Language of document : ECLI:EU:F:2008:162

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Diċembru 2008

Kawża F‑106/05

T

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave tal-mard – Reġistrazzjoni tal-leave tal-mard bħala leave annwali – Telf tal-benefiċċju tar-remunerazzjoni – Talba għat-trasferiment tal-leave annwali – Inammissibbiltà – Talba għad-danni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, permezz tiegħu T jitlob, essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tad‑deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jqisu li xi wħud mill-assenzi mix-xogħol tiegħu fl-2004 u fl-2005 ma humiex ġustifikati, li jirreġistraw dawn l‑assenzi fl-2004 u fl-2005 inkwistjoni fuq il-leave annwali u jnaqqsu r‑remunerazzjoni tiegħu, it-tieni nett, l-annullament tad‑deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li t‑trasferiment għall‑2005 tal-leave annwali mhux meħud matul l-2004 li jaqbez tnax-il ġurnata, u t-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad‑danni.

Deċiżjoni: Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 5 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il‑Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u tliet kwarti tal‑ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati kwart tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Proċedura prekontenzjuża – Talba intiża għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn att irtirat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Terminu għall-preżentata ta’ lment – Kalkolu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1182/71, Artikolu 3(4))

3.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Ġustifikazzjoni tal-marda – Produzzjoni ta’ ċertifikat mediku – Preżunzjoni tar-regolarità tal-assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59(1) u (3))

1.      Fis-sistema ta’ mezzi ta’ rikors imwaqqfa mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-persuna kkonċernata jkollha l-intenzjoni titlob kumpens għad‑danni għal att li jkun ġie rtirat sussegwentement mill-amministrazzjoni, il‑proċedura prekontenzjuża ma għandhiex tibda bil-preżentata ta’ lment, peress li l-att li jaffettwah ħażin ikun meqjus li ma jkun eżista qatt. Huwa l-persuna kkonċernata għaldaqstant li għandu jressaq talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal‑Persunal, u wara, fil-każ li t-talba tiġi miċħuda, ilment kontra din iċ-ċaħda.

Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi li l-irtirar tal-att li jaffettwah ħażin iseħħ wara l‑preżentata, fit-termini, ta’ lment, imur kontra l-ekonomija tal-ġudizzju li wieħed jeżiġi li l-persuna kkonċernata jerġa’ jibda proċedura ġdida prekontenzjuża u jagħmel talba lill-amministrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal‑Persunal. Huwa jista’ biss, wara li l-amministrazzjoni tkun iddeċidiet espliċitament jew impliċitament fuq l-ilment tiegħu, fit-termini, jippreżenta rikors għall-kumpens tad-danni allegatament subiti mill-att irtirat.

(ara l-punti 94 u 95)

2.      Peress li r-Regolamenti tal-Persunal huma att tal-Kunsill, u fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi li jirrigwardaw it-termini indikati fl-Artikolu 90 tiegħu, ir-regoli applikabbli għat-termini previsti fil-paragrafu (2) ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li jgħidu li l-ilment għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur, huma stabbiliti bl‑Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 1182/71, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien.

(ara l-punti 98 u 99)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 2 ta’ Mejju 1985, K vs Il‑Parlament, 38/84, Ġabra p. 1267, punt 20; 15 ta’ Jannar 1987, Misset vs Il‑Kunsill, 152/85, Ġabra p. 223, punti 8 u 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Settembru 1996, Maurissen vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑192/94, ĠabraSP p. I‑A‑425 u II‑1229, punt 28; 30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il‑Kummissjoni, T‑197/00, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑325, punt 50

3.      Meta uffiċjal li jinsab assenti minħabba mard jipproduċi ċertifikat mediku, l‑amministrazzjoni tista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59(1) tar‑Regolamenti tal-Persunal, tittratta din l-assenza bħala mhux ġustifikata biss bil‑kundizzjoni, fejn il-verifika medika li hija tissottometti lill-uffiċjal turi li huwa kien f’pożizzjoni li jaqdi dmirijietu, jew, fil-każ ta’ kontestazzjoni, mill-persuna kkonċernata, tal-fondatezza tal-verifika medika, li t-tabib indipendenti maħtur fil-kuntest tal‑proċedura ta’ arbitraġġ ikun ikkonferma dawn il-konklużjonijiet. Huwa biss f’din is-sitwazzjoni li l-amministrazzjoni tista’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 59(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, tirreġistra l-assenza mhux ġustifikata bħala leave annwali tal‑uffiċjal u, fil-każ li l-leave jkun kollu meħud, tnaqqas ir‑remunerazzjoni tiegħu għall-perijodu korrispondenti.

(ara l-punt 112)