiv, permezz ta’ pressjoni, l-ikkundizzjonar sfurzat tar-rieda tal-konsumatur (16).

46.      Skont l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2005/29, “influwenza mhux xierqa” tfisser l-użu ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex “tiġi applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta’ l-użu tal-forza fiżika, b’mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata”.

47.      Kif fakkart fil-konklużjonijiet fil-kawża Wind Tre u Vodafone Italia (17), huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti tal-pożizzjoni ta’ poter:

–      minn naħa, l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter li tippermetti lill-kummerċjant inaqqas il-libertà tal-konsumatur meta jiġi sabiex jixtri prodott;

–      min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni ta’ poter li jinsab fiha ġuridikament il-kummerċjant li, wara li jiġi konkluż il-kuntratt, jista’ jitlob mill-konsumatur il-korrispettiv li għalih dan tal-aħħar obbliga ruħu għalih meta ffirma l-kuntratt.

48.      Il-“prattika kummerċjali aggressiva” hija dik li, billi tapprofitta mill-pożizzjoni ta’ inferjorità tal-konsumatur meta mqabbel mal-kummerċjant (18), u billi tuża pożizzjoni ta’ poter miksuba b’mod illegali — permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, forza jew influwenza b’mod proattiv — tippreġudika l-libertà tal-konsumatur billi twasslu sabiex jikkonkludi kuntratt li għalih ma kienx jagħti l-kunsens tiegħu kieku ma kienx hemm dan il-vantaġġ illegali.

49.      Preċiżament minħabba li l-konklużjoni ta’ kuntratt timplika li jittieħdu ċerti obbligi li l-kontroparti tista’ titlob fil-ġustizzja, id-Direttiva 2005/29 tipproteġi l-libertà tal-konsumatur sabiex jidħol f’kuntratt b’għarfien sħiħ, u jaċċetta biss l-obbligi li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà, huwa lest li jieħu. Id-direttiva, għalhekk, ma toffrix protezzjoni fir-rigward tal-obbligi legali diġà meħuda liberament mill-konsumatur, iżda tipproteġi lill-konsumatur meta jiġu aċċettati bħala riżultat ta’ prattika kummerċjali żleali, irrispettivament minn jekk hijiex, inċidentalment, prattika legali.

50.      Hemm ħafna fatturi li, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/29, għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika kummerċjali tużax, sa fejn huwa rilevanti hawnhekk, influwenza mhux xierqa. Fost affarijiet oħrajn, f’lista mhux eżawrjenti, huma importanti l-ħin u l-post fejn titwettaq din il-prattika, in-natura u l-persistenza tagħha, il-lingwa użata, l-aġir, l-isfruttament ta’ kwalunkwe sfortuna jew l-impożizzjoni ta’ ostakli mhux kuntrattwali onerużi jew sproporzjonati.

51.      Skont il-qorti tar-rinviju hemm tliet fatturi li, fil-kawża prinċipali, jistgħu jikkawżaw li l-kummerċjant jeżerċita “influwenza mhux xierqa” fuq ix-xerrej:

–      L-ewwel nett, li l-konsumatur jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikollu jieħu deċiżjoni finali dwar tranżazzjoni fil-preżenza tal-messaġġier li jeħodlu l-mudell tal-kuntratt (li huwa, fir-realtà, il-punt ċentrali f’din it-tilwima).

–      It-tieni nett, il-fatt li l-konsumatur ma jkunx irċieva minn qabel u b’mod personalizzat il-kuntratti mudelli kollha, anki jekk seta’ jikkonsultahom qabel fuq l-internet [punt (b) tad-domanda preliminari].

–      It-tielet nett, l-eżistenza possibbli ta’ miżuri żleali li jirrestrinġu l-libertà tal-għażla tal-konsumatur [punt (c) tad-domanda preliminari].

52.      Skont l-entità li jkollha kull wieħed minn dawn il-fatturi, ma jistax jiġi eskluż li, waħedhom, jistgħu jagħtu lok għal influwenza mhux xierqa. B’hekk:

1)      jekk l-imġiba jew l-attitudni tal-messaġġier tkun partikolarment pressanti jew insistenti, ikun biżżejjed li wieħed jevalwa jekk, bl-aġir tiegħu, eżerċitax influwenza indebita fil-konfront tal-konsumatur;

2)      jekk il-konsumatur ikun irċieva informazzjoni bil-quddiem li tkun oġġettivament limitata, parzjali jew żbilanċjata, jew li ma tkunx taqbel ma’ dik li jipprovdi sussegwentement il-messaġġier, dan il-fatt jista’ jkun biżżejjed għal konstatazzjoni ta’ azzjoni jew ommissjoni qarrieqa, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29 u, barra minn hekk, possibbilment influwenza mhux xierqa, jekk jiġi stabbilit aġir attiv min-naħa tal-kummerċjant bil-għan li tiġi kkundizzjonata illegalment ir-rieda tal-konsumatur;

3)      fl-aħħar nett, atti żleali ta’ natura oħra li jista’ jkun hemm huma wkoll biżżejjed, skont il-kapaċità potenzjali tagħhom li jikkundizzjonaw ir-rieda tal-konsumatur, jekk isiru b’intenzjoni ta’ influwenza illegali mill-kummerċjant.

53.      Huwa wkoll possibbli li, meta jiġu evalwati b’mod iżolat, ebda wieħed minn dawn il-fatturi waħdu ma huwa ta’ importanza suffiċjenti sabiex tiġi eżerċitata influwenza eċċessiva, iżda li, b’mod ġenerali, permezz tal-interazzjoni reċiproka tagħhom, jaslu sabiex jipproduċu dak l-istess riżultat.

54.      Hija wkoll il-qorti nazzjonali, kif diġà indikajt, li għandha tevalwa f’kull każ individwali l-effett konkret li, individwalment jew kollettivament, jistgħu jkollhom ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju. F’din tal-aħħar, u kif diġà indikajt fis-sommarju tad-digriet tar-rinviju (19), is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tidher li tiffavorixxi l-pożizzjoni tal-assenza ta’ prattika aggressiva, li tikkorrobora b’hekk id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell.

55.      Min-naħa tiegħi, nixtieq nenfasizza kemm huwa diffiċli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta li titbiegħed mill-evalwazzjoni unanima (f’dan il-każ, iż-żewġ istanzi preċedenti u r-riflessjoni proprja tal-qorti tal-kassazzjoni jaqblu) tal-qrati nazzjonali f’kawżi bħal dik inkwistjoni, fejn il-piż tal-partikolaritajiet tal-aġir individwali inkwistjoni huwa ovvju. Dwar il-kuntest fattwali ta’ dak l-aġir dawk l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ġurisdizzjoni esklużiva u, naturalment, huma f’pożizzjoni aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jevalwaw sa liema punt l-aġir tal-kummerċjant għandu impatt sostanzjali fuq l-attitudni tal-konsumatur medju.

56.      Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata xi għajnuna fix-xogħol tagħha ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 għall-kawża li hija adita biha, jistgħu jkunu rilevanti l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

3.      Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-influwenza mhux xierqa tal-kummerċjant

57.      Għandha ssir distinzjoni bejn il-każ ta’ bejgħ bl-internet u dak tal-bejgħ bit-telefon, peress li, min-natura tagħhom stess, f’kull waħda minnhom l-pożizzjoni tal-konsumatur tipprovdi profil partikolari.

-      F’bejgħ fuq l-internet huwa l-konsumatur li, bħala regola ġenerali, jiddeċiedi b’mod volontarju li jżur is-sit internet tal-kummerċjant u xejn ma jżommu milli jieħu l-ħin li jidhirlu li huwa meħtieġ sabiex isir jaf bl-offerti disponibbli, il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet l-oħra, kif ukoll il-modalitajiet ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

-      Fil-bejgħ bit-telefon, għalkemm l-inizjattiva tal-konsumatur ma hijiex eskluża, ma huwiex rari li jkun il-kummerċjant li jikkuntattjah sabiex jipproponi l-konklużjoni ta’ kuntratt (20). Is-sitwazzjoni tal-konsumatur normalment tkun pjuttost passiva u din tista’ tirrappreżenta, barra minn hekk, rwol mhux negliġibbli tal-fattur ta’ sorpriża, li jista’ jsarraf sa ċertu grad fi pressjoni psikoloġika (21).

58.      F’kull wieħed miż-żewġ każijiet ikun hemm, barra minn hekk, profil differenti ta’ “konsumatur medju”, jiġifieri li huwa normalment informat u raġonevolment attent u kawt, filwaqt li jittieħdu l-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (22) u fid-dawl tal-kuntest u taċ-ċirkustanzi kollha li fihom jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn il-kummerċjant u l-konsumaturi:

-      il-konsumatur li jidħol fuq inizjattiva tiegħu stess fuq sit internet għandu jkun familjari ta’ mill-inqas b’mod minimu mal-proċeduri informatiċi u jkun jista’ jinvolvi ruħu fihom sal-punt li jagħżel offerta u jiġġestixxi l-proċess tal-ordni;

-      għall-kuntrarju, il-profil tal-konsumatur medju fil-każ ta’ offerti li jaslu għall-għarrieda bit-telefon jista’ jkun inqas infurmat u kawt, peress li huwa biżżejjed li huwa kapaċi jirrispondi telefonata. Il-grad ta’ protezzjoni għandu jkun ogħla f’dan il-każ.

59.      Fattur importanti ieħor huwa l-kwalità tal-informazzjoni mogħtija lill-konsumatur. Kif imfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Wind Tre u Vodafone l-Italja, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali aggressiva” huwa ddefinit essenzjalment “mill-fatt li hija tbiddel jew tista’ tbiddel b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-għażla jew ta’ imġiba tal-konsumatur medju fir-rigward ta’ prodott[,] [u minn] dan isegwi li t-talba għal servizz għandha tikkonsisti f’għażla libera min-naħa tal-konsumatur[,] [li] jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-informazzjoni kkomunikata mill-professjonist lill-konsumatur tkun ċara u adegwata” (23).

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet li huwa fundamentali li l-konsumatur ikollu, “l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni”. B’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni huwa “jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant billi jaderixxi għall-kundizzjonijiet redatti minn qabel minn dan tal-aħħar” (24).

61.      F’din il-kawża, waħda mill-ipoteżijiet ikkunsidrati mill-qorti ta’ rinviju hija li l-konsumatur “ma jkunx irċieva minn qabel u b’mod individwali (pereżempju fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, jew fl-indirizz tar-residenza tiegħu) il-mudelli ta’ kuntratt kollha, anki jekk kellu l-possibbiltà li jiffamiljarizza ruħu minn rajh dwar il-kontenut tiegħu fis-sit internet tal-kummerċjant qabel iż-żjara tal-messaġġier” (25).

62.      Għalhekk wieħed jassumi, li l-informazzjoni murija fuq l-internet dwar il-kontenut ta’ mudelli ta’ kuntratti hija suffiċjenti u veritiera, u li l-konsumatur ikun jista’ jaċċessaha mingħajr diffikultà kbira. Fil-każ ta’ bejgħ bit-telefon, skont il-qorti tar-rinviju (26), il-konsumatur jista’ wkoll jitlob lill-operatur tat-telefon l-informazzjoni kollha meħtieġa. Fil-fehma tiegħi, madankollu, huwa diffiċli sabiex il-kwalità tal-informazzjoni mogħtija waqt konverżazzjoni telefonika tiġi mqabbla ma’ dik miksuba permezz ta’ konsultazzjoni bl-internet.

63.      Il-kwistjoni hija, għaldaqstant, u speċifikament, jekk il-konsumatur għandux jingħata minn qabel u fl-indirizz fejn joqgħod jew inkella permezz tal-email bil-mudelli ta’ kuntratti kollha offruti mill-kummerċjant u jekk dan ma jsirx, teżistix prattika kummerċjali aggressiva.

64.      Fil-fehma tiegħi, il-konsumatur għandu jiġi infurmat dwar id-diversi mudelli ta’ kuntratti eżistenti (27), sabiex isir jaf bihom, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-kummerċjant ikun bagħathomlu b’mod personalizzat qabel iż-żjara tal-messaġġier.

65.      Peress li l-interess tal-qorti tar-rinviju huwa ffokat fuq il-mument eżatt meta l-konsumatur irid d-deċiżjoni finali — jiġifieri, meta l-messaġġier jagħtih il-mudell ta’ kuntratt li jkun għażel matul il-konverżazzjoni telefonika jew meta jkun żar is-sit internet tal-kummerċjant, l-awtorità ġudizzjarja trid tivverifika jekk il-fatt li, f’dak il-mument, il-konsumatur ma jkollux miegħu l-mudelli ta’ kuntratti kollha jistax iwassal sabiex jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra (28).

66.      Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk il-konsumatur ikollu dubji dwar jekk il-kuntratt li jingħata sabiex jiffirma jkunx jaqbel ma’ dak li seta’ jikkonsulta fuq l-internet jew li jkun ġie deskritt lilu fil-konverżazzjoni telefonika u li l-messaġġier jew ma jkunx jista’ jsolvi dawn id-dubji jew inkella jċaħħdu mill-possibbiltà li jivverifika u jippressah sabiex jiffirmah.

67.      Waqt is-seduta ġie vverifikat li Orange Polska tuża għal dawn il-finijiet servizzi ta’ kunsinna ordinarji, li għalhekk huma distakkati mis-settur tat-telefonija u b’hekk ma humiex f’pożizzjoni li jagħtu informazzjoni dwar il-kuntratti bejn il-konsumatur u l-kumpannija tat-telefon.

68.      Minbarra l-fatt li l-messaġġier ma jistax isolvi d-dubji tal-konsumatur, il-fattur determinanti huwa dejjem l-attitudni tiegħu fil-kuntest tas-sitwazzjoni li fiha jinsab dan tal-aħħar, bħala konsegwenza tal-informazzjoni li jkollu fil-mument meta jiġi ppreżentat bil-kuntratt sabiex jiffirmah.

69.      Jekk din l-informazzjoni ma tkunx biżżejjed jew tiżgwida, tista twassal għal prattika kummerċjali qarrieqa, jiġifieri dik li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, “fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.’’

70.      Iżda din l-informazzjoni qarrieqa tikkontribwixxi biss lejn “prattika kummerċjali aggressiva” jekk, bis-saħħa tagħha, il-kummerċjant, jew terz f’ismu (f’dan il-każ il-messaġġier) jistgħu jinfurzaw b’suċċess pożizzjoni ta’ saħħa akkwista permezz ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet qarrieqa u mwettqa b’mod illegali.

71.      Sabiex jiġi żgurat li l-attitudni tal-messaġġier ma tistax tirriżulta fl-eżerċizzju ta’ influwenza mhux xierqa, ma hijiex daqstant importanti l-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur fil-fażijiet qabel il-proċess tax-xiri (29), iżda l-fatt li l-aġir tiegħu jkun irregolat debitament f’termini li jistgħu jneħħu jew inaqqsu kemm jista’ jkun il-komponent ta’ pressjoni psikoloġika li, f’ċerti każijiet, tista’ toħloq l-istedina sabiex jiġi ffirmat kuntratt.

72.      F’dan is-sens, kieku l-messaġġier kien ingaġġat direttament mill-impriża tas-servizzi telefoniċi, kien ikun f’pożizzjoni fejn jista’ jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tad-dubji tal-aħħar mument li jistgħu jkunu qegħdin iħassbu lil-konsumatur; pereżempju, billi jiġi pprovdut in situ bil-mudelli ta’ kuntratti filwaqt li joffrilu l-possibbiltà li jirrepetu ż-żjara tiegħu, ladarba l-konsumatur ikun ikkonsultahom. Għandu jiġi żgurat ukoll li f’ebda każ ma’ jipprova jġiegħel lill-konsumatur sabiex jiffirma bi twissija li r-rifjut jew id-dewmien min-naħa tiegħu jistgħu jwasslu sabiex jassumi xi responsabbiltà jew iwasslu għal kundizzjonijiet kuntrattwali futuri inqas favorevoli.

73.      Jekk, għall-kuntrarju, dawn kienu, bħal f’dan il-każ, messaġġiera esterni għall-kumpannija tas-servizzi telefoniċi u, għaldaqstant, ma jkunu kapaċi jipprovdu lill-konsumatur b’ebda informazzjoni jew ma jkunux jistgħu jagħtu impenji f’isem il-kumpannija, għall-inqas għandu jiġi evitat li l-messaġġier, jinsisti li l-konsumatur jiffirma l-kuntratt.

74.      Dawn huma, fost affarijiet oħrajn, fatturi li fil-fehma tiegħi għandhom jitqiesu b’rabta mal-kollaborazzjoni stabbilita bejn il-kummerċjant u servizz ta’ messaġġier li jaġixxi f’ismu. Il-qorti nazzjonali trid tiżinhom sabiex tiddetermina jekk l-intervent tal-messaġġier jistax, fil-kuntest li fih jiġi ffirmat il-kuntratt, jimplika l-eżerċizzju ta’ influwenza mhux xierqa (Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29).

VI.    Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) skont kif ġej:

L-Artikolu 8, moqri flimkien mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–      mudell ta’ konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, fejn il-konsumatur irid jieħu deċiżjoni finali fir-rigward tat-tranżazzjoni kkonċernata fil-preżenza tal-messaġġier li jagħtih il-mudell ta’ kuntratt, meta seta’ jinforma ruħu b’għarfien sħiħ tal-kundizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt fuq is-sit internet tal-kummerċjant jew bit-telefon, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, prattika kummerċjali aggressiva.

–      jekk, meta jiġu eżaminati fil-kuntest tagħhom taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, l-eżekuzzjoni ta’ dak il-mudell kuntrattwali tippreġudika b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-għażla tal-konsumatur, permezz ta’ influwenza mhux xierqa eżerċitata b’suċċess mill-kummerċjant fil-konfront tiegħu, din tikkostitwixxi prattika kummerċjali aggressiva.

–      sabiex jiġi żgurat, sa fejn hu possibbli, li l-attitudni tal-messaġġier ma tirriżultax fl-eżerċizzju ta’ influwenza mhux xierqa, huma importanti li l-aġir tiegħu jkun irregolat b’mod adegwat f’termini li jippermettu li jiġi eliminat kwalunkwe komponent ta’ pressjoni psikoloġika fuq il-konsumatur.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


3      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018 (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710).


4      Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2007, Nru 171, pożizzjoni. 1206, kif emendat.


5      Enfasi miżjuda minni.


6      Enfasi miżjuda minni.


7      Enfasi miżjuda minni.


8      Enfasi miżjuda minni.


9      Enfasi miżjuda.


10      Punt 21, nota ta’ qiegħ il-paġna 2, tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


11      Punti 15 u 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk.


12      Punti 28 u 29 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


13      Hija diġà klawżola ta’ stil li “l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku, iżda sempliċement li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-artikolu, mill-informazzjoni fil-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bi gwida għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli fl-evalwazzjoni tal-effetti tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt”. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Ingsteel u Metrostav (C‑76/16, EU:C:2017:549), punt 25.


14      Skont il-punt 61 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑421/12, EU:C:2014:2064), “leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali prattiki mhux imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29, mingħajr ma titwettaq analiżi individwali tan-natura ‘żleali’ tagħhom fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva, tmur kontra l-kontenut tal-Artikolu 4 tagħha u tmur kontra l-għan ta’ armonizzazzjoni kompleta segwit mill-imsemmija direttiva anki meta din il-leġiżlazzjoni tkun intiża li tiżgura livell ta’ protezzjoni iktar għoli tal-konsumaturi”.


15      Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:377), punt 63.


16      Ibidem, punt 65.


17      Kawżi C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:377, punti 67 sa 70.


18      Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország (C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 53).


19      Punti 14 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Waqt is-seduta Orange Polska, mingħajr ma ċaħdet li setgħet ipprattikat din it-teknika kummerċjali (telefonati kummerċjali mhux mixtieqa), affermat li liġi oħra kienet tipprojbixxi dan fil-Polonja.


21      B’hekk huwa rrikonoxxut, għall-kuntratti konklużi barra mill-istabbiliment, fil-premessi 21 u 37 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). Madankollu, il-“pressjoni psikoloġika” inerenti f’kuntratti ta’ dan il-ġeneru (li huwa bbilanċjat mid-dritt ta’ rtirar) ma huwiex fih innifsu tal-istess kwalità bħal dik li permezz tagħha tiġi eżerċitata influwenza mhux xierqa fil-konfront tal-konsumatur.


22      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, EU:C:2000:8 punt 27), u tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige (C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 22).


23      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 45).


24      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 40).


25      Punt (b) tad-domanda preliminari.


26      Punt 14 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


27      Jekk le, fil-fatt, din hija ommissjoni li tista’ tkun determinanti għad-deċiżjoni tal-konsumatur. Dan tal-aħħar, kieku kien jaf bl-eżistenza ta’ kuntratti oħrajn iktar favorevoli, seta’ jagħżel ieħor minnhom u mhux dak li fil-fatt għażel, li probabbilment kien iwarrab. Madankollu, kif argumentajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:377, punt 65), dan ma jikkostitwixxix l-eżerċizzju ta’ “influwenza mhux xierqa” mill-kummerċjant, peress li “l-influwenza msemmija fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29 ma hijiex dik li tirriżulta sempliċement minn qerq — jiġifieri, dik imsemmija fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva —, iżda dik li tinvolvi b’mod attiv, permezz ta’ pressjoni, il-kundizzjonament forzat tar-rieda tal-konsumatur”. B’hekk indikajt (nota ta’ qiegħ il-paġna 28), li “[s]kont l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2005/29, din hija mġiba li tikkonsisti ‘fl-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur’ sabiex tiġi ‘applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta’ l-użu tal-forza fiżika, b’mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata’. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li wieħed iqarraq bil-konsumatur, li jġiegħlu jemmen b’mod falz li qiegħed jaġixxi b’mod liberu u konxju, iżda li huwa jiġi sfurzat jaġixxi kontra r-rieda tiegħu.”


28      Skont il-qorti tar-rinviju, il-messaġġier għandu jġorr miegħu ta’ mill-inqas l-annessi, il-kundizzjonijiet kuntrattwali, il-listi tal-prezzijiet u “dokumenti oħrajn”, li jsiru parti mill-kuntratt wara l-iffirmar (punt 3 tad-deċiżjoni tar-rinviju).


29      Intenni li l-kwalità ta’ din l-informazzjoni hija importanti essenzjalment mill-perspettiva tal-prattika kummerċjali qarrieqa, iżda ma hijiex determinanti, fiha nnifisha, sabiex tagħti lok għal prattika kummerċjali aggressiva (li, barra minn hekk, tista’ sseħħ f’kuntest ta’ informazzjoni suffiċjenti u veritiera).