Language of document : ECLI:EU:C:2006:569

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 20061(1)

Kawża C-418/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

L-Irlanda

“Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Żoni speċjali ta’ protezzjoni – IBA 2000 – Traspożizzjoni u applikazzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        B’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni għal darb’oħra qed tikkontesta l-klassifikazzjoni insuffiċjenti, min-naħa ta’ Stat Membru, ta’ żoni speċjali ta’ protezzjoni għall-għasafar (iktar ’il quddiem: iż-“ŻSP”) skond id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi(2) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva Għasafar”). Il-Kummissjoni diġà kisbet il-kundanna ta’ l-Olanda(3), ta’ Franza(4), tal-Finlandja(5) u ta’ l-Italja(6) minħabba ksur simili. Barra minn hekk, bħalissa hemm proċeduri pendenti kontra l-Greċja(7) u Spanja(8). Il-Kummissjoni qed tipprepara proċeduri oħra kontra l-Portugall.(9)

2.        Essenzjalment, proċeduri bħal dawn għandhom l-għan li jippruvaw li l-Istat Membru in kwistjoni għadu ma kklassifikax bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni ż-żoni kollha li kellhom jiġu kklassifikati bħala tali. F’din il-kawża l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-data li tikkonċerna lill-Irlanda li tinsab f’lista ta’ żoni Ewropej importanti mill-perspettiva ornitoloġika li ġiet ippubblikata fl-2000 mill-organizzazzjoni mhux governattiva BirdLife International, konfederazzjoni internazzjonali ġenerali li tinkludi organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni ta’ l-għasafar [iktar ’il quddiem: l-“IBA 2000”, fejn IBA tfisser Important Bird Area ( Żona Importanti għall-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar) jew Important Bird Areas (Żoni Importanti għall-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar)](10).

3.        Barra minn hekk, f’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni tqajjem aktar ilmenti fir-rigward tal-protezzjoni taż-ŻSP. L-Irlanda ma pprovedietx għat-traspożizzjoni korretta fid-dritt nazzjonali ta’ dispożizzjonjiet importanti ta’ protezzjoni tad-Direttiva Għasafar kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(11) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva Habitat”), jew fil-prattika applikat tali dispożizzjonijiet b’mod żbaljat.

II – Il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet

4.        Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq diversi proċeduri prekontenzjużi li nbdew mill-Kummissjoni, b’talbiet sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skond l-Artikolu 226 KE (ittri ta’ intimazzjoni) fl-1998, fl-2000 u fl-2001, li ġew segwiti minn opinjoni motivata fl-2001 u tnejn oħra mibgħuta fil-11 ta’ Lulju 2003. F’dawn l-aħħar żewġ opinjonijiet motivati kien hemm sommarju ta’ l-ilmenti kollha li huma s-suġġett tar-rikors. Il-Kummissjoni tat lill-Irlanda terminu aħħari ta’ xahrejn biex ittemm il-ksur tad-dritt Komunitarja li qed tiġi akkużata bih. L-Irlanda tirrikonoxxi li dan it-terminu skada fil-11 ta’ Settembru 2003(12).

5.        Il-Kummissjoni ddikjarat li ma kinitx sodisfatta bir-risposti ulterjuri li tat l-Irlanda u għaldaqstant, fid-29 ta’ Settembru 2004, ressqet dan ir-rikors fejn titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1.      tiddikjara li l-Irlanda,

(a)      billi, ma kklassifikatx, mill-1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, l-aktar territorji kollha adattati fin-numru u daqs għall-ispeċi inklużi fl-Anness I għall-istess direttiva, kif ukoll għall-ispeċi migratorji li jirritornaw b’mod regolari;

(b)      billi, ma stabbilixxitx, mill-1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409/KEE, is-sistema ġuridika ta’ protezzjoni neċessarja għal dawn it-territorji;

(ċ)      billi, mill-1981, ma ggarantitx li d-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) jiġu applikati għaż-żoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni skond id-Direttiva 79/409/KEE;

(d)      billi ma wettqitx b’mod sħiħ u korrett dak ipprovdut fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE;

(e)      billi ma ħaditx, fir-rigward taż-żoni speċjali ta’ protezzjoni kklassifikati skond id-Direttiva 79/409/KEE, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u, għal dak li jikkonċerna l-użu bħala żoni turistiċi tas-siti kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tad- Direttiva 92/43/KEE, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Artikolu 6(2);

(f)      billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 79/400/KEE;

naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond dawn l-Artikoli ta’ l-imsemmija direttivi, u

2.      tikkundanna lill-Irlanda tbati l-ispejjeż.

6.        L-Irlanda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1.      tiċħad it-talbiet tal-Kummissjoni jew, sussidjarjament, tillimita l-konstatazzjonijiet individwali għas-suġġetti speċifiċi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-Irlanda kisret id-dritt Komunitarju.

2.      tiddikjara li l-partijiet ibatu l-ispejjeż tagħhom.

7.        Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Ellenika intervjenew sabiex isostnu lill- Irlanda.

III – Fuq ir-rikors

8.        Iktar ’il quddiem se neżamina, waħda wara l-oħra, il-motivi individwali, fejn kull darba se nistabbilixxi l-kuntest ġuridiku ta’ l-ilmenti rispettivi mqajma mill-Kummissjoni.

A –    Dwar l-ewwel motiv tar-rikors – klassifikazzjoni insuffiċjenti ta’ ŻSP

9.        Bl-ewwel motiv il-Kummissjoni tikkontesta lill-Irlanda li ma kklassifikatx bħala ŻSP territorji suffiċjenti fin-numru u daqs għall-protezzjoni ta’ l-għasafar elenkati fl-Anness I kif ukoll ta’ l-ispeċi migratorji li ma jissemmewx fl-Anness.

Il-kuntest ġuridiku

10.      L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar jistabbilixxi ż-żoni li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala ŻSP, filwaqt li l-Artikolu 4(3) jindika l-informazzjoni li għandha tingħata lill-Kummissjoni rigward il-klassifikazzjoni:

“1.      L-ispeċi imsemmija fl-anness i għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

a)       ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

b)       ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

ċ)       ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-istati membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’ konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.

2.       L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness i, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

3.      L-istati membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex din tkun tista tieħu inizjattivi xierqa bil-għan li tikkordina b’mod xieraq biex tassigura li ż-żoni li hemm provvduti fil-paragrafi 1 u 2 fuq jiffurmaw koerenza sħiħa li tkun konformi mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.”

11.      Id-disa’ premessa tippreċiża din id-dispożizzjoni:

“Billi l-preservazzjoni, l-manutenz[j]oni jew ir-restawrazzjoni tad-diversità suffiċjenti u ż-żoni ta’ habitat huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar; billi ċerti speċi ta’ l-għasafar għandhom ikunu suġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-habitat tagħhom bil-għan li jassiguraw is-sopravvivenza tagħhom u r-riproduzzjoni fiż-żoni tad-distribuzzjoni tagħhom; billi miżuri simili għandhom jieħdu ukoll in kunsiderazzjoni l-ispeċi li jemigraw u għandhom ikunu koordinati bil-għan li jirriżultaw f’ koerenza sħiħa.”

Ewalwazzjoni

12.      L-ilment tal-Kummissjoni rigward klassifikazzjoni insuffiċjenti tat-territorji huwa magħmul minn tliet kapijiet. L-ewwel nett, l-Irlanda ma kklassifikatx bħala ŻSP bosta territorji elenkati fl-IBA 2000 u ta’ spiss iż-ŻSP ikklassifikati huma żgħar wisq, peress li huma iċken mill-indikazzjonijiet rigward id-daqs tat-territorji li jinsabu fl-IBA 2000. It-tieni nett, għal ċerti speċi, l-Irlanda hija obbligata tikklassifika ŻSP oħra, li għadhom mhumiex imsemmija fl-IBA 2000. It-tielet nett, il-Kummissjoni u l-Irlanda ma jaqblux dwar il-ħtieġa li ċerti territorji u partijiet minn żoni jiġu kklassifikati bħala ŻSP.

13.      Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar jimponi lill-Istati Membri jikklassifikaw bħala ŻSP it-territorji li jikkonformaw ma’ ċerti kriterji ornitoloġiċi li ġew iddeterminati minn dawn id-dispożizzjonijiet(13). Dawn huma siti li jidhru l-aktar adattati mill-perspettiva tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati(14). Kif ġustament tenfasizza l-Irlanda, mingħajr mhija kontradetta mill-Kummissjoni, is-sempliċi raġuni li territorju huwa adatt għall-konservazzjoni ta’ speċi partikolari mhijiex raġuni suffiċjenti sabiex jiġi impost l-obbligu li dan is-sit jiġi kklassifikat bħala ŻSP.

14.      Huwa minnu li l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni rigward l-għażla taż-ŻSP, imma dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-klassifikazzjoni u d-delimitazzjoni ta’ dawn iż-żoni jridu jsiru esklużivament skond il-kriterji ornitoloġiċi ddeterminati mid-Direttiva. Għall-fini tal-klassifikazzjoni taż-żoni, kunsiderazzjonijiet ta’ xort’oħra, b’mod partikolari ta’ natura ekonomika u soċjali, mhumiex rilevanti(15). Mhux possibbli li wieħed jonqos milli jwettaq l-obbligu li jikklassifika ŻSP anki jekk jieħu miżuri ta’ konservazzjoni speċjali oħra(16).

1.      Fuq l-IBA 2000

15.      Il-Kummissjoni ssostni li l-inventarju IBA 2000 għallinqas jindika parti mit-territorji l-aktar adattati għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar. Il-fatt li l-Irlanda naqset għalkollox milli tikklassifika bosta IBA bħala ŻSP u li ħafna aktar ŻSP inklużi fl-inventarju IBA ma jinkludux iż-żona kollha ta’ l-IBA korrispondenti juri li l-Istat Membru in kwistjoni naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar.

16.      Konsegwentement, biex jiġi stabbilit jekk ir-rikors għandux jiġi aċċettat fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ punti jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk id-diverġenza bejn l-IBA 2000 u l-klassifikazzjonijiet li għamlet l-Irlanda turix jew le li din ta’ l-aħħar ma wettqitx b’mod suffiċjenti l-obbligu li għandha li tikklassifika ż-ŻSP.

17.      Inventarju tat-territorji bħall-IBA 2000 jista’ jipprovdi elementi ta’ prova sostanzjali tal-fatt li Stat Membru ma ssodisfax b’mod suffiċjenti l-obbligu li għandu li jikklassifika ŻSP. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, b’kunsiderazzjoni għall-valur xjentifiku ta’ l-IBA 89 u fl-assenza ta’ prova xjentifika xierqa biex jintwera li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar setgħu jiġu sodisfatti, billi jiġu kklassifikati bħala ŻSP siti differenti minn dawk li jirriżultaw mill-imsemmija lista u li jkopru żona totali iċken minn dik ta’ dawn ta’ l-aħħar, dan l-inventarju, għalkemm ma jorbotx legalment lill-Istat Membru kkonċernat, jista’ jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala bażi ta’ referenza sabiex tevalwa jekk dan l-Istat Membru kklassifikax territorji suffiċjenti fin-numru u daqs bħala ŻSP skond id-dispożizzjonijiet iċċitati tad-Direttiva(17).

18.      L-IBA 89 huwa inventarju taż-żoni ferm importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi tal-Komunità, li sar fl-1989 u li ġie ppreparat għad-Direttorat Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni mill-Grupp Ewropew għall-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar u tal-habitats, flimkien mal-Kunsill Internazzjonali tal-Protezzjoni ta’ l-Għasafar u bil-kooperazzjoni ta’ l-esperti tal-Kummissjoni(18).

19.      L-IBA 2000 huwa inventarju aktar reċenti. B’differenza għall-verżjoni ta’ l-1989 isemmi, b’mod partikolari għall-Irlanda, 48 territorju ġdid. Il-possibbiltà li l-inventarju l-ġdid jintuża bħala element ta’ prova skond kif intqal aktar ’il fuq jiddependi mill-fatt jekk dan għandux valur xjentifiku daqs dak ta’ l-inventarju preċedenti.

20.      Is-siti msemmija fiż-żewġ inventarji jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ kriterji speċifiċi għall-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ għasafar . Il-kriterji ta’ l-IBA 2000 fil-parti l-kbira jikkorrispondu għal dawk ta’ l-IBA 89(19). Iż-żjieda tat-territorji elenkati fin-numru u daqs sostanzjalment tirriżulta minn għarfien aktar profond dwar il-preżenza ta’ għasafar.

21.      Il-Kummissjoni interveniet fil-preparazzjoni ta’ l-IBA 89, imma limitat ruħha kważi esklużivament għalli ssegwi l-ħidma ta’ l-ornitoloġi rigward il-kriterji. Peress li fil-parti l-kbira l-kriterji għadhom jintużaw s’issa, il-Kummissjoni hija responsabbli, almenu b’mod indirett, anki għall-IBA 2000. Bil-kontra, diġà għall-IBA 89, il-Kummissjoni prattikament ma setgħetx tikkontrolla l-ġbir tad-data, peress li ma setgħetx taċċerta l-eżistenza u l-importanza numerika ta’ kull preżena ta’ għasafar li kienet indikata. Għaldaqstant, l-IBA 89 u l-IBA 2000 anki minn dan il-lat mhumiex differenti b’mod sinjifikattiv.

22.      Ir-Renju ta’ Spanja, li intervjena sabiex isostni lill-Irlanda, jikkritika, rigward l-IBA 2000, il-fatt li l-inventarju sar minn organizzazzjonijiet mhux governattivi. Dan huwa minnu, imma dan ma jqiegħed l-ebda dubju fuq il-valur xjentifiku tiegħu(20). Kienet il-BirdLife International, li hija konfederazzjoni ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni ta’ l-għasafar, li ħadet ħsieb l-inventarju, u l-BirdLife kienet diġà pparteċipat fil-preparazzjoni ta’ l-IBA 89 taħt il-kappa ta’ Kunsill Internazzjonali tal-Protezzjoni ta’ l-Għasafar. Il-Grupp Ewropew għall-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar u tal-habitats, li dak iż-żmien kien ipparteċipa wkoll, kien grupp ta’ esperti ad hoc li kien parti minn dan il-Kunsill. Konsegwentement, il-BirdLife tiżgura l-kontinwità tal-ħidma fil-kuntest ta’ dawn l-inventarji ta’ territorji.

23.      Mill-bqija, għall-ġbir tad-data rigward it-taqsima Irlandiża ta’ l-IBA 2000 ikkontribwew, minbarra diversi ornitoloġi, anki awtoritajiet Statali Irlandiżi(21).

24.      Madankollu, kif tenfasizza l-Irlanda, il-Kummissjoni stess, billi teżiġi mill-Irlanda l-klassifikazzjoni ta’ territorji li ma jissemmewx fl-inventarju, qed titfa’ dubju fuq il-kwalità ta’ l-IBA 2000. Madankollu, dan l-argument mhux ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li t-territorji ċċitati mill-IBA 2000 mhumiex l-aktar adattati. Anzi, il-Kummissjoni tqis li l-IBA 2000 huwa, fejn għandhom x’jaqsmu ċerti speċi u ċerti habitats fl-Irlanda, inkomplet.

25.      Dan in-nuqqas ta’ kompletezza ma jitfax dubji fuq il-valur probatorju ta’ l-IBA 2000. Għal dan il-għan ikun meħtieġ li jiġu ppreżentati elementi xjentifiċi li jippruvaw li t-territorji identifikati mill-IBA 2000 mhumiex l-aktar adattati adattati(22). Mill-bqija, mill-paragun bejn l-IBA 89 u l-IBA 2000 diġà jidher ċar li, minħabba l-progress fl-għarfien xjentifiku, tinkiseb integrazzjoni ta’ dawn l-inventarji. B’dan il-mod, il-valur probatorju ta’ l-IBA 89, li l-Qorti tal-Ġustizzja rikonoxxiet, qed jitqiegħed f’dubju l-aktar minħabba l-fatt li l-inventarji l-aktar reċenti ma jsemmux aktar ċerti territorji li kienu inklużi fl-IBA 89. L-istess jista’ jingħad għall-IBA 2000.

26.      Minn dan jirriżulta, għal dak li jikkonċerna l-valur xjentifiku, li ż-żewġ inventarji IBA 89 u IBA 2000 huma simili. Peress li huwa bbażat fuq data aktar aġġornata, l-IBA 2000 huwa l-aħjar sors xjentifiku u għalhekk jipprevali fuq l-inventarju preċedenti.

27.      Madankollu, fil-fażi orali, il-Gvern Irlandiż sostna li m’għandhomx jintgħażlu t-territorji l-aktar adattati mill-perspettiva ta’ Stat Membru wieħed, imma għandha titqies il-Komunità kollha. Għal ħafna speċi preżenti fl-Irlanda hemm territorji ferm aktar adattati fi Stati Membri oħra. Għalhekk għal ċerti speċi mhuwiex neċessarju li jiġu kklassifikati territorji fl-Irlanda.

28.      Din il-pożizzjoni jidher li hija sostnuta mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar, li jgħid li trid titqies il-ħtieġa li jiġu protetti l-ispeċi elenkati fl-Anness I fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika d-Direttiva. Iż-żona in kwistjoni hija l-Komunità.

29.      Il-parti l-kbira tal-kriterji ta’ għażla applikati għall-IBA 2000 iqisu r-raġunijiet imsemmija in kwantu ma jippreżumux paragun f’kull wieħed mill-Istati Membri.(23) Is-sitwazzjoni hija differenti fejn għandu x’jaqsam il-kriterju C.6., li fuq il-bażi tiegħu l-ħames territorji l-aktar importanti għall-ispeċi elenkati fl-Anness I għandhom jitqiesu bħala ż-żona l-aktar importanti mill-perspettiva ornitoloġika fir-reġjun Ewropew ikkonċernat (dak li jissejjaħ il-kriterju Top 5)(24). Fejn għandha x’ taqsam l-Irlanda, it-territorju nazzjonali kollu ġie kkunsidrat bħala reġjun Ewropew(25). Skond it-teżi ta’ l-Irlanda, il-kriterju Top 5 jrid jiġi miċħud peress li mhux ibbażat fuq paragun tat-territorju kollu ta’ l-UE.

30.      Minkejja dan, il-Gvern Irlandiż mhux qed iqis li, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar, kif interpretatu l-Qorti tal-Ġustizzja, meta t-territorju ta’ Stat Membru jospita l-ispeċi elenkati fl-Anness I, l-imsemmi Stat għandu jiffissa, partikolarment għal dawn l-ispeċi (kollha), ŻSP(26).

31.      Fil-Komunità, eżattament l-ispeċi elenkati fl-Anness I iridu jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni partikolari minħabba r-raġunijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar, jiġifieri peress li huma speċi rari, speċi fil-perikolu ta’ estinzjoni jew speċi vulnerabbli għal ċerti tibdiliet fil-habitats tagħhom peress li jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba raġunijiet oħra. Fl-għażla ta’ dawn l-ispeċi, il-Kummissjoni diġà qed tqis id-dimensjoni Ewropea, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1).

32.      Fl-Istati Membri fejn dawn l-ispeċi huma relattivament numerużi, iż-ŻSP jiggarantixxu b’mod partikolari l-konservazzjoni ta’ kwantitajiet kbar tal-popolazzjoni totali. Madankollu, iż-ŻSP huma meħtieġa anki fiż-żoni fejn dawn l-ispeċi huma pjuttost rari, fejn tabilħaqq iservu għad-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-ispeċi.

33.      Mid-definizzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni ta’ speċi, skond l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva Habitat, toħroġ it-tifsira ta’ distribuzzjoni ġeografika ta’ l-ispeċi. Skond din id-dispożizzjoni, stat ta’ konservazzjoni jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi kkonċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet tagħha. Anki jekk huwa minnu li din id-definizzjoni mhijiex direttament applikabbli għad-Direttiva Għasafar, madankollu, hija turi l-kunsens fuq livell xjentifiku li jrid ikun determinanti anki fil-kuntest ta’ l-għażla tat-territorji li trid tiġi spjegata mill-perspettiva ornitoloġika skond id-Direttiva Għasafar.

34.      Fejn għandha x’taqsam id-Direttiva Għasafar, it-tifsira tad-distribuzzjoni ġeografika tirriżulta mill-Artikolu 4(3), li jgħid li l-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi sabiex iż-ŻSP ikklassifikati mill-Istati Membri jifformaw koerenza sħiħa li tkun konformi mal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva. Huwa possibbli li jkun hemm netwerk uniformi biss jekk l-Istati Membri kollha jikklassifikaw bħala ŻSP it-territorji l-aktar adattati għall-ispeċi preżenti fiż-żona tagħhom(27). Jekk dan ma jseħħx, għal ħafna speċi, iż-ŻSP ikunu kkonċentrati f’ċerti reġjuni tal-Komunità, filwaqt li fiż-żoni madwar iż-żoni fejn ikunu preżenti dawn l-ispeċi ma jkunx hemm ŻSP.

35.      Għalhekk, id-dimensjoni Ewropea meħtieġa ma tixħetx dubji fuq il-kriterju C.6, li flimkien ma’ kriterji oħra huwa wieħed mill-bażijiet ta’ l-inventarju IBA 2000.

36.      Barra minn hekk, l-Irlanda qed tipprova tikkontradixxi l-valur probatorju ta’ l-inventarju IBA fejn għandu x’jaqsam il-Gallozz Aħmar (Crex crex). Skond data reċenti, din l-ispeċi m’għandhiex titqies aktar bħala vulnerabbli għall-estinzjoni fuq livell dinji u, fl-Irlanda, il-habitats l-aktar adattati għaliha jidher li qed jiżdiedu, minħabba t-tibdiliet fil-modalitajiet ta’ l-esplojtazzjoni agrikola. Barra minn hekk, l-Irlanda qed tadotta strateġija ta’ protezzjoni differenti rigward il-Gallozz Aħmar. Fl-aħħarnett, il-preżenza tal-Gallozz Aħmar barra miż-ŻSP għadha mhijiex suffiċjentement stabbilizzata u, għalhekk, hija inqas prevedibbli. Konsegwentement, it-talbiet tal-Kummissjoni dwar fejn il-klassifikazzjoni huma eċċessivi.

37.      Il-klassifikazzjoni differenti tal-Gallozz Aħmar fuq il-bażi ta’ data ġdida relatata ma’ preżenza fl-Ewropa tal-Lvant u fir-Russja hija korretta(28). Fil-prinċipju, żviluppi bħal dawn jistgħu jneħħu l-bażi ta’ l-inventarji tat-territorji għall-ispeċi rispettivi kkonċernati. Minkejja kollox, anki l-klassifikazzjoni attwali “near threatened”, eżattament bħall-klassifikazzjoni preċedenti “vulnerable”, tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex l-IBA jiġu identifikati skond il-kriterju C.1.(29) Mhemmx tibidiliet lanqas fejn għandha x’taqsam l-applikazzjoni tal-kriterju Top 5 (C.6). Minn dan jirriżulta li mhemm l-ebda dubju dwar it-territorji identifikati mill-IBA 2000.

38.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat – mingħajr oġġezzjonijiet min-naħa tal-Gvern Irlandiż – studju li l-organizzazzjoni Irlandiża għall-protezzjoni ta’ l-għasafar BirdWatch Ireland wettqet f’April 2002, fejn huma proposti, permezz ta’ raġunament xjentifiku dettaljat, erba’ ŻSP ġodda għall-Gallozz Aħmar. Konsegwentement, anki għall-Gallozz Aħmar għandhom jiġu kklassifikati aktar territorji bħala ŻSP.

39.      Peress li l-Irlanda ma tressaqx argumenti oħra biex tiċħad il-valur probatorju ta’ l-inventarju IBA 2000, ma rnexxilix tqegħdu f’dubju. Għaldaqstant, id-diverġenza bejn il-klassifikazzjonijiet tat-territorji min-naħa Irlandiża u l-IBA 2000 turi li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(1) u (2).

40.      Madankollu, l-Irlanda qed issostni li, għal diversi territorji u speċi, saret jew qed issir riċerka adatta sabiex jiġu identifikati u, suċċessivament, ikklassifikati bħala ŻSP it-territorji l-aktar adattati għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati. Il-Greċja tappoġġja dan l-argument u titlob li l-Istati Membri jingħataw terminu suffiċjenti sabiex jeżaminaw data xjentifika ġdida, bħall-IBA 2000, u sabiex jipproċedu fuq din il-bażi għall-klassifikazzjoni ta’ ŻSP.

41.      Dan l-argument huwa bbażat fuq kunsiderazzjoni ġusta: ir-responsabbiltà tal-klassifikazzjoni taż-ŻSP taqa’ esklużivament fuq l-Istati Membri, li ma jistgħux jonqsu mir-responsabbiltà li għandhom, billi jillimtaw irwieħhom għar-replikazzjoni u għall-applikazzjoni ta’ data ta’ awtoritajiet oħra, anki jekk ipprovduta minn organizzazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-għasafar. Anzi, kull klassifikazzjoni tippresupponi li t-territorju kkonċernat, skond il-fehma ta’ l-awtoritajiet kompetenti bbażata fuq id-data disponibbli mill-ġbir ta’ informazzjoni xjentifika l-aktar affidabbli(30), huwa inkluż fost it-territorji l-aktar adattati għall-protezzjoni ta’ l-għasafar.

42.      Madankollu, ma jfissirx li l-obbligu ta’ klassifikazzjoni b’mod ġenerali jiddekadi sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux eżaminaw u vverifikaw b’mod eżawrjenti d-data xjentifika l-ġdida. Anzi, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ klassifikazzjoni jibqa’ fis-seħħ sakemm jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ l-għasafar, jiġifieri fir-rigward ta’ l-Irlanda mis-6 ta’ April 1981. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ klassifikazzjoni mhux limitat għall-istat ta’ l-għarfien xjentifiku f’data partikolari(31).

43.      L-obbligu ta’ klassifikazzjoni jippresupponi obbligu ieħor, jiġifieri l-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar adattati. Għalhekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva Għasafar, flimkien ma’ l-Anness V, jimponi lill-Istati Membri jinkoraġġixu r-riċerka u kull operat meħtieġ. Konsegwentement, jirriżulta li l-Irlanda kellha twettaq, mill-1981, ġbir xjentifiku eżawrjenti tal-preżenza ta’ għasafar fit-territorju nazzjonali tagħha kif ukoll klassifikazzjoni taż-ŻSP li jirriżultaw. Li kieku wettqet dan l-obbligu kif kien xieraq, kieku l-IBA 2000 jinkludi biss ŻSP jew l-Irlanda tista’ tikkontradixxi faċilment it-talbiet ulterjuri kollha ta’ klassifikazjoni ta’ ŻSP.

44.      Jistgħu jinqalgħu aktar obbligi ta’ klassifikazzjoni biss jekk jiġu rreġistrati varjazzjonijiet fil-preżenza ta’ għasafar, li f’dan il-każ qed jiġi dedott biss għall-Gallozz Aħmar. Madankollu, il-preżenzi l-ġodda ta’ dan l-ispeċi diġà kienu magħrufa meta f’dan il-każ skada t-terminu vinkolanti, jiġifieri l-11 ta’ Settembru 2003(32).

45.      Jekk l-Irlanda issa tingħata terminu utli ieħor sabiex jiġu eżaminati sorsi xjentifiċi disponibbli aktar affidabbli jkun bħallikieku l-obbligu ta’ klassifikazzjoni ta’ ŻSP jitgħabba b’kundizzjoni mhux provduta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Għasafar, jiġifieri l-prova min-naħa ta’ partijiet terzi ta’ l-eżistenza ta’ territorji li għadhom mhumiex protetti li għandhom jiġu kklassifikati. Madankollu, kundizzjoni bħal din tmur kontra mhux biss it-termini tad-dispożizzjonijiet, imma anki kontra l-għanijiet tad-Direttiva Għasafar u kontra r-responsabbiltà li ġiet fdata f’idejn l-Istati Membri – u mhux f’idejn partijiet terzi – tal-ġestjoni tal-patrimonju (naturali) komuni tat-territorju tagħhom(33). Għaldaqstant, il-ħtieġa li l-IBA 2000 jiġi eżaminat mill-ġdid ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ klassifikazzjoni ta’ ŻSP.

46.      B’referenza għall-IBA 2000, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Irlanda anki d-daqs wisq żgħir ta’ bosta ŻSP ikklassifikati. L-Istat Membru in kwistjoni jidher li eskluda partijiet essenzjali. L-Irlanda mhijiex qed toġġezzjona għal din il-kritika, imma tirreferi biss għall-proċess ta’ adegwament tad-delimitazzjoni ta’ ŻSP li għaddej bħalissa. Dan l-argument ma jikkontradixxix l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni. Fil-prinċipju, diġà fl-1981, l-Irlanda kellha tikklassifika b’mod intier iż-ŻSP kollha u kellha twettaq ukoll riċerka ornitoloġika li kienet adattata għal dan il-għan. Ir-riċerka u l-proċeduri amministrattivi li issa huma meħtieġa sabiex jiġu kklassifikati ż-żoni nieqsa ma jbiddlu xejn mill-fatt li l-Irlanda ma kkonformatx ruħha sa l-iskadenza tat-terminu ffissat mill-aħħar opinjoni motivata. Konsegwentement, anki dwar dan il-punt, l-Irlanda għandha tiġi kundannata, kif mitlub fit-talbiet tar-rikors.

47.      Għaldaqstant, ir-rikors propost mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ minħabba li huwa bbażat fuq id-diverġenza bejn il-klassifikazzjoni ta’ territorji mwettqa mill-Irlanda u l-IBA 2000.

2.      Fuq it-territorji li ma jissemmewx fl-IBA 2000

48.      Madankollu, il-Kummissjoni tafferma wkoll li jidher biċ-ċar li l-IBA 2000 mhuwiex komplut fejn għandhom x’jaqsmu ċerti speċi u habitats, u li għalhekk, l-Irlanda għandha tikklassifika bħala ŻSP saħansitra territorji li ma jissemmewx f’dan l-inventarju.

49.      Mhux qed jiġi eskluż li jeżistu obbligi għal territorji bħal dawn(34). Madankollu, għal dan il-għan, il-Kummissjoni mill-inqas trid turi b’mod konkret ir-raġunijiet għaliex jinħtieġ li jiġu indikati aktar siti. Mir-rikors u mill-ewwel opinjoni motivata, mibgħuta fl-24 ta’ Ottubru 2001, jirriżulta li, rigward il-Bugħaddâs tal-Maltemp (Gavia stellata), il-Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus), is-Seqer ta’ Denbu (Falco columbarius), il-Bies (Falco peregrinus), il-Pluviera (Pluvialis apricaria) u l-Għasfur ta’ San Martin (Alcedo athis), sostanzjalment il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-habitats ta’ dawn l-ispeċi mhumiex rappreżentanti b’mod suffiċjenti fiż-ŻSP ikklassifikati fl-Irlanda. B’mod parzjali, hija disponibbli anki riċerka, li saret possibbli minħabba l-identifikazzjoni tat-territorji adattati għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.

50.      L-Irlanda tinforma li, sadanittant, fir-rigward tal-Pluviera, il-Bugħaddâs tal-Maltemp, il-Bugħadam Abjad Prim, is-Seqer ta’ Denbu u l-Bies twettqet riċerka li tippermetti li jiġu identifikati t-territorji l-aktar adattati. B’dan il-mod, l-Irlanda tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu pprovduti aktar ŻSP għal dawn l-ispeċi, permezz tal-klassifikazzjoni ta’ territorji ġodda jew ta’ l-inklużjoni ta’ tali speċi fl-għanijiet ta’ protezzjoni tat-territorji eżistenti.

51.      Madankollu l-Irlanda tirrifjuta l-klassifikazzjoni ta’ ŻSP għall-Għasfur ta’ San Martin. Din l-ispeċi għandha distribuzzjoni wiesgħa b’densità baxxa u, għalhekk, mhix adattata għall-klassifikazzjoni ta’ ŻSP. F’dan ir-rigward il-Gvern Irlandiż ibbaża ruħu fuq il-ġbir ta’ informazzjoni rigward l-eżemplari li bejtu fil-perijodu bejn l-1988 u l-1991. Fil-fatt, mhux magħruf kemm hemm għasafar bħalissa, imma organizzazzjoni Irlandiża għall-protezzjoni ta’ l-għasafar biħsiebha tiġbor xi informazzjoni. Jekk il-ġbir ta’ informazzjoni jidentifika t-territorji l-aktar adattati, il-klassifikazzjoni tagħhom tkun tista’ tiġi kkunsidrata.

52.      Madankollu, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar, kif interpretatu l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, meta t-territorju ta’ Stat Membru jospita l-ispeċi elenkati fl-Anness I, dak l-Istat, b’mod partikolari, għandu jistabbilixxi għalihom ŻSP(35). Għaldaqstant huwa eskluż li f’ ŻSP jistgħu ma jiġux inklużi ċerti speċi elenkati fl-Anness I.

53.      Għal kuntrarju, jeħtieġ li jiġu identifikati t-territorji l-aktar adattati u li dawn jiġu kklassifikati bħala ŻSP anki għall-ispeċi preżenti b’densità baxxa. Għall-ispeċi kkaratterizzati minn distribuzzjoni wiesgħa jista’ jkun meħtieġ li ssir riċerka tal-punti ta’ l-akbar densità. Il-fatt li dan huwa wkoll possibbli anki għall- Għasfur ta’ San Martin huwa muri mill-informazzjoni miġbura ppreżentata mill-Irlanda, li tinkludi mappa li tindika b’mod ċar iż-żoni ta’ l-akbar konċentrazzjoni fl-Irlanda fejn għandu x’jaqsam l-Għasfur ta’ San Martin(36).

54.      L-identifikazzjoni u d-delimitazzjoni ta’ ŻSP fuq il-bażi ta’ dawn iż-żoni ta’ l-akbar konċentrazzjoni għall-bidu jistgħu jeħtieġu aktar riċerka dwar il-preżenza ta’ l-ispeċi. Kif diġà għidt, dawn in-nuqqasijiet ta’ riċerka madankollu ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni, peress li l-Istat Membru kien imissu wettaq ir-riċerka kollha meħtieġa qabel ma qam l-obbligu ta’ klassifikazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li l-Irlanda stess tammetti li m’għandhiex għarfien suffiċjenti rigward l-Għasfur ta’ San Martin.

55.      Għalhekk, l-obbligi ta’ l-Irlanda fejn għandha x’taqsam il-klassifikazzjoni ta’ aktar ŻSP mhumiex limitati għat-territorji msemmija fl-IBA 2000, imma jistgħu jinkludi anki territorji oħra għal speċi li mhumiex inklużi b’mod suffiċjenti f’dan l-inventarju.

3.      Fuq siti individwali

a)      Cross Lough (Killadoon)

56.      B’mod partikolari, l-Irlanda tiċħad li hija obbligata tikklassifika bħala ŻSP l-IBA Nru. 50 Cross Lough (Killadoon), li testendi fuq żona ta’ madwar ettaru u hija magħmula minn laguna fejn tinsab gżejra. Mill-1937 sa, mill-inqas, l-1995, waqt il-perijodu ta’ inkubazzjoni, il-gżejra ospitat kolonji ta’ Ċirlewwi tax-Xitwa (Sterna sandvicensis), speċi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva Għasafar. Minn xi snin lilhawn, l-ispeċi in kwistjoni m’għadhiex tuża dan it-territorju. L-Irlanda tiddeduċi li mhijiex obbligata tikklassifika t-territorju bħala ŻSP minħabba li ċ-Ċirlewwi tax-Xitwa abbandunawh.

57.      Bla dubju, it-teżi Irlandiża tkun iġġustifikata kieku, mis-6 ta’ April 1981, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-obbligu ta’ klassifikazzjoni, Cross Lough (Killadoon) qatt ma ġie inkluż fost it-territorji l-aktar adattati fejn għandha x’taqsam iċ-Ċirlewwa tax-Xitwa. Madankollu, mill-inventarji IBA 89 u IBA 2000 jidher li, mill-inqas bejn l-1984 u l-1995, Cross Lough (Killadoon), skond il-kriterji ta’ l-inventarji IBA, kien inkluż fost it-territorji l-aktar adattati għall-protezzjoni taċ-Ċirlewwa tax-Xitwa. F’din il-kawża, l-Irlanda mhijiex qed tikkontesta dan il-fatt, għalhekk huwa aċċertat li wara s-6 ta’ April 1981 is-sit kien inkluż fost it-territorji l-aktar adattati għall-protezzjoni taċ-Ċirlewwa tax-Xitwa u li, għaldaqstant, l-Irlanda kellha tikklassifikah bħala ŻSP.

58.      Dan l-obbligu ma jistax neċessarjament jiddekadi jekk bħalissa t-territorju mhuwiex fost l-aktar adattati. Fil-fatt, jekk qabel it-territorju kellu jiġi kklassifikat bħala ŻSP, l-Istat Membru kkonċernat kellu, mill-inqas, jieħu, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar, il-miżuri adatti sabiex jipprevjeni, f’dak it-territorju, it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar li jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi b’kunsiderazzjoni għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu(37).

59.      Għaldaqstant, l-Istat Membru li jonqos milli jikklassifika bħala ŻSP territorju li huwa kellu inkontestabbilment(38) jikklassifika f’data preċedenti jrid juri, jekk ma jikklassifikahx lanqas suċċessivament minħabba li ma jkunx adattat, li dan it-territorju m’għadux adattat indipendentement mill-eventwali miżuri ta’ protezzjoni(39). F’każ kuntrarju, l-Istati Membri jkunu jistgħu, mingħajr ma jiġu ssanzjonati, jonqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jikklassifikaw t-territorji l-aktar adattati bħala ŻSP u li jżommu dawn iż-żoni fi stat li jkompli jkun l-aktar adattat għall-protezzjoni ta’ l-għasafar.

60.      L-Irlanda ma ppreżentatx din il-prova, anzi l-Kummissjoni tipprovdi elementi utli, li lanqas ma ġew ikkontestati, biex tafferma li kien possibbli li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni. Fil-fatt, probabbilment il-mink ta’ l-Amerika (Mustela vison), li qed jiżdied fl-Irlanda, iddistruġġa l-bejtiet taċ-Ċirlewwi tax-Xitwa li jbejtu ma’ l-art, u b’hekk ikkawżat l-abbandun tas-sit. Fil-każ ta’ mill-inqas territorju ieħor din is-sitwazzjoni kienet evitata. Għalhekk irid jitqies illi kieku l-Irlanda ssodisfat l-obbligi li kelha skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva Għasafar fir-rigward ta’ Cross Lough (Killadoon) kieku dan it-territorju għadu jagħmel parti mit-territorji l-aktar adattati għall-protezzjoni taċ-Ċirlewwa tax-Xitwa.

61.      Minkejja dan, ma jagħmilx sens li s-sit jiġi kklassifikat bħala ŻSP jekk mhux possibbli li jintraddulu l-karatteristiċi ta’ territorju l-aktar adattat għall-protezzjoni ta’ l-għasafar. F’dak il-każ, il-klassifikazzjoni bħala ŻSP issir superfluwa. Barra minn hekk, fil-każ ta’ Cross Lough (Killadoon), skond dak li ssostni l-Kummissjoni mingħajr mhija kontradetta, teżisti l-possibbiltà reali li ż-żona terġa’ tiġi ppopolata miċ-Ċirkewwi tax-Xitwa. Din l-ispeċi ta’ spiss tbiddel il-habitats tal-kolonja(40) u tkompli tuża siti ġirien għat-territorju. Għalhekk, b’miżuri adegwati ta’ protezzjoni kontra l-mink, jista’ jkun possibbli li t-territorju jerġa’ jintuża.

62.      Konsegwentement, anki Cross Lough (Killadoon) għandu jiġi kklassifikat bħala ŻSP(41).

b)      Fuq iż-żoni inklużi fiż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary

63.      Barra minn hekk qed tiġi kkontestata d-delimitazzjoni taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary. Il-Kummissjoni tikkontesta lill-Irlanda li ma bbażatx din id-delimitazzjoni esklużivament fuq kriterji ornitoloġiċi, imma li qieset proġetti relatati mal-port ta’ Dublinu fir-rigward ta’ żewġ meded fuq qiegħ imtajjen fiż-żona li tinkesa bl-ilma meta l-marea timla u tinkixef meta tofrogħ.

64.      L-ewwel medda hija magħmula minn 2.2 ettari ta’ sikek ta’ ramel u ta’ żrar fit-tarf oċċidentali ta’ l-estwarju tax-xmara Tolka, inklużi fil-proġett Dublin Port Tunnel. L-Irlanda kklassifikat bħala ŻSP l-estwarju biss ’l isfel mix-xmara taż-żona kkontestata, mill-punt ta’ qsim ix-xmara. Rigward din iż-żona, l-Irlanda ssostni li din tista’ tintuża bħala żona fejn jieklu l-għasafar akwatiċi li għandha tiġi protetta biss għal perijodu relattivament qasir waqt li l-marea tofrogħ. Barra minn hekk, iż-żona tintuża biss minn ftit għasafar. Għalhekk, din mhijiex sinjifikanti għall-finijiet ta’ l-inklużjoni fiż-ŻSP.

65.      Dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva Għasafar fir-rigward tad-delimitazzjoni taż-ŻSP. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li din id-delimitazzjoni trid tkun ibbażata esklużivament fuq kriterji ornitoloġiċi(42). Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, id-delimitazzjoni ta’ territorju ma tistax tkun ibbażata biss fuq eżami wieħed taż-żoni kkontestati fil-każ speċifiku, imma trid tikkunsidra l-fatt li mill-perspettiva ornitoloġika, iż-żona hija integrata fit-territorju kollu. F’każ kuntrarju, ikun possibbli li territorju jinqasam skond kif ikun meħtieġ f’partijiet li jintużaw biss minn parti żgħira tal-popolazzjoni ta’ għasafar. Id-delimitazzjoni hekk motivata, ta’ għadd kbir ta’ partijiet ta’ żoni li waħidhom mhumiex importanti tista’ tikkomprometti serjament jew saħansitra teqred iż-ŻSP kollha mill-perspettiva funzjonali.

66.      Il-medda kkontestata fil-parti oċċidentali ta’ l-estwarju tax-xmara Tolka hija sseparata minn punt ta’ qsim mill-bqija ta’ l-estwarju, li għandu jiġi kklassifikat. Madankollu, il-pont mhux ta’ ostaklu għall-għasafar. Mill-bqija, iż-żona għandha karatteristiċi komuni għat-territorju kollu; dawn huma żoni mtajna li jinksew bl-ilma meta l-marea timla u jinkixfu meta tofrogħ.

67.      Skond l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent (EIA), li ż-żewġ partijiet qed jibbażaw irwieħhom fuqha(43). iż-żona tintuża minn segmenti tal-popolazzjoni kollha taż-ŻSP. Fejn għandha x’taqsam il-Gallina tal-Baħar (Haematopus ostralegus), l-IBA 2000 jindika għall-IBA korrispondenti Nru. 109 Dublin Bay 1,067 eżemplari fl-1995(44). Għall-Gallina tal-Baħar, l-EIA ssemmi għall-Gallina tal-Baħar massimu ta’ 3,787 eżemplari fil-perijodu bejn l-1984 u l-1987. Madankollu, fiż-żmien meta saret l-EIA, diġà kienu għaddew għaxar snin minn fuq din iċ-ċifra, filwaqt li ċ-ċifri ta’ l-IBA 2000 kienu jirreferu għall-1995, jiġifieri kienu aġġornati(45). Għall-perijodu 1995-1996, skond l-EIA, kien hemm 0-8 eżemplari, jiġifieri skond l-IBA 2000 perċentwali ta’ bejn 0 % u 0,8 % tal-popolazzjoni kollha, jiġifieri mhux aktar minn 0,2 % skond l-informazzjoni ta’ l-EIA. Rigward il-Pluverott (Tringa totanus), b’popolazzjoni ta’ 1,900 unità skond l-IBA 2000 u ta’ 1,721 unità skond l-EIA, ġew indentifikati 0-10 eżemplari, jiġifieri perċentwali inqas minn 0.5% tal-popolazzjoni kollha. Rigward il-Gurlin (Numenius arquata), b’popolazzjoni ta’ 1,007 unità skond l-IBA 2000 u ta’ 1,865 unità skond l-EIA, ġew identifikati 0-5 eżemplari, jiġifieri skond is-sors ta’ data, bejn 0,5 % u 0,26 % tal-popolazzjoni kollha. Dawn huma tlieta mill-ispeċi ġodda li huma determinanti għall-klassifikazzjoni bħala IBA ta’ Dublin Bay.

68.      Iż-żona kkontestata hija inqas minn 0,1 % ta’ l-IBA ta’ Dublin Bay (3,000 ettaru). Anki jekk wieħed iqis li ċ-ċifri jikkostitwixxu l-valuri massimi rispettivi u li r-rilevanza statistika ta’ dawn iċ-ċifri mhijiex ċara, l-użu taż-żona minn dawn l-ispeċi xorta jidher li ġie affermat almenu fuq il-livelli medji previsti, jekk mhux saħansitra fuq il-livelli massimi. Għalhekk iż-żona hija parti integrali mit-territorju meqjus fl-intier tiegħu.

69.      Konsegwentement, anki ż-żona kkontesta f’dan il-każ kellha tiġi kklassifikata bħala ŻSP.

70.      It-tieni medda in kwistjoni testendi tul 4.5 ettari, li ġew esklużi suċċessivament mill-proposta ta’ estensjoni taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary. Iż-żona tinstab fit-tarf xlukkajr ta’ l-estwarju tax-xmara Tolka, jiġifieri f’pożizzjoni li tħares fuq il-baħar miftuħ. Qed jiġi previst li f’din iż-żona l-port jiġi estiż billi jimtela. Safejn fir-replika tagħha l-Kummissjoni ssemmi aktar żoni f’din l-erja, l-argument li qed issostni mhux ammissibbli peress li jmur lilhinn mis-suġġett tar-rikors.

71.      Il-Gvern Irlandiż qed isostni li ż-żona kkontestata ma tkunx mgħottija bl-ilma biss waqt perijodu qasir meta l-marea tofrogħ b’mod korrispondenti għall-marej tar-Rebbiegħa, jiġifieri bejn wieħed u ieħor kull 14-il jum, u matul il-bqija taż-żmien ma tkunx tista’ tintuża mill-għasafar akwatiċi. Għalhekk, din iż-żona qatt ma kellha valur ornitoloġiku suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata u ġiet inkluża fil-proposta ta’ estensjoni biss bi żball.

72.      Il-Kummissjoni twieġeb għal dawn l-argumenti, mingħajr mhija kontradetta, billi turi dokument li, fuq il-bażi ta’ EIA għall-proġett ta’ mili, jipprovdi li dawn iż-żoni jiġu inklużi fiż-ŻSP. Jidher li diversi speċi jużaw, b’mod li jaqbeż il-medja, it-territorju li b’mod eċċezzjonali ma jkunx miksi bl-ilma. Barra minn hekk, mill-inqas f’ċerti partijiet minn dawn iż-żoni jkun hemm perijodi meta ma jkunux miksija bl-ilma f’każ ta’ fenomeni inqas estremi ta’ marea, tant li jistgħu jintużaw mill-għasafar. Fl-aħħarnett, iż-żona ma tintużax biss mill-għasafar akwatiċi, imma anki, pereżempju, minn Ċirlewwi, li m’għandhomx bżonn ta’ żoni mhux miksija bl-ilma.

73.      It-teżi tal-Kummissjoni hija aktar konvinċenti anki fejn għandha x’taqsam din iż-żona. B’mod ċar jidher li s-sit huwa parti mill-estwarju u hwua inkontestabbilment użat bħala habitat fejn jieklu l-ispeċi ta’ għasafar rilevanti. Anki jekk dan is-sit ma jintużax ta’ kuljum, jintuża b’ċertu regolarità. Il-fatt li hija rreġistrata l-preżenza ta’ għasafar fi kwantità akbar mill-medja xxaqleb favur il-fatt li din iż-żona toffri possibbiltajiet ta’ ikel pjuttost kbar. Dan huwa loġiku, peress li dawn ir-riżorsi alimentari rari huma aċċessibli biss għall-għasafar. Għalhekk huwa probabbli li din iż-żona tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għad-disponibbiltà globali ta’ l-ammont ta’ ikel offrut mit-territorju.

74.      Għalhekk, anki f’din il-medda, id-delimitazzjoni taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva Għasafar.

75.      Mill-bqija, għandu jiġi rilevat li l-inklużjoni ta’ dawn iż-żoni fiż-ŻSP mhux bilfors tmur kontra l-proġetti rispettivi. Anzi, fl-ambitu ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tal-proġett skond l-Artikolu 6(3) u (4) flimkien ma’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat, wieħed jista’ jqis kemm ir-rilevanza ornitoloġika taż-żoni kkonċernati, kif ukoll l-interess għall-proġetti in kwistjoni. Fin-nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ żoni suġġetti għall-obbligu ta’ klassifikazzjoni, minflok dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġ li tiġi applikata d-dispożizzjoni aktar rigoruża ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar(46), li tirrappreżenta ostaklu għall-proġetti dannużi li ma jistax jingħeleb faċilment.

4.      Konklużjoni intermedja

76.      Għaldaqstant ir-Repubblika ta’ l-Irlanda, peress illi ma kklassifikatx, mis-6 ta’ April 1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, it-territorji kollha l-aktar adattati fin-numru u daqs għall-ispeċi elenkati fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji li jirritornaw regolarment, b’mod partikolari peress li ma kklassifikatx it-territorju Cross Lough (Killadoon) u ma inkludietx żewġ żoni ta’ l-estwarju tax-xmara Toka fiż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary, kisret din id-direttiva.

B –    Dwar it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar

77.      Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar(47) jimponi lill-Istati Membri jikkonferixxu liż-ŻSP status legali ta’ protezzjoni li jista’ jassigura, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I ta’ l-istess Direttiva, kif ukoll ir-riproduzzjoni, it-tbiddil u ż-żoni fejn iqattgħu x-xitwa ta’ l-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I(48). Il-protezzjoni taż-ŻSP m’għandhiex tkun limitata, b’mod partikolari, sabiex jiġu evitati d-danni kkważati mill-bniedem, imma trid tinkludi wkoll, abbażi tas-sitwazzjoni ta’ fatt, miżuri pożittivi għall-konservazzjoni jew għat-titjib ta’ l-istat tat-territorju(49).

78.      Il-partijiet jidhru li qed jaqblu dwar il-fatt li dispożizzjoni tad-dritt Irlandiż, ir-Regulation 13 ta’ l-iStatutory Instruments Nru 94/1997, European Communities (Natural Habitats) Regulations, ta’ l-1997 (iktar ’il quddiem: ir-“Regulations 1997”), tittrasponi b’mod suffiċjenti l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, kieku din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għaż-ŻSP.

79.      Madankollu, il-Kummissjoni tiddubita li din l-applikazzjoni hija ggarantita. Ir-Regulation 13 hija applikabbli biss għaż-żoni protetti skond id-Direttiva Habitat. Għal din l-osservazzjoni l-Gvern Irlandiż jirrispondi li dispożizzjoni oħra tipprovdi l-applikazzjoni tar-Regulation 13 għaż-ŻSP. Skond ir-Regulation 34, ir-Regulation 13, fost l-oħrajn, għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, anki għat-territorji kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, fejn xieraq(50).

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi jekk u f’liema forma r-Regulation 13 hija applikabbli għaż-ŻSP bis-saħħa tar-Regulation 34. Din hija kwistjoni tad-dritt Irlandiż li għandha tiġi solvuta definittivament mill-qrati Irlandiżi. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taċċerta jekk il-Kummissjoni ppruvatx l-ilment li r-Regulation 34 ma tiggarantix l-applikazzjoni tar-Regulation 13 għaż-ŻSP. F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tqajjem dubji fondati dwar traspożizzjoni korretta. Fil-fatt, it-traspożizzjoni għandha tiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż(51). Għall-finijiet tad-Direttiva Għasafar, l-akkuratezza tat-traspożizzjoni hija partikolarment importanti peress li l-Istati Membri huma fdati bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-patrimonju komuni tat-territorju tagħhom(52).

81.      Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma jirnexxiliex tqajjem dubji fondati.

82.      Il-Kummissjoni tosserva li r-Regulations 1997 – kif stabbilit fl-introduzzjoni tagħhom – ġew espressament adottati biss għat-traspożizzjoni tad-Direttiva Habitat, u mhux għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Għasafar. Madankollu, ir-raġuni għaliex dan għandu jimpedixxi lil-leġiżlatur Irlandiż milli jittrasponi xorta waħda anki d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Għasafar mhijiex ċara. F’dan ir-rigward mhux rilevanti wkoll li l-miżuri mitluba mill-Kummissjoni għaż-ŻSP huma parzjalment irregolati mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva Habitat, li mhux applikabbli għaż-ŻSP. Jekk miżuri korrispondenti, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, għandhom jiġu applikati anki għaż-ŻSP, huwa evidenti li xejn ma jwaqqaf lil-leġiżlatur nazzjonali milli jadotta dispożizzjoni waħda ta’ traspożizzjoni tar-regoli taż-żewġ Direttivi. Fil-limiti safejn il-Kummissjoni tibbaża d-dubji tagħha fuq il-bażi ġuridika tar-Regulations 1997, l-ilment ma jirriżultax suffiċjentement sostanzjat.

83.      Id-dubji dwar traspożizzjoni suffiċjenti jistgħu l-iktar jiġu korrelati mat-test tar-Regulation 34; id-dispożizzjonijiet iċċitati hemmhekk għandhom jiġu applikati għaż-ŻSP biss mutatis mutandis (“with any necessary modifications “) u fejn ikun xieraq (“where appropriate”). Il-Kummissjoni tindika li hawnhekk tara riżervi inkompatibbli ma’ traspożizzjoni inkondizzjonata u vinkolanti. Madankollu huwa aktar loġiku li wieħed jara f’dawn il-formulazzjonijiet ordni li ssir l-applikazzjoni relativa.

84.      Barra minn hekk, mill-paragun ta’ dawn il-formulazzjonijiet mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu trasposti, jiġifieri l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, jirriżulta li lanqas dawn ta’ l-aħħar ma jirregolaw b’mod ċar u inkondizzjonat il-mument li fih għandhom jittieħdu miżuri pożittivi, per eżempju meta għandhom jridu jiġu elaborati pjanijiet ta’ tmexxija. Dawn sempliċement jagħmlu parti mill-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa li għandhom jiġu stabbiliti bi preċiżjoni.(53) Il-kwistjoni jekk u sa liema punt għandhom jittieħdu miżuri pożittivi tista’ tiġi solvuta biss fuq il-bażi tas-sitwazzjoni effettiva tat-territorju; fi kliem ieħor, il-miżuri għandhom ikunu adattati u jvarjaw konsegwentement. L-espressjonijiet “with any necessary modifications” u “where appropriate” ma jfissru xejn aktar minn hekk.

85.      Għaldaqstant l-ilment relatat tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

C –    Dwar it-traspożizzjoni ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar fir-rigward ta’ ŻSP li ma ġewx ikklassifikati

86.      Il-Kummissjoni tikkontesta lill-Irlanda li ma ttrasponietx l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar fejn għandhom x’jaqsmu territorji li ma ġewx ikklassfikati bħala ŻSP, meta fil-fatt kellhom ikunu kklassifikati bħala tali. Din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej:

“Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu.”

87.      Dan l-obbligu ma jeżistix biss għaż-ŻSP ikklassifikati, imma anki għat-territorji li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻSP, li però kellhom jiġu kklassifikati bħala tali(54). Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ l-istess Direttiva jissostitwixxu l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva – jiġifieri minn Ġunju 1994(55) – jew mid-data tal-klassifikazzjoni tat-territorju in kwistjoni bħala ŻSP jew ta’ rikonoxximent min-naħa ta’ Stat Membru skond id-Direttiva Għasafar, meta din tkun aktar tard. Fis-sentenza Basses Corbières, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻSP filwaqt li kien imisshom ġew ikklassifikati bħala tali jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar(56).

88.      Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn huwa sorprendenti li qed tinħtieġ it-traspożizzjoni ta’ regola li tista’ tiġi dedotta mit-termini tad-dispożizzjoni li għandha tiġi trasposta biss indirettament, permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għanijiet tad-direttiva. Minkejja dan, skond din il-ġurisprudenza, jeżisti obbligu ta’ protezzjoni rigward iż-żoni li ma ġewx ikklassifikati li, però, kellhom jiġu kklassifikati bħala tali. Għaldaqstant, dan irid jiġi traspost, anki biss fl-interess taċ-ċertezza legali, li għandha importanza partikolari preċiżament fil-kuntest tad-Direttiva Għasafar(57).

89.      Barra minn hekk it-traspożizzjoni hija meħtieġa anki biex jiġi invokat l-obbligu ta’ protezzjoni ta’ l-individwi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni, direttiva minnha nfisha ma tistax toħloq obbligi fil-konfront ta’ l-individwi(58). Skond l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, is-Supreme Court Irlandiża anzi ddikjarat, almenu f’każ wieħed, li l-istess entitajiet territorjali mhumiex marbuta bid-Direttiva Għasafar(59).

90.      Rigward dan l-ilment il-Gvern Irlandiż jesprimi ruħu biss fir-rigward ta’ ċerti affermazzjonijiet spjegattivi tal-Kummissjoni, imma essenzjalment ma jikkontradixxihiex. Dawn l-affermazzjonijiet b’għan esplikattiv tal-Kummissjoni mhumiex suffiċjentement fondati biex fihom jiġu identifikati motivi għal rikors li għandhom jiġu eżaminati b’mod awtonomu. Għalhekk, dawn jikkostitwixxu biss argumenti li mhemmx għalfejn jiġu approfonditi aktar peress li l-Irlanda ma ttrasponietx l-obbligu ta’ protezzjoni in kwistjoni permezz ta’ regoli vinkolanti.

91.      Għaldaqstant, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tiggarantixxi, mis-6 ta’ April 1981, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar għal territorji, li minkejja li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻSP skond dik id-Direttiva, ma ġewx ikklassifikati bħala tali.

D –    Fuq it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar

92.      Il-Kummissjoni tikkontesta barra minn hekk lill-Irlanda li ma ttrasponietx u lanqas ma applikat b’mod korrett fil-prattika t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar. Din id-dispożizzjoni tipprovdi hekk:

“Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats.”

93.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, jekk min-naħa l-waħda l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar jipprovdi b’mod obbligatorju l-klassifikazzjoni ta’ ŻSP fejn għandhom x’jaqsmu l-għasafar elenkati fl-Anness I, min-naħa l-oħra jippresupponi anki l-applikazzjoni ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni oħra għal dawn l-għasafar. Fil-fatt, ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment ŻSP, filwaqt li l-ewwel paragrafu ta’ l-istess dispożizzjoni jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni irrispettivament mill-klassifikazzjoni.

94.      Għaldaqstant, l-isforz mitlub mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar irid jinkludi, għall-għasafar elenkati fl-Anness I, dawn il-miżuri speċjali ta’ konservazzjoni irrispettivament mit-territorju ta’ referenza. Skond l-Artikolu 4(2), iridu jittieħdu miżuri simili għall-għasafar migratorji li jirritornaw regolarment.

95.      It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar mhix limitata għall-habitats ta’ l-għasafar elenkati fl-Anness I u ta’ l-għasafar migratorji, imma ssemmi l-protezzjoni tal-habitats bla ebda limitu għal speċi partikolari. Madankollu, minħabba l-inklużjoni sistematika tagħha fl-Artikolu 4, għandu jiġi konkluż li din tikkonċerna biss l-ispeċi msemmija hemmhekk, jiġifieri l-ispeċi elenkati fl-Anness I u l-għasafar migratorji li jirritornaw regolarment. Fuq kollox, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jipproteġu l-ispeċi l-oħra skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva Għasafar(60).

1.      Fuq it-traspożizzjoni fid-dritt

96.      It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar ma timponix b’mod perentorju li jiġu garantiti riżultati partikolari; madankollu l-Istati Membri għandhom jimpenjaw irwieħhom serjament biex jipproteġu l-habitats barra miż-ŻSP. Fil-fatt, it-terminu “għandhom jistinkaw” jimplika l-adozzjoni tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi.

97.      Dan l-għan m’għandux jitqies biss fuq livell ġenerali, imma anki għall-miżuri individwali(61). Sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu informati dwar dan fuq il-livelli kollha fl-attivitajiet relatati, b’mod partikolari fl-ambitu tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, imma mhux biss, l-għan in kwistjoni għandu jkun stabbilit b’mod suffiċjentement ċar fid-dritt nazzjonali.

98.      Il-Gvern Irlandiż ma jinvoka ebda dispożizzjoni li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

99.      Wieħed ma jistax jara kif ir-regoli li jirreferi għalihom b’mod ġenerali l-Gvern Irlandiż dwar il-prevenzjoni integrata tat-tniġġis jittrasponu t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar. L-ewwelnett, dawn huma bbażati fuq direttiva oħra, li għandha għanijiet oħra(62). Barra minn hekk – kif issostni l-Kummissjoni – dawn ir-regoli japplikaw biss għal kategorija limitata ta’ proġetti. Dawn ma jinkludux ħafna fenomeni potenzjali ta’ tniġġis u ta’ deterjorazzjoni tal-habitats ta’ l-għasafar.

100. Il-Gvern Irlandiż barra minn hekk isostni li dik li tissejjaħ “cross compliance” (kundizzjonalità) skond ir-Regolament Nru 1782/2003(63), tikkontribwixxi, fir-rigward tas-settur agrikolu, biex tkun osservata t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar. Fil-fatt, skond l-Artikolu 4 u l-Anness III ta’ dan ir-Regolament, din id-dispożizzjoni tagħmel parti mir-rekwiżiti fundamentali għall-funzjonament ta’ l-impriżi agrikoli li jrid jissodisfa l-benefiċjarju ta’ għajnuniet diretti.

101. Peress li dawn ir-rekwiżiti ilhom jiġu applikati biss mill-1 ta’ Jannar 2005, jiġifieri minn data ferm wara l-iskadenza tat-terminu rilevanti għall-eżami ta’ l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni, dawn ma jistgħux jinvalidawhom. Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament, id-dispożizzjonijiet tad-direttivi għandhom jiġu osservati biss fil-verżjoni trasposta mill-Istati Membri, għalhekk b’din ir-referenza, żbalji eventwali fit-traspożizzjoni mhumiex imnaqqsa, imma huma inklużi b’mod sħiħ.

102. Fejn il-Gvern Irlandiż jirreferi għal rekwiżiti minimi ddefiniti fuq livell nazzjonali għall-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin pprovduti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru. 1783/2003, għandu jiġi rrilevat anki f’dan il-każ li fid-data speċifika f’dan il-każ dawn ir-rekwiżiti kienu għadhom ma ġewx stabbiliti; anzi jidher li sal-lum għadhom ma jeżistux. Għaldaqstant, anki dan l-argument huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri

103. Inqas u inqas huwa ċar il-mod li bih ir-Rural Environment Protection Scheme, programm Irlandiż għall-promozzjoni ta’ l-agrikoltura bijoloġika, u l-Farm Waste Management Scheme, programm ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart agrikolu, jittrasponu t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar. Ċertament iż-żewġ programmi jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq il-konservazzjoni tal-habitats ta’ l-għasafar, madankollu ma jikkostitwixxux traspożizzjoni legali.

104. Fl-aħħarnett, il-Gvern Irlandiż jirreferi b’mod ġenerali għall-Wildlife Act 1976, li ppreżenta huwa stess, imma fil-prattika semma biss dispożizzjoni waħda, jiġifieri s-Section 11(1), fil-proċedura prekontenzjuża. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li huwa l-Ministru li għandu jassigura l-konservazzjoni tan-natura (Wildlife). Madankollu, din mhijiex suffiċjentement konkreta biex tiggarantixxi l-osservanza tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar.

105. Għalhekk, l-Irlanda naqset milli tittrasponi fid-dritt nazzjonali, b’mod komplet u korrett, ir-rekwiżiti tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar.

2.      Fuq l-applikazzjoni prattika

106. Il-Kummissjoni ma tillimitax dan il-motiv ta’ rikors għat-traspożizzjoni fid-dritt tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar, imma tikkontesta wkoll li l-Irlanda applikat din is-sentenza fil-prattika b’mod insuffiċjenti. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha partikolarment fuq studju li sar mill-organizzazzjoni Irlandiża għall-protezzjoni ta’ l-għasafar Birdwatch Ireland u mir-Royal Society for the Protection of Birds Brittanika(64). Skond dan l-istudju, hemm raġuni biex wieħed jinkwieta għal diversi speċi ta’ distribuzzjoni wiesgħa, li qed ibatu minħabba l-prattiċi agrikoli modifikati. Fost l-għasafar migratorji, il-Kummissjoni ssemmi d-Daqquqa Kaħla (Cuculus canorus), lill-Ħuttafa (Hirundo rustica) u lill-Ħawwiefa tax-Xtut (Riparia riparia) flimkien ma’ l-Alwetta (Alauda arvensis), li l-popolazzjonijiet tat-Tramuntana tagħhom xi drabi jgħaddu x-Xitwa tul ċerti perijodi fl-Irlanda. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal rapport ta’ l-entità Irlandiża Environmental Protection Agency ta’ l-2004, li jattribwixxi d-deterjorazzjoni tal-habitats lil ħafna tibdiliet.

107. Huwa veru li l-Irlanda ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti iżda xorta waħda għandu għandu jiġi rrilevat li, skond BirdLife International, il-Ħawwiefa tax-Xtut qed tiżdied fl-Irlanda(65).

108. Mit-tnaqqis fil-preżenzi ta’ l-għasafar u mid-deterjorazzjoni tal-habitats il-Kummissjoni tiddeduċi li l-Irlanda ma ppruvatx b’mod suffiċjenti tipprevjeni l-fenomeni ta’ tniġġis jew ta’ deterjorazzjoni tal-habitats. Dan l-ilment huwa ferm ambizzjuż. Jekk it-teżi tal-Kummissjoni turi ksur tad-dritt Komunitarja min-naħa ta’ l-Irlanda, l-istess ilment ikun rilevanti anki fil-konfront ta’ bosta Stati Membri oħra, fejn huwa possibbli li jiġu aċċertati żviluppi simili(66).

109. L-obbligu skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar li l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitas ma jfissirx li d-dannu li għandu jiġi evitat irid jiġi impedit. Dan mhuwiex obbligu ta’ riżultat, imma obbligu ta’ mezz, anzi preċiżament obbligu ta’ impenn.

110. Fir-rigward ta’ l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni wieħed jiddeduċi li t-telf jew id-deterjorazzjoni ta’ habitats ma jistgħux jippruvaw b’mod determinanti l-ksur ta’ l-obbligu li l-Istati Membri għandhom li jistinkaw biex jevitaw fenomeni ta’ tniġġis u ta’ deterjorazzjoni. Minkejja dan, dawn huma ħjiel li jġiegħel lil wieħed jaħseb li l-Irlanda ma impenjatx ruħha jew ma impenjatx ruħha b’mod suffiċjenti. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija l-Irlanda li għandha turi li ppruvat b’mod suffiċjenti, minkejja kollox, tevita dawn id-danni(67).

111. Biex jintwera impenn suffiċjenti mhux biżżejjed li tittieħed xi miżura. Impenn serju biex jittieħdu l-miżuri kollha raġonevoli sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq jeħtieġ azzjoni orjentata lejn l-għanijiet. Il-qafas ta’ evalwazzjoni tal-kriterju ta’ raġonevolezza joħroġ mill-Artikolu 2 tad-Direttiva Għasafar, skond liema Artikolu l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar Ewropej kollha fil-livell li jikorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell.

112. Minn dan jirriżulta li l-miżuri fil-kuntest ta’ l-impenn skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar għandhom jiġu elaborati – skond kriterji ornitoloġiċi – b’mod li jinħolqu jew jinżammu - flimkien mal-miżuri l-oħra mitluba mid-Direttiva – l-ispeċi kkonċernati fl-istat mitlub mill-Artikolu 2. Fit-twettiq ta’ l-evalwazzjoni skond l-Artikolu 2, għandhom jitqiesu sa liema estent u fl-liema sitwazzjoni l-ispeċi għandhom jirrikorru għall-habitats kif ukoll ta’ kif il-konservazzjoni tagħhom tirrelata mar-rekwiżiti l-oħra ta’ l-Artikolu 2.

113. F’dan il-każ, l-Irlanda tiddokumenta l-isforzi li saru s’issa għall-konservazzjoni tal-habitats, partikolarment, permezz ta’ prassi amministrattivi fir-rigward ta’ prevenzjoni integrata tat-tniġġis kif ukoll permezz ta’ programmi għall-promozzjoni tal-protezzjoni ambjentali fl-agrikoltura u għall-immaniġġjar ta’ l-iskart agrikolu.

114. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li għall-inqas il-programm għall-promozzjoni tal-protezzjoni ambjentali fl-agrikoltura huwa ta’ benefiċċju għall-għasafar. Minkejja li mhumiex orjentati espressament lejn kriterji ornitoloġiċi, anki l-miżuri l-oħra jistgħu jikkontribwixxu indirettament għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.

115. Madankollu, l-Irlanda ma ppruvatx li l-isforzi li saru kienu intiżi sabiex jintlaħaq xi għan ibbażat fuq kriterji ornitoloġiċi skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva Għasafar. L-argument ta’ l-Irlanda jidher aktar bħala lista ftit jew wisq arbitarja ta’ miżuri ambjentali, li b’mod jew b’ieħor jiffavorixxu anki l-konservazzjoni ta’ popolazzjonijiet ta’ għasafar. B’dan il-mod, madankollu, ma jistax jintwera li l-Irlanda effettivament għamlet sforzi suffiċjenti skond it-termini tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar.

116. Għaldaqstant, l-Irlanda naqset milli tapplika b’mod sħiħ u korrett ir-rekwiżiti tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar.

E –    Fuq it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat

117. Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat, l-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ l-istess direttiva jissostitwixxi d-dispożizzjoni ta’ protezzjoni ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar mid-data ta’ klassifikazzjoni ta’ ŻSP. L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.”

118. Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat b’żewġ modi. Min-naħa l-waħda, b’mod ġenerali mhemmx traspożizzjoni suffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitas, u min-naħa l-oħra, mhix assigurata protezzjoni taż-ŻSP konta atti dannużi min-naħa ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-attivitajiet rikreattivi. Bħala eżempju tan-nuqqasijiet prattiċi tad-dritt Irlandiż, il-Kummissjoni ssemmi każ ta’ ħsad ta’ molluski mhux awtorizzat fiż-ŻSP Bannow Bay.

1.      Fuq it-traspożizzjoni ġenerali

119. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat hija sostanzjalment trasposta mir-Regulation 14 tar-Regulations 1997.

120. Ir-Regulation 14 tipprovdi li ċerti attivitajiet jistgħu jitwettqu biss b’awtorizzazzjoni tal-Ministru jew fuq il-bażi ta’ pjan ta’ tmexxija. It-tip ta’ attività jirriżulta minn komunikazzjoni ppubblikata, skond ir-Regulation 4(2), fil-mument ta’ l-għażla tat-territorju rispettiv. Skond ir-Regulations 15 u 16, l-awtorizzazzjoni tal-Ministru tingħata biss skond il-kundizzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat. Din it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) hija kkompletata bir-Regulations 27-32 li jipprovdu espressament il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti proġetti.

121. B’dawn il-premessi, il-Kummissjoni tqis manifestament li fl-Irlanda l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat huwa traspost primarjament permezz tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni pprovduti fl-Artikolu 6(3) u (4).

122. Peress li ż-ŻSP inqas reċenti ma ġewx ikklassifikati skond ir-Regulations 1997, dawn ma jinkludux il-komunikazzjonijiet relattivi li fihom jissemmew l-attivitajiet li jistgħu jitwettqu biss skond l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat. Il-Kummissjoni tikkontesta lill-Irlanda li, fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet, id-dritt Irlandiż huwa nieqes minn strumenti ġuridiċi li jistgħu jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa ta’ l-Artikolu 6(2).

123. L-Irlanda tirribatti li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat huwa traspost anki permezz tar-Regulation 13(3), li tirriproduċi kważi kelma b’kelma l-Artikolu 6(2), ħlief li, minflok f’idejn l-Istati Membri, il-kompitu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa huwa fdat lill-Ministru.

124. Il-Kummissjoni tenfasizza ġustament id-dubji kemm ir-Regulation 13(3) tikkostitwixxi bażi għal miżuri konkreti ta’ konservazzjoni. Fil-fatt, minbarra r-Regulation 13(3), jeżistu numru ta’ bażijiet ġuridiċi konkreti li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi minn numru ta’ kundizzjonijiet ferm preċiżi. Għalhekk, jidher aktar loġiku li tiġi identifikata fir-Regulation 13(3), sempliċi attribuzzjoni ta’ funzjoni, filwaqt li l-mezzi sabiex titwettaq din il-funzjoni huma stabbiliti x’imkien ieħor.

125. L-uniċi mezzi viżibbli sabiex titwettaq din il-funzjoni, fejn ma jiġux applikati l-mekkaniżmi ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat huma r-Regulations 17 u 18. Irrispettivament mill-komunikazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jattribwixxu lill-Ministru l-possibbiltà li fuq l-inizjattiva tiegħu jordna l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjoni fuq l-ambjent ta’ l-attivitajiet kollha. Jekk fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent, il-Ministru jqis li l-integrità tas-sit in kwistjoni hija effettwata ħażin, huwa għandu jressaq il-kwistjoni quddiem qorti kompetenti sabiex tipprojbixxi li jitkomplew l-attivitajiet ikkonċernati.

126. Kif jjirriżulta mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat, il-protezzjoni tas-sit għandha l-għan li tippermetti t-twettiq ta’ attivitajiet biss jekk jiġi aċċertat li dawn ma jkollhomx impatt sinjifikattiv fuq dan is-sit. Il-protezzjoni skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat ma tistax tkun inqas minn dan l-istandard peress li, f’każ kuntrarju, jkun hemm biża’ li ż-ŻSP tkun affetwata ħażin(68).

127. Ir-Regulations 17 u 18 ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. Dawn jistgħu jaħdmu biss jekk l-attività kkonċernata tkun diġà nbdiet u, allura, jekk diġà jkunu saru danni eventwali. Barra minn hekk, iż-żewġ kompetenzi jippresupponu t-twettiq ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent qabel ma tista’ tintalab projbizzjoni ġudizzjarja. Dawn il-fażijiet proċedurali jistgħu jnaqqsu b’mod kunsiderevoli l-protezzjoni reattiva ta’ ŻSP.

128. Il-limitazzjonijiet tad-dritt Irlandiż mhumiex iġġustifikati lanqas mill-protezzjoni ta’ l-individwi peress li fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sit, b’mod prekawzjonali, dawn ta’ l-aħħar m’għandhomx jitħallew iwettqu attivitajiet potenzjalment dannużi, għaldaqstant fil-prinċipju l-individwi jistgħu jaġixxu biss jekk jiġu esklużi danni lit-territorju.

129. Rigward il-fatt li l-Irlanda tirreferi għal dispożizzjonijiet tal-Foreshore Act, dawn ma’ jistgħux jiggarantixxu, indipendentement mill-kontenut tagħhom, traspożizzjoni sħiħa ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat peress li huma applikabbli biss għal siti littorali. Anki fejn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jipproteġu l-flora u l-fawna f’dak il-kuntest, l-Irlanda lanqas ma spjegat b’ liema mod id-dispożizzjonijiet in kwistjoni jiggarantixxu l-effikaċja ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat.

130. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ l-attivitajiet suġġetti għal awtorizzazzjoni, mhemm l-ebda mezz ġuridiku li jista’ jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat.

131. Għalhekk, l-Irlanda naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat fir-rigward taż-ŻSP ikklassifikati skond id-Direttiva Għasafar qabel l-adozzjoni fl-1997, ta’ l-iStatutory Instruments Nru 94/1997, European Communities (Natural Habitats) Regulations.

2.      Fuq atti dannużi min-naħa ta’ partijiet terzi

132. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li r-regoli Irlandiżi fir-rigward tal-protezzjoni, ibbażati fuq il-komunikazzjonijiet, jikkonċernaw b’mod prekawzjonali biss il-proprjetarji ta’ l-artijiet. Fir-rigward ta’ l-interventi ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-attivitajiet rikreattivi, teżisti biss il-possibbiltà ta’ miżuri reattivi, kif tipprovdi b’mod speċjali r- Regulation 17.

133. Il-Gvern Irlandiż jirribatti li l-projbizzjoni li jitwettqu mingħajr awtorizzazzjoni attivitajiet li fir-rigward tagħhom ġie kkomunikat l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni ma tikkonċernax biss il-proprjetarji ta’ l-artijiet, imma tapplika lil kulħadd. Dan li ntqal jirriżulta mir-Regulation 14(3). Madankollu l-Kummissjoni tiddubbita jekk il-komunikazzjonijiet jistgħux jiġu invokati fil-konfront ta’ partijiet terzi li mhumiex informati. F’dan ir-rigward tirreferi partikolarment għall-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege.

134. L-argument tal-Gvern Irlandiż mhux konvinċenti. Anki li kieku l-penali li tinstab fir-Regulation 14(3) tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ legalità, tqum il-kwistjoni jekk il-partijiet terzi jistgħux isostnu sabiex jiddefendu ruħhom li ma kinux jafu dwar il-komunikazzjoni. Fil-fatt, ir-Regulation 14(3) tipprovdi li r-reat jippresupponi n-nuqqas ta’ skuża raġonevoli (“reasonable excuse”). In-nuqqas ta’ għarfien dwar komunikazzjonijiet mhux ippubblikati jista’ jikkostitwixxi skuża f’dan is-sens. Għalhekk, it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat hija għall-inqas vaga wisq.

135. Rigward ir-raġunijiet li ssemmew iktar ’il fuq, il-possibbiltà ta’ miżuri reattivi skond ir-Regulation 17 jew 18 tikkostitwixxi traspożizzjoni suffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat, peress li dawn il-miżuri jipproduċi effetti biss a posteriori u wisq probabbli b’ċertu dewmien.

136. Rigward il-Wildlife Act, li l-Gvern Irlandiż jirreferi għaliha, il-projbizzjonijijiet ipprovduti fiha jittrasponu biss il-protezzjoni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva Habitat u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva Għasafar. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(2) jimponi protezzjoni tal-habitats aktar wiesgħa, irrispettivament mill-preżenza effettiva ta’ l-ispeċi protetti. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) ma jikkonċernax biss speċi suġġetti għal protezzjoni.

137. Fl-aħħarnett, il-Gvern Irlandiż jirreferi għar-regoli li jikkonċernaw it-“trespassing” (dħul f’art ħaddieħor mingħajr permess), skond liema tiġi kkastigata mġiba marbuta ma’ l-aċċess f’artijiet ħaddieħor. Madankollu, l-ebda mġiba m’hija espressament marbuta mad-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u ta’ l-ispeċi kif ukoll mat-tfixkil ta’ l-ispeċi. Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li dawn il-każi jistgħu jiġu inklużi, skond id-dritt Irlandiż, fil-kuntest legali ta’ reat relatat mat-“trespassing”; madankollu, it-traspożizzjoni tad-Direttiva Habitat trid iseħħ b’mod daqshekk ċar u preċiż li l-individwi u l-awtoritajiet Statali jkunu jistgħu jirrikonoxxu l-obbligi tagħhom b’mod inekwivokabbli(69). Ir-regoli rigward it-“trespassing” ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit.

138. Għaldaqstant, l-Irlanda naqset milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat fir-rigward ta’ l-atti dannużi mwettqa fiż-ŻSP kollha li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minn persuni li mhumiex proprjetarji taż-żoni kkonċernati.

3.      Fuq il-fatti li seħħew fiż-ŻSP Bannow Bay

139. Rigward iż-ŻSP Bannow Bay, il-Kummissjoni ssostni li kkuntatjat lill-Gvern Irlandiż, fix-Xitwa ta’ l-1997-1998, wara lment minħabba ħsad ta’ molluski bi strumenti mekkaniċi. Il-Gvern Irlandiż ikkomunika lill-Kummissjoni li l-projbizzjoni ta’ din l-attività tippresupponi konsultazzjoni pubblika vasta F’komunikazzjonijiet suċċessivi l-Gvern Irlandiż madankollu sostna li l-awtoritajiet kompetenti intervenew immedjatament u li l-ħsad tal-molluski kien intemm fi żmien 24 siegħa.

140. Mhux ċar liema lment il-Kummissjoni tqajjem dwar dan il-punt. Għalhekk jeħtieġ li jitqies li l-Kummissjoni semmiet dawn il-fatti biss bħala spjegazzjoni, u għaldaqstant mhumiex is-suġġett tar-rikors.

141. Jekk il-Kummissjoni biħsiebha tikkontesta lill-Irlanda applikazzjoni prattika insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat, mill-inqas trid tressaq provi, pereżempju xhieda, sabiex ikunu esposti l-fatti. Il-pożizzjoni li l-Gvern Irlandiż kien ħa oriġinarjament, li ma tantx hija ċara rigward kemm dam il-ħsad tal-molluski, hekk jew b’hekk ma tikkostitwix prova suffiċjenti meta titqies il-preċiżazzjoni suċċessiva. Għalhekk, l-ilment relatat irid jiġi miċħud minħabba li mhemmx provi suffiċjenti.

F –    Fuq it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat

142. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat, il-Kummissjoni ssostni li fil-kuntest tat-traspożizzjoni l-pjanijiet ma tqisux b’mod suffiċjenti u l-prassi amministrattiva għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti ta’ akwakultura ma tissodisfax dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkontesta l-miżuri ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma li jikkonċernaw iż-ŻSP Glen Lake.

143. Safejn hu rilevanti f’din il-kawża l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat jipprovdi dan li ġej:

“3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.       Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jassigura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[...]”

1.      Fuq il-previżjoni ta’ pjanijiet

144. Il-Kummissjoni ssostni li fid-Dritt Irlandiż mhumiex ikkontemplati pjanijiet. Il-Gvern Irlandiż minflok iqis li kull proġett individwali jgħaddi mill-proċedura li tissemma fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat irrispettivament mill-pjanijiet. Għaldaqstant mhemmx għalfejn li anki l-pjanijiet jiġu suġġetti għal dawn ir-rekwiżiti.

145. Safejn il-Kummissjoni – għall-ewwel darba, fuq l-inizjattiva tagħha stess – fl-introduzzjoni għar-rikors issostni, b’referenza għal proġetti ta’ ri-afforestazzjoni, li mhux il-proġetti kollha jgħaddu mill-proċedura pprovduta fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat, din tikkostitwixxi, bħala raġuni awtonoma, estensjoni inammissibbli tas-suġġett tal-proċeduri. Bil-kontra, bħala argument intiż sabiex jikkontradixxi dak li s-sostni l-Irlanda, dan m’għandux ikun is-suġġett ta’ eżami peress li l-ħtieġa li jkunu previsti pjanijiet fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4), toħroġ diġà mir-raġunjiet li se jiġu esposti iktar ’il quddiem.

146. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat, b’referenza għar-Renju Unit, li l-pjanijiet għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat anki f’każ li l-proġetti suċċessivi speċifiċi jiġu suġġetti għal din il-proċedura. Il-kundizzjoni għal dan il-għan hija li jkun hemm probabbiltà jew riskju li l-pjanijiet jaffettwaw ħażin is-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Meta jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jistax jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jaffettwa ħażin is-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Dan iseħħ jekk il-pjanijiet jipprevedu t-twettiq permezz ta’ proġetti individwali suċċessivi(70).

147. Jeħtieġ li jitqies li anki fl-Irlanda jeżistu pjanijiet simili in kwantu l-pjanifikazzjoni tkun inkella nieqsa minn kull sinjifikat. Per eżempju, is-Section 15 tal-Planning and Development Act, 2000, tistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ pjanifikazzjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-pjan ta’ żvilupp(71).

148. Bil-kontra bit-teżi Irlandiża, lanqas l-evalwazzjonijiet ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent u l-evalwazzjonijiet ambjentali strateġiċi ma jistgħu jissostitwixxu l-pjanijiet li għandhom jiġu kkontemplati fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat. Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent(72) u d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent(73) jinkludu regoli dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, mingħajr ma jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tad-deċiżjoni. Bil-kontra, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, l-approvazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett hija leġittima biss jekk dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit in kwistjoni. Eċċezzjonijiet huma ammessi biss skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat, jiġifieri għal raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku rielvanti jew fin-nuqqas ta’ alternattiva u dejjem jekk l-Istat Membru jieħu l-miżuri kompensatorji meħtieġa. Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet skond id- Direttiva 85/337/KEE jew id-Direttiva 2001/42/KE ma jistgħux jissostitwixxu l-proċedura pprovduta fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat(74).

149. Konsegwentement, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat, jeħtieġ li jiġu previsti anki pjanijiet.

150. Għalhekk, l-Irlanda naqset milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat rigward il-pjanijiet.

2.      Fuqil-prassi amministrattiva fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ akwakultura

151. Fil-proċedura prekontenzjuża l-Kummissjoni qajmet dubji dwar it-traspożizzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-proġetti ta’ akwakultura. Madankollu, sadanittant, hija rrinunzjat għall-ilment in kwistjoni. Fil-fatt, ir-Regulation 31 tar-Regulations 1997 tipprovdi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni li jikkorrispondu għall-Artikolu 6(3) u (4), anki għall-awtorizzazzjonijiet taħt il-Fisheries Act, li hija applikabbli għall-proġetti ta’ akwakultura.

152. Issa l-Kummissjoni tkompli tikkontesta lill-Irlanda li l-proġetti ta’ akwakultura, jiġifieri, fiż-ŻSP, sa llum biss farms għat-trobbija tal-molluski, ġew awtorizzati fil-kuntest ta’ proċedura li ma tiggarantix l-applikazzjoni prattika ta’ l-Artikolu 6 (3) u (4) tad-Direttiva Habitat.

153. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk il-liġi nazzjonali fis-seħħ hija, fiha nnifisha, kompatibbli mad-dritt Komunitarju, jista’ jirriżulta nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tikser dan id-dritt(75). Il-Kummissjoni trid tipprova n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu permezz ta’ prova suffiċjentement dokumentata u ddettaljata tal-prassi allegata ta’ l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali u imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat(76). Madankollu, jeħtieġ li tali prassi amministrattiva tippreżenta ċertu grad ta’ kostanza u ta’ ġeneralità(77).

154. Skond l-indikazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż, l-awtorizzazzjoni tal-proġetti ta’ akwakultura jidħlu fl-isfera ta’ kompetenza tal-Ministeru tal-Komunikazzjonijiet, tal-Baħar u tar-Riżorsi Naturali, li huwa konxju mir-responsabbiltà għall-konservazzjoni tan-natura u huwa obbligat, skond is-Section 61(e) tal-Fisheries Amendment Act 1997, iqis, fl-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ akwakultura, l-effetti probabbli fuq il-popolazzjonijiet ta’ ħut selvaġġ, fuq il-habitats naturali kif ukoll fuq il-flora u l-fawna. Barra minn hekk huma meħtieġa konsultazzjonijiet estensivi, b’mod partikolari ma’ l-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tan-natura. Dawn il-konsultazzjonijiet jippermettu li jiġu evalwati l-vantaġġi tat-talbiet individwali kif ukoll li jitqiesu b’mod sħiħ l-effetti negattivi fuq l-ambjent. Kulħadd jista’ jressaq appell kontra awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ akwakultura quddiem qorti speċjali li tapplika wkoll is-Section 61 tal-Fisheries Amendment Act 1997.

155. Sostanzjalment, il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti mqajma minnha fuq l-istudju mwettaq minn organizzazzjoni mhux governattiva Irlandiża(78). Il-Gvern Irlandiż ma jikkontradixxix l-affermazzjonijiet inklużi fl-istudju, li jsemmi 271 awtorizzazzjoni għal proġetti ta’ akwakultura u 46 talba li għadhom pendenti relatati mal-perjodu ta’ bejn Ġunju 1998 u Diċembru 1999. 72 awtorizzazzjoni u 9 proċeduri li għaddejjin bħalissa jikkonċernaw żoni fi jew ġirien ta’ ŻSP. Dawn għandhom x’jaqsmu esklużivament ma’ farms għat-trobbija tal-molluski, b’mod partikolari gajdri u gandoffli. Għalhekk, l-istudju huwa bbażat fuq il-prassi amministrattiva Irlandiża kollha f’dan il-kuntest għal perjodu ta’ sena u nofs, u għalhekk jippermetti li jinġibdu konklużjonijiet dwar il-prassi ġenerali.

156. Mill-istudju, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-farms għat-trobbija tal-molluski mhumiex suġġetti għall-evalwazzjonijiet meħtieġa skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat. F’dan ir-rigward hija kkonċernata, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni preliminari sabiex jiġi aċċertat jekk proġett jeħtieġx evalwazzjoni (eżawrjenti) ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal ŻSP. Jeħtieġ li ssir evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent jekk l-iżvilupp ta’ farm għat-trobbija tal-molluski jikkostitwixxi proġett mhux direttament marbut jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit, imma li jista’ jkollu impatti sinjifikattivi fuq dan is-sit, b’mod individwali jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra.

157. Huwa paċifiku li, skond id-dritt Irlandiż, il-farms għat-trobbija tal- molluski jikkostitwixxu miżuri suġġetti għal awtorizzazzjoni, jiġifieri proġetti skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat. Dawn ma jikkostitwixxux, għallinqas bħala regola, u probabbilment f’ebda każ, proġetti direttament marbuta u meħtieġa għat-tmexxija tas-sit.

158. Għaldaqstant, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, għandha ssir evalwazzjoni ta’ l-impatt tal-farm għat-trobbija tal-molluski fuq is-sit b’kunsiderazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit, jekk ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dan, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwa ħażin b’mod sinjifikattiv l-imsemmi sit(79).

159. Fil-prinċipju, għal kull proġett ta’ akwakultura ma jistax jiġi eskluż li dan jaffetwa ħażin b’mod sinjifikattiv sit. L-istudju ppreżentat mill-Kummissjoni jsemmi b’mod partikolari t-telf jew il-modifikazzjoni tal-habitats fejn jieklu l-annimali, l-aktar b’rigward għall-ġbir tal-molluski, minbarra t-tfixkil ta’ l-għasafar li jirriżulta mit-tmexxija tal-farm għat-trobbija tal-molluski.

160. F’dawn il-proċeduri, lanqas il-Gvern Irlandiż ma jsostni li l-proġetti kollha ta’ akwakultura ma jagħmlux danni, imma jinsisti biss fuq il-fatt li mhux il-proġetti kollha ta’ akwakultura bilfors jaffettwaw ħażin ŻSP. Għalhekk, jirrikonoxxi li l-proġetti ta’ akwakultura jistgħu jaffettwaw ħażin ŻSP.

161. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fuq talba ta’ l-Irlanda ppromwoviet proġett intiż b’mod partikolari sabiex tiġi strutturata l-evalwazzjoni tal-proġetti ta’ akwakultura u sabiex jiġu suddiviżi ż-ŻSP, fir-rigward ta’ proġetti bħal dawn f’setturi ta’ sensittività differenti(80). Għalhekk, fir-rigward ta’ dan il-proġett, iż-żewġ partijiet ikkunsidraw li l-farms għat-trobbija tal-molluski jistgħu jaffettwaw ħażin b’mod sinjifikattiv iż-ŻSP.

162. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għandha tiggarantixxi li kull proġett individwali ta’ akwakultura jkun suġġett għal evalwazzjoni ta’ l- implikazzjonijiet fuq l-ambjent jekk, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, ma jistax jiġi eskluż li dan jista’ jaffettwa ħażin b’mod sinjifikattiv is-sit. Għall-Irlanda dan huwa dubjuż diġà minħabba li s’issa fl-ebda każ speċifiku ma saret evalwazzjoni sħiħa ta’ l-impatt b’relazzjoni għal proġett ta’ akwakultura, anki jekk mill-istudju joħroġ li f’madwar 25 % tal-każijiet, il-proġetti in kwistjoni jkunu fi jew qrib iż-ŻSP. Barra minn hekk, la l-osservazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż u lanqas l-istudju ppreżentat mill-Kummissjoni ma jippermettu li jiġi dedott li l-ħtieġa għal evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent tiġi eżaminata b’mod adegwat.

163. Fir-rigward ta’ l-osservazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż, huwa sorprendenti kif għall-bidu ġiet sostnuta l-applikabbiltà tar-Regulation 31 tar-Regulations 1997, filwaqt li fl-espożizzjoni proċedurali proprja mhemm l-ebda referenza għall-modalitajiet ta’ applikazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, tar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat. Fil-fatt, skond din l-espożizzjoni, l-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni jidher li għandha tqis u tevalwa l-elementi kollha kif ukoll tisma’ l-entitajiet ikkonċernati; madankollu, mhux qed jiġi sostnut li din għandha tagħmel evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq is-sit jekk ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-proġett jaffettwa ħażin b’mod sinjifikattiv is-sit.

164. L-istudju jenfasizza dawn id-dubji, b’mod partikolari fejn isemmi li l-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni taċċetta biss b’mod limitat il-parir ta’ l-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tan-natura. Meta l-awtoritajiet għall-protezzjoni tan-natura taw parir dwar il-farms għat-trobbija tal-molluski li jinsabu f’ŻSP, l-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni segwit l-indikazzjonijiet mogħtija f’64% tal-każijiet. Madankollu, it-talba min-naħa ta’ l-awtorità ambjentali li ma tingħatax l-awtorizzazzjoni, magħmula f’ħames każijiet, intlaqgħet mill-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni f’każ wieħed biss(81). Fit-8 % tal-każijiet l-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni ma qisitx il-parir ta’ l-awtoritajiet għall-protezzjoni tan-natura, peress li dawn taw l-opinjoni tagħhom wara li skada t-terminu ta’ sitt ġimgħat. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat ma tipprovdix terminu perentorju għall-evalwazzjoni preliminari. Il-perplessitajiet dwar dan jiżdiedu meta jitqies li minn dokument intern ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi, ippreżentat mill-Kummissjoni fir-replika(82), joħroġ li n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini kien dovut għan-nuqqas ta’ persunal fl-awtoritajiet għall-protezzjoni tan-natura.

165. Barra minn hekk fl-awtorizzazzjonijiet relatati mal-proġetti ta’ akwakultura fiż-ŻSP qatt ma kien jiġi ppreċiżat li l-proġett kien se jitwettaq f’ŻSP, u lanqas l-importanza ta’ dan il-fatt. Fis-86 % ta’ l-awtorizzazzjonijiet mogħtija f’ŻSP ma kinux jissemmew habitats, speċi jew tfixkil sinjifikattiv. Biss fit-28 % ta’ l-awtorizzazzjonijiet f’ŻSP ġie stabbilit l-aċċess għall-farm għat-trobbija tal-molluski, filwaqt li l-lokalità preċiża tirriżulta biss f’inqas minn nofs il-każijiet.

166. Għaldaqstant hemm dubji serji li l-awtoritajiet għall-protezzjoni tan-natura jistgħu jinvokaw il-kompetenza tagħhom fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ akwakultura u li din il-kompetenza tingħatalha l-attenzjoni dovuta, fejn din hija riflessa f’parir. Lanqas ma jirriżulta li l-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni ġġib il-kompetenza meħtieġa minn sorsi oħra. Għalhekk, mhemmx garanzija li, fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni għall-proġetti ta’ akwakultura, ma jkunx hemm evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent biss jekk jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-proġett jaffettwa ħażin b’mod sinjifikattiv is-sit.

167. Fid-dawl ta’ dawn id-dubji fondati rigward l-osservanza ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, l-Irlanda kien imissha ċċarat il-modalitajiet ta’ l-applikazzjoni prattika ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat meta jiġu awtorizzati proġetti ta’ akwakultura. Għal dan il-għan, pereżempju, setgħet tindika l-elementi oġġettivi li fuq il-bażi tagħhom l-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni setgħet teskludi – fl-erba’ każijiet fejn tat awtorizzazzjoni għal farms għat-trobbija tal-molluski f’ŻSP kontra l-parir ta’ l-awtoritajiet għall-protezzjon tan-natura u mingħajr ma saret evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq is-sit – li dan il-proġett seta’ jaffettwa ħażin b’mod sinjifikattiv iż-ŻSP in kwistjoni. Barra minn hekk, setgħet tiċċara mil-liema sorsi l-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni ġabet il-kompetenza ornitoloġika li permezz tagħha setgħet teskludi, mingħajr ma taf il-parir ta’ l-awtoritajiet għall-protezzjoni tan-natura jew bla ma tqisu, li l-proġett seta’ jaffettwa ħażin b’mod sinjifikattiv iż-ŻSP. Ma ġara xejn minn dan.

168. Għalhekk għandu jitqies li meta tingħata awtorizzazzjoni għal proġetti ta’ akwakultura f’ŻSP, il-prassi amministrattiva Irlandiża ma tiggarantix l-osservanza ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat. Għall-kuntrarju mhemmx elementi suffiċjenti b’sostenn ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat.

169. Għalhekk, l-Irlanda naqset milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat meta tingħata awtorizzazzjoni għal proġetti ta’ akwakultura li jistgħu jaffettwaw ħażin b’mod sinjifikattiv iż-ŻSP ikklassifikati skond id-Direttiva Għasafar.

3.      Fuq il-miżuri li ttieħdu għaż-ŻSP Glen Lake

170. Il-Kummissjoni tikkontesta lill-Irlanda li, fir-rigward taż-ŻSP Glen Lake, ħadet miżuri għall-manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma bi ksur ta’ l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Diretiva Habitat. Iż-ŻSP testendi tul madwar 80 ettaru u ġiet ikklassifikata fl-1995. Is-sit huwa importanti partikolarment minħabba l-ilmijiet tiegħu. Fiż-ŻSP jgħaddu x-Xitwa numru importanti fuq livell internazzjonali ta’ Ċinji (Cygnus cygnus).

171. Il-Kummissjoni ssostni li fl-1992 u fl-1997 awtorità Statali Irlandiża, l-Uffiċċju għax-Xogħlijiet Pubbliċi, wettqet xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma. Minn dak iż-żmien lilhawn, miż-żoni umdi taż-ŻSP ħarab ħafna aktar ilma. Il-veġetazzjoni nbidlet u l-habitats umdi għebew. Ix-xogħlijiet in kwistjoni ma ġewx awtorizzati skond il-proċedura ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat, u minħabba d-deterjorazzjoni tas-sit, hemm fl-istess ħin ksur ta’ l-Artikolu 6(2).

172. Fir-rigward ta’ dan l-ilment, jeħtieġ li l-ewwelnett jiġi osservat li d-Direttiva Habitat ma kinitx għada applikabbli għax-xogħlijiet li saru fl-1992. F’dan is-sens għaldaqstant ir-rikors huwa infondat.

173. Mill-ilment rimanenti rigward ix-xogħlijiet li saru fl-1997 tqum il-kwistjoni jekk ċerti attivitajiet jistgħux jiksru kemm l-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 6(3) u (4). Kemm l-Artikolu 6(2) u kif ukoll l-Artikolu 6(3) għandhom l-għan li jevitaw li jiġu ppreġudikati l-għanijiet ta’ konservazzjoni fir-rigward ta’ sit protett(83). Issa, il-fatt li pjan jew proġett ġie awtorizzat skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat irendi superfluwa, fir-rigward ta’ l-impatt ta’ dan il-pjan jew proġett fuq is-sit protett, applikazzjoni konkomitanti tar-regola ta’ protezzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 6(2)(84). Bil-kontra, jekk ma ġietx segwita l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, huwa ipotizzabbli, fejn għandu x’jaqsam il-proġett in kwistjoni, ksur kemm tad-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) kif ukoll tar-rekwiżiti sotanzjali għall-protezzjoni tas-sit li jirriżultaw mit-tliet paragrafi kollha.

174. Peress li l-eżami ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat jista’ jinkludi l-aspetti tad-dritt proċedurali u r-rekwiżiti sostanzjali relatati mal-protezzjoni tas-sit, jeħtieġ li l-ewwelnett jiġu eżaminati dawn id-dispożizzjonijiet kollha, li l-ksur tagħhom jippreżupponi li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma jikkostitwixxu proġett jew proġetti mhux direttament marbuta jew meħtieġa għat-tmexxija tas-sit, u li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq dan is-sit, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra.

175. Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ proġett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà bbażat ruħha fuq id-definizzjoni mogħtija mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ta’ l-EIA(85). Skond din id-definizzjoni, il-kunċett ta’ proġett jinkludi l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra, interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali. Anki x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jistgħu jikkostitwixxu interventi fil-madwar jew fil-pajsaġġ naturali, b’mod partikolari jekk – bħal f’dan il-każ – jwasslu għad-deterjorazzjoni ta’ habitat inkluż fost dawk l-aktar adattati għall-protezzjoni ta’ l-għasafar. Għalhekk dan kien proġett.

176. Huwa paċifiku li x-xogħlijiet la kienu direttament marbuta u lanqas meħtieġa għat-tmexxija tas-sit.

177. Għalhekk, dawn kellhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent fejn kellhom jitqiesu l-għanijiet ta’ konservazzjoni skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, meta ma setax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dawn, waħdihom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, setgħu jaffettwaw ħażin b’mod sinjifikattiv l-imsemmi sit(86). Issa, meta jitqies, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li trid tintlaħaq mill-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 174(2) KE, u li fid-dawl tiegħu għandha tiġi interpretata d-Direttiva Habitat, f’każ ta’ dubju fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi, għandha ssir evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq is-sit(87).

178. Il-Gvern Irlandiż iqis li ma kienx hemm għalfejn ikun hemm dubji, peress li l-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma diġà ilhom jeżistu kważi 50 sena u minn dak iż-żmien lilhawn kemm-il darba ġew suġġetti għal manutenzjoni, mingħajr ma’ Glen Lake tilfet l-importanza ornitoloġika tagħha. L-awtoritajiet kompetenti għalhekk setgħu jqisu li lanqas ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni mwettqa fl-1992 u fl-1997 ma kienu jwasslu għad-deterjorazzjoni taż-ŻSP.

179. Din it-teżi mhijiex konvinċenti. Jidher ċar li x-xogħlijiet ta’ lqugħ ta’ l-ilma huma adattati biex ikollhom effetti sinjifikattivi fuq iż-żoni umdi fil-baċir ta’ l-ilma relatat. L-esperjenzi preċedenti ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni jistgħu jneħħu dawn id-dubji biss jekk huma ddokumentati b’mod suffiċjentement preċiż u juru bla ebda inċertezza li anki x-xogħlijiet previsti ma jaffettwawx ħażin il-karatteristiċi ornitoloġiċi importanti taż-ŻSP. F’dan il-każ, ma jidhirx ċar li l-esperjenzi mgħoddija kienu ta’ dan it-tip. Anzi, il-Kummissjoni tosserva ġustament li ma jistax ikun magħruf jekk ix-xogħlijiet imwettqa fl-imgħoddi affettwawx ħażin is-sit jew le.

180. Minn dan jiġi dedott ksur ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat peress li qabel ma twettqu x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni kellha ssir l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent fuq iż-ŻSP b’kunsiderazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ l-istess ŻSP.

181. Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, l-awtoritajiet Irlandiżi, b’kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l- implikazzjonijiet fuq l-ambjent tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-sit ikkonċernat b’referenza għall-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, setgħu jawtorizzaw attività bħal din biss sakemm kellhom iċ-ċertezza li l-attività ma kienx se jkollha effetti ta’ ħsara fuq l-integrità ta’ dan is-sit. U dan ikun il-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti(88).

182. Diġà minħabba n-nuqqas ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent, awtorizzazzjoni skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat kienet tkun inammissibbli. Madankollu, l-osservazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż juru li ma kienx possibbli li tingħata awtorizzazzjoni anki minħabba l-effetti ħżiena għaż-ŻSP. Il-Gvern Irlandiż jammetti li l-livell ta’ l-ilmijiet tal-lag għandu importanza determinanti, b’mod partikolari għall-waqfa taċ-Ċinji, peress li dawn l-għasafar jeħtieġu medda kbira ta’ ilma. Il-Gvern Irlandiż jirrikonoxxi wkoll li fl-1997 il-manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma wasslet għal tnaqqis aktar mgħaġġel tal-livell ta’ l-ilma, biex b’hekk il-perjodi ta’ waqfien taċ-Ċinju tnaqqsu. Għalhekk, anki skond il-Gvern Irlandiż, ix-xogħlijiet li saru fil-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma ddeterjoraw, għall-inqas temporanjament, l-adattezza taż-ŻSP Glenn Lake bħala żona li fiha ċ-Ċinji jgħaddu x-Xitwa. Peress li l-konservazzjoni taż-żona li fiha ċ-Ċinji jqattgħu x-Xitwa tikkostitwixxi l-għan tal-protezzjoni fundamentali taż-ŻSP, l-integrità tagħha skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) ġiet affettwata ħażin.

183. Hija eskluża wkoll awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat. Bħala ġustifikzzjoni l-Irlanda ssostni biss li l-manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma hija obbligu legali li ilu fis-seħħ. F’din l-affermazzjoni huwa impliċitu li, skond il-Gvern Irlandiż, hemm interess ġenerali fl-ilqugħ ta’ l-ilma. Dan l-interess, anki jekk jipprevali fuq l-interess tal-konservazzjoni taż-ŻSP, jista’ madankollu jiġġustifika deterjorazzjoni, skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat, biss jekk ma jkunx hemm soluzzjonijiet alternattivi. F’dan il-każ l-istess Gvern Irlandiż isostni li diga tista’ ttaffi l-effetti negattivi ta’ l-ilqugħ ta’ l-ilma, mingħajr madankollu ma jafferma li, qabel ma twettqu x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni, kien hemm ostakoli insuperabbli għall-bini tad-diga. Għalhekk, kien hemm għallinqas alternattiva waħda sabiex ma jitwettqux ix-xogħlijiet b’mod li jaffettwa ħażin is-sit.

184. Għaldaqstant, fil-mod li bih twettqu, ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni kienu inkompatibbli ma’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat. Peress li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa bbażat ukoll fuq dannu għall-integrità taż-ŻSP bħala tali, fl-istess ħin inkiser ukoll l-Artikolu 6(2).

185. Għaldaqstant, fit-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma fiż-ŻSP Gren Lake, l-Irlanda naqset milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva Habitat.

G –    Fuq l-Artikolu 10 tad-Direttiva Għasafar

186. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Irlanda li naqset milli twettaq l-obbligi li tagħmel riċerka xjentifika skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva Għasafar.

187. L-Artikolu 10 tad-Direttiva Għasafar jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixu r-riċerka u kull operat meħtieġ bħala bażi tal-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-użu tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar imsemmija fl-artikolu 1.

Attenzjoni partikolari għandha tkun mogħtija għar-riċerka u l-operat fuq is-suġġetti elenkati fl-anness v. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa biex jgħinuha tieħu l-miżuri xierqa għall-kordinazzjoni tar-riċerka u l-operat imsemmi f’dan l-artikolu.”

188. L-Anness V isemmi s-segwenti punti li fuqhom trid tikkonċentra r-riċerka:

“a)       listi nazzjonali ta’ l-ispeċi fil-perikolu li jispiċċaw jew partikolarment speċi fil-perikolu, b’kunsiderazzjoni tad-distribuzzjoni ġeografika tagħhom;

b)       elenkar u deskrizzjoni ekoloġika taż-żoni partikolarment importanti tar-rotot migratorji u postijiet tat-trobbija u tal-bejtiet;

ċ)        elenkar tad-data fuq il-livelli tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi li jemigraw dwar ir-rotot tagħhom ta’ l-migrazzjoni u l-postijiet tat-trobbija u tal-bejtiet;

d)       stima ta’ l-influwenza tal-metodi li jieħdu l-għasafar selvaġġi dwar il-livelli tal-popolazzjoni;

e)       żvilupp u raffinar tal-metodi lokali li jipprevjenu t-tip tal-ħsara kawżata mill-għasafar;

f)       stabbiliment ta’ l-irwol ta’ ċerti speċi bħala indikaturi tat-tniġġis;

g)       studju ta’ l-effett ħażin tat-tniġġis kimiku fuq il-livelli tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar.”

189. Skond id-dritt Irlandiż – Section 11(3) tal-Wildlife Act 1976 – teżisti biss il-possibbiltà, u mhux l-obbligu, li ssir jew li tiġi promossa riċerka bħal din. Anki t-twettiq fil-prattika huwa insuffiċjenti. F’dan ir-rigward, l-Irlanda ammettiet li m’għandhiex data suffiċjenti biex tidentifika ż-ŻSP fir-rigward tal-Pluviera u s-Seqer ta’ Denbu.

190. Dwar dan il-punt, il-Gvern Irlandiż jirreferi għall-ġurisprudenza nazzjonali fejn l-espressjoni magħżula għar-riċerka fil-qasam ornitoloġiku – “the Minister may […]” – tista’ tiġi anki interpretata bħala obbligu. Fl-Irlanda, lilhinn mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tad-Direttiva Għasafar, ġiet ukoll imwettqa riċerka.

191. Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, teżisti biss il-possibbiltà li, minkejja l-formulazzjoni miftuħa, is-Section 11(3) tal-Wildlife Act 1976 tiġi interpretata bħala obbligu. L-Irlanda ma ppreżentat l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja li ssostni din l-interpretazzjoni. Għaldaqstant, is-Section 11(3) tal-Wildlife Act 1976 mhijiex ifformulata b’mod suffiċjentement ċar u preċiz biex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva Għasafar.

192. Barra minn hekk, l-Irlanda lanqas ma kkontestat l-ilment kontrieha li m’għamlitx sforzi suffiċjenti fil-qasam tar-riċerka fejn għandhom x’jaqsmu ż-żewġ speċi msemmija iktar ’il fuq. Dawn il-punti għandhom għalhekk jitqiesu bħala ammessi.

193. Mill-kuntest globali tar-rikors joħorġu nuqqasijiet simili anki rigward l- Għasfur ta’ San Martin, filwaqt li, għal speċi oħra, dawn in-nuqqasijiet eżistew għal żmien itwal. Dawn huma riflessi partikolarment fil-klassifikazzjoni insuffiċjenti ta’ siti bħala ŻSP. Barra minn hekk, is-Section 11 tal-Wildlife Act lanqas ma ssemmi l-punti li fuqhom għandha tikkonċentra r-riċerka, li ġew elenkati fl-Anness V.

194. Għalhekk, l-Irlanda naqset milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva Għasafar.

IV – Fuq l-ispejjeż

195. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż subiti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet tagħha.

196. Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Greċja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom li jirriżultaw mill- intervent.

V –    Konklużjoni

197. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.     L-Irlanda,

(a)      billi ma kklassifikatx, mis-6 ta’ April 1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva79/409/KEE, it-territorji kollha l-aktar adattati fin-numru u daqs għall-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva79/409/KEE, kif ukoll għall-ispeċi migratorji li jirritornaw regolarment, b’mod partikolari billi ma kklasifikatx is-sit Cross Lough (Killadoon) u billi ma inkludietx żewġ żoni ta’ l-estwarju tax-xmara Tolka fiż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary;

(b)      billi ma ggarantietx li, mis-6 ta’ April 1981, id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) ikunu applikati għaż-żoni li, minkejja li kellhom jiġu kklassifikati bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni skond id-Direttiva79/409/KEE, ma ġewx ikklassifikati bħala tali;

(c)      billi ma ttrasponietx b’mod sħiħ u korrett fid-dritt nazzjonali u ma wettqitx dak li ġie provdut fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva79/409/KEE;

(d)      billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE, b’referenza għaż-żoni speċjali ta’ protezzjoni kklassifikati skond id-Direttiva 79/409/KEE qabel l-adozzjoni ta’ l-iStatutory Instruments Nru 94/1997, European Communities (Natural Habitats) Regulations, 1997;

(e)      billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE, b’referenza għad-dannu li sar liż-ŻSP kollha li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-istess Artikolu minn persuni li mhumiex proprjetarji taż-żoni in kwistjoni;

(f)      billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE, b’referenza għall-pjanijiet;

(g)      billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, b’referenza għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ akwakultura;

(h)      billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE, b’referenza għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma fil-kuntest taż-ŻSP Glen Lake, kif ukoll

(i)      billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 79/409/KEE,

naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond id-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi u tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

2.     Għall-bqija, ir-rikors huwa miċħud.

3.     L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż tal-proċeduri.

4.     Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Greċja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 103, p. 1.


3 – Sentenza tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-3/96, Ġabra p. I-3031).


4 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Franza ( C-202/01, Ġabra p. I-11019).


5 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja ( C-240/00, Ġabra p. I-2187).


6 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja ( C-378/01, Ġabra p. I-2857).


7 – Ara l-Konklużjonijiet li ppreżentajt illum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ( C-334/04, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


8 – Ara l-konklużjonijiet li ppreżentajt illum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja ( C-235/04, pendendti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


9 – Komunikat Stampa tal-Kummissjonin IP/05/45, ta’ l-14 ta’ Jannar 2005.


10 – Heath, M.F. & M.I. Evans, Important Bird Areas in Europe. Priority sites for conservation. Volume 2: Southern Europe, BirdLife Conservation Series Nru. 8, Volum II, Cambridge (2000), p. 261 et seq.


11 – ĠU L 206, p. 7.


12 – Punt 91 tad-difiża.


13 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 14) u tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (kawża C-355/90, Ġabra, p. I-4221, punti 26, 27 u 32, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bassasiet ta' Santoña”).


14 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, (iċċitata iktar 'il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 62).


15 – Sentenzi Bassasiet ta' Santoña, (iċċitata iktar 'il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 26), tal-11 ta’ Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds ( kawża C-44/95 Ġabra, p. I-3805, punt 26, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lappel Bank”), u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 59 et seq).


16 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 55 et seq.


17 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 68-70) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar 'il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18).


18 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 68).


19 – Ara, iktar fid-dettall, il-Konklużjonijiet li ppreżentajt illum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 70 et seq.


20 – F’dan ir-rigward, u partikolarment dwar it-taqsima Spanjola ta’ l-IBA 2000, ara fid-dettall il-Konklużjonijiet li ppreżentajt illum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 et seq.


21 – IBA 2000, Volum 1, p. 374.


22 – Sentenzi Il-Kummisjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 69), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18).


23 – Dawn il-kriterji huma spjegati fl-IBA 2000, Volum 1, p. 13 et seq u 850 et seq, u huma pparagunati mal-kriterji applikati għall-inventarji l-ġodda.


24 – Il-kriterju C.6 ma ssemmiex espressament fil-lista tal-kriterji applikati għall-IBA 89, imma kien imsemmi fin-noti spjegattivi relatati (ara l-Anness 7, p. 2, tar-rikors fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, u l-Anness 6 tar-rikors fil-kawża, Il-Kummissjoni vs L-Italja iċċitata iktar ’il fuq). Skond dawn, dan il-kriterju ġie stabbilit u applikat fil-kuntest tal-proġett tal-biotope CORINE.


25 – IBA 2000, Volum 1, p. 374.


26 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata itkar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 56).


27 – Ibidem, punt 58.


28 – Ara, l-BirdLife International, Birds in Europe: population estimates, trends and conservation status (2004), http://www.birdlife.org/datazone/species/BirdsInEuropeII/BiE2004Sp2878.pdf.


29 – IBA 2000, Volum 1, p. 18 u 13.


30 – Ara, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/89, Ġabra p. I-57, punt 15 iktar ’il quddiem is-“sentenza fuq il-perijodi ta’ kaċċa”) u tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C-60/05, Ġabra p.I-5083, punt 27).


31 – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija ( C-209/04, Ġabra p. I-2755 punt 44, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lauteracher Ried”).


32 – Ara iktar ’il fuq, il-punt 4.


33 – Sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C-262/85, Ġabra p. 3073, punt 9), u tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, ( C-38/99, Ġabra p. I‑10941, punt 53).


34 – Ara s-sentenza Lauteracher Ried ( iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 44). F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina li ċerti żoni għandhom ikunu kklassifikati bħala ŻSP anki jekk mhumiex inklużi fl-inventarju IBA taż- żoni Awstrijaċi.


35 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda ( iċċitata itkar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 56).


36 – Ara l-Anness D.2 tad-difiża, p. 63.


37 – Sentenzi Bassasiet ta’ Santoña ( iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 22, u tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza ( C-374/98, Ġabra p. I-10799, punti 47 u 57 iktar ’il quddiem is-“sentenza Basses Corbières”),


38 – Għall-kuntrarju, jekk l-obbligu ta’ klassifikazzjoni preċedenti kien ikkontestat, il-Kummissjoni jkollha turi li qabel it-territorju kien inkluż fost l-aktar tajbin.


39 – Ara l-Konklużjonijiet li ppreżentajt fit-23 ta’ Frar 2006, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, C-191/05, Ġabra p. I-6853 punt 14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Moura, Mourão, Barrancos”).


40 – Ara, f’dan ir-rigward, fost oħrajn, il-kunsiderazzjonijiet tal-Joint Nature Conservation Committee Brittanniku fuq il-ġbir ta’ informazzjoni dwar preżenzi taċ-Ċirlewwi tax-Xitwa fil-kuntest tal-proġett Seabird 2000, http://www.jncc.gov.uk/page-2890.


41 – Irrispettivament mir-rikors tal-Kummissjoni, fejn ikun possibbli, hemm ukoll obbligu li jiġu rimedjati nuqqasijiet eventwali rigward miżuri ta’ protezzjoni, jiġifieri li jiġu adottati miżuri sabiex it-territorju jerġa’ jinġieb għal stat li jkun adattat bħala habitat għall-kolonji taċ-Ċirlewwi tax-Xitwa.


42 – Sentenzi Lappel Bank ( iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 26), u Moura, Mourão, Barrancos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 10).


43 – Anness A-17 tar-rikors.


44 – IBA 2000, Volum 1, p. 405 et seq.


45 – Annessi għar-rikors p. 324.


46 – Sentenza Basses Corbières, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.


47 – It-test tad-dispożizzjonijiet huwa pprovdut iktar ’il fuq, fil-punt 10.


48 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1999 Il-Kummissjoni vs Franza ( C‑166/97, Ġabra p. I‑1719, punt 21 iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ l-estwarju tas-Seine”).


49 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ( C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 34 iktar ’il quddiem is-“sentenza konformità”).


50 – Id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej: “The provisions of Regulations 4, 5, 7, 13, 14, 15 and 16 shall, where appropriate, apply with any necessary modifications to areas classified pursuant to paragraph 1 and 2 of Article 4 of the Birds Directive.”


51 – Sentenzi tad-9 ta’ April 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (363/85, Ġabra p. 1733, punt 7); tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( C‑361/88, Ġabra p. I‑2567, punt 15); tas-7 ta’ Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑58/02, Ġabra p. I‑621, punt 26) konformità (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 21).


52 – Ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.


53 – Ara s-sentenza Bassasiet ta’ Santoña, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 30).


54 – Sentenza Bassasiet ta’ Santoña,( iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 22).


55 – Is-sentenza ta’ l-estwarju tas-Seine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 5) issemmi biss Ġunju 1994. Fil-fatt huwa diffiċli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Habitat. Skond l-Artikolu 191(2) tat-Trattat KEE li dak iż-żmien kien fis-seħħ (li wara sar l-Artikolu 254 KE), dan it-terminu jiddependi mid-data li fiha d-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri. Bħala l-aħħar terminu, il-Eur-Lex tindika l-10 ta’ Ġunju 1994, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, , Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ( C-329/96 Ġabra p. I-3749, punt 2) u tal-11 ta’ Diċembru 1997 , Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( C-83/97 Ġabra p. I-7191, punt 2) semmiet il-5 ta’ Ġunju 1994.


56 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.


57 – Ara iktar ’il fuq, punt 80.


58 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (C-152/84, Ġabra p. 723, punt 48); ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori ( C‑91/92,, Ġabra p. I‑3325, punt 20); tas-7 ta’ Jannar 2004 Wells ( C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 56), u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et ( C-397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 108). Biex tkun stabbilita l-ħtieġa għal traspożizzjoni, mhemmx għalfejn jiġi ċċarat safejn is-Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 Mangold ( C-144/04, Ġabra p. I-9981), hija kompatibbli ma’ din il-ġurisprudenza kostanti.


59 – Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1998, Raymond McBride vs Galway Corporation.


60 – Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda ( C-117/00, Ġabra p. I-5335, punt 15), (sentenza Owenduff-Nephin Beg Complex); ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda ( iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 57).


61 – B’hekk fis-sentenza ta’ l-estwarju tas-Seine, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punti 48 et seq), il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk proġett speċifiku jiksirx it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.


62 – Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, p. 26).


63 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, (ĠU L 271, p. 1).


64 – Birds of Conservation Concern in Ireland, 1999.


65 – Ara l-iskeda għall-ispeċi, ibbażata assolutament fuq l-istess ġbir ta’ data tal-Kummissjoni: http://www.birdlife.org/datazone/species/BirdsInEuropeII/BiE2004Sp7105.pdf.


66 – Ara d-data relatata mat-tnaqqis ta’ l-għasafar fl-habitats agrikoli f’BirdLife International (2005), A Biodiversity Indicator for Europe: Wild Bird Indicator Update 2005, http://www.birdlife.org/action/science/indicators/pdfs/2005_pecbm_indicator_update.pdf, kif ukoll l-iskedi korrispondenti tal-BirdLife għall-ispeċi msemmija mill-Kummissjoni: http://www.birdlife.org/action/science/species/birds_in_europe/species_search.html.


67 – Ara s-sentenza ta’ l-estwarju tas-Seine, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punti 48 et seq) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-provi ta’ ksur imressqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-konfutazzjonijiet tar-Repubblika ta’ Franza.


68 – Ara, dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004,, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C-127/02, Ġabra p. I‑7405, punti 31 et seq, b’mod partikolari l-punt 36).


69 – Sentenza konformità, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punti 25 et seq).


70 – Sentenza konformità (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punti 54 et seq).


71 – “It shall be the duty of a planning authority to take such steps within its powers as may be necessary for securing the objectives of the development plan.” Skond is-Section 10, l-għanijiet ta’ żvilupp (Development objectives) jiffurmaw parti mill-pjan ta’ żvilupp (Development Plan).


72 – ĠU L 175, p. 40.


73 – ĠU L 197, p. 30.


74 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (kawża C-407/03, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, disponibbli biss bil-Finlandiż u bil-Franċiż). Il-Finlandja rrikonoxxiet li evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent ma tistax tissostitwixxi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat. Ara wkoll il-Konklużjonijiet li ppreżentajt fis-27 ta’ Ottubru 2005 fil-kawża C-209/04, fis-sentenza Lauteracher Ried (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punti 70 et seq) dwar l-evalwazzjoni ta’ l-alternattivi.


75 – Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C­­‑441/02, Ġabra p. I-3449, punti 47 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).


76 – Ibidem, punt 49.


77 – Ibidem, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.


78 – Birdwatch Ireland, Review of the Aquaculture Licensing System in Ireland, 2000, Anness A-39 għar-rikors. L-istudju ġie promoss mill-Heritage Council Irlandiż, korp konsultattiv pubbliku.


79 – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68, punt 45).


80 – LIFE96 NAT/IRL/003240 - Management planning, monitoring, auditing of management and land acquisition for SPAs in Ireland. L-informazzjoni relatata ma’ dan il-proġett hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/life/project/Projects/index.cfm abgefragt werden.


81 – Mid-data jirriżulta li f’5 każijiet kien hemm talba għal ċaħda, imma 4 talbiet ġew awtorizzati.


82 – Anness B-15 tar-replika, p. 179.


83 – Sentenza Waddenzee u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 78, punt 36).


84 – Ibidem,,punt 35.


85 – Ibidem,,24.


86 – Ibidem, punt 45.


87 – Ibidem,, punt 44.


88 – Sentenza Waddenze u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 78, punt 67).