Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di L’Aquila (l-Italja) fl-1 ta’ Ottubru 2018 – Gabriele Di Girolamo vs Ministero della Giustizia

(Kawża C-618/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Giudice di pace di L’Aquila

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gabriele Di Girolamo

Konvenut: Ministero della Giustizia

Domandi preliminari

Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, taċ-ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tal-, tal-ekwità proċedurali, tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tad-dritt għal qorti indipendenti u, b’mod iktar ġenerali, għal smigħ xieraq, previsti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar ir-responsabbiltà tal-Istat Taljan għal ksur manifest tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mill-qorti tal-aħħar istanza fis-sentenzi [tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C- 224/01, EU:C:2003:513; tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo, C-173/03, EU:C:2006:391 u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-379/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:775], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata jipprekludu l-adozzjoni, minn Stat Membru sabiex jivvantaġġja lilu nnifsu u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi tiegħu, bħal f’dan il-każ, ta’ leġiżlazzjoni bħal dik introdotta bil- legge n. 18/2015 (il-Liġi Nru 18/2015) bl-intenzjoni ddikjarata li timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċitati, iżda bl-għan sostanzjali li tannulla l-effetti u tikkundizzjona l-ġurisdizzjoni interna, li, konformement mat-test il-ġdid tal-Artikoli 2(3) u (3a) tal-legge 13 aprile 1988, n. 117 (il-Liġi tat-13 ta’ April 1988, Nru 117), li tipprevedi kunċett ta’ responsabbiltà għal intenzjoni doluża jew negliġenza serja “fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni Ewropea”. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni interna tqiegħed quddiem il-qortili irrispettivament minn kif tiġi eżerċitata twassal għal responsabbiltà ċivili u dixxiplinari fil-konfront tal-Istat f’kawżi fejn l-amministrazzjoni pubblika nnifisha hija parti sostantiva fihom –, bħal fil-kawża inkwistjoni, jekk tikser il-leġiżlazzjoni interna billi ma tapplikahiex u tapplika u billi jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea billi jiġu applikati r-regoli interni li jipprekludu r-rikonoxximent ta’ protezzjoni effettiva u f’nuqqas ta’ konformità mal-Artikoli 1(3) u 7 tad-Direttiva 2003/88, flimkien mal-Klawżoli 2 u 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, implimentat bid-Direttiva 1999/70 u bl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi [tal-1° ta’ Marzu 2012, O’Brien, C-393/10, EU:C:2012:110; u tad-29 ta’ Novembru 2017, King, C-214/16, EU:C:2017:914];

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni meħuda mill-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) [fis-sentenza] Nru 269/2017 tal-14 ta’ Diċembru 2017 wara s-sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 2010, M.A.S. u M.B., C-42/17, EU:C:2017:936], fid-dawl tal-Artikoli 31(2) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 267TFUE u tal-Artikolu 4 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, jekk id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tirrileva l-kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2(3) u (3a) tal-legge 13 aprile 1988 n. 117 (il-Liġi Nru 117 tat-13 ta’ April 1988), fil-kuntest ta’ kawża prinċipali li fiha l-konvenuta hija amministrazzjoni pubblika tal-Istat, tista’ tiġi ekwiparata għal regola tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li hija direttament effettiva u applikabbli mill-qorti nazzjonali, li tippermetti n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni interna li tipprekludi?

Fil-każ biss ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-Maġistrat Ordinarju jew “togato” jista’ jitqies bħala ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli għall-ħaddiem għal żmien determinat bħal “Giudice di Pace”, bl-istess tul ta’ servizz professjonali bħal dan tal-aħħar mal-Maġistrat Ordinarju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], implimentatat bid-Direttiva 1999/70 1 , jekk il-funzjonijiet ġudizzjarji eżerċitati huma l-istess iżda l-proċeduri ta’ għażla biex iwettqu l-funzjonijiet huma differenti bejn il-Maġistrati Ordinarji (għal kwalifiki u eżamijiet, b’reklutaġġ permanenti, u b’protezzjoni sostanzjali kontra t-tkeċċija, salv f’każijiet rari ta’ ksur serju ħafna tad-dmirijiet uffiċjali) u l-Giudici di Pace (għal kwalifiki, b’reklutaġġ għal żmien determinat, li jista’ jiġġedded b’diskrezzjoni fi tmiem l-evalwazzjoni pożittiva perijodika mill-Consiglio superiore della magistratura (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura) u revokabbli immedjatament f’każ ta’ evalwazzjoni negattiva tax-xogħol tal-Giudice onorario (l-Imħallef Onorarju)?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).