Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2018 – L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-620/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér, M.M. Tátrai u G. Tornyai, aġenti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi; 1 sussidjarjament:

tannulla d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sa fejn dawn jistabbilixxu l-punt (ċ) u t-tielet subpragarafu tal-Artikolu 3(1) il-ġdid tad-Direttiva 96/71/KE.

tannulla d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sa fejn dawn jinserixxu il-paragrafu 1a fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE.

tannulla l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

tannulla l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; u barra min hekk:

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Ungeriż jibbaża r-rikors tiegħu fuq ħames motivi:

1.    Fl-ewwel lok, il-Gvern Ungeriż jallega fir-rikors tiegħu li d-direttiva kkontestata ma ġietx adottata fuq il-bażi legali adatta, premess li, b’kont meħud tal-għan u l-kontenut tagħha, tali direttiva ― billi tidderoga mill-awtorizzazzjoni leġiżlattiva stabbilita, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fl-Artikoli 53(1) TFUE u 62 TFUE, imsemmija fid-direttiva bħala bażi legali ― hija intiża esklużivament, jew tal-inqas b’mod priniċipali, għall-protezzjoni tal-ħaddiema, u għaldaqstant il-leġiżlatur tal-Unjoni kien imissu adotta d-direttiva fuq il-bażi tal-Artikolku 153 TFUE jew, tal-inqas, ibbaża ruħu essenzjalment fuq din l-aħħar imsemmija bażi legali (l-ewwel motiv tar-rikors).

2.    Fit-tieni lok, skont il-Gvern Ungeriż, id-direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 153(5) TFUE, li jeskludi l-fakultà leġiżlattiva tal-Unjoni fir-rigward tar-regolamentazzjoni tar-remunerazzjonijiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet lavorattivi, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi stabbilixxa li r-remunerazzjoni tal-ħaddiema għandha tkun konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ kollokament, adotta liġi li essenzjalment tagħmel riferiment għar-remunerazzjoni tar-relazzjoni lavorattiva. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel il-bażijiet legali indikati fid-direttiva kkontestata peress li kien konxju li, fl-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni, din kienet l-unika possibbiltà sabiex jirregola l-kwistjoni tar-remunerazzjonijiet, li tikkostitwixxi waħda mill-elementi essenzjali ta’ din id-direttiva, u b’hekk wettaq użu ħażin ta’ poter (it-tieni motiv tar-rikors).

3.    Fit-tielet lok, il-Gvern Ungeriż iqis li d-direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi l-obbligi u r-restrizzjonijiet imposti minn din id-direttiva fuq l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi huma diskriminatorji, mhux neċessarji u sproporzjonati meta mqabbla mal-għan li jfittxu li jilħqu. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni fid-direttiva kkontestata fil-qasam tat-trasport tmur kontra l-Artikolu 58(1) TFUE (it-tielet motiv tar-rikors).

4.    Fir-raba’ lok, il-Gvern Ungeriż iqis li d-direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi d-direttiva teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-eżerċizzju ta’ tali libertà sa fejn din tirreferi għall-eżerċizzju tad-dritt għal strajk u għal azzjonijiet oħra previsti fis-sistemi tar-relazzjonijiet lavorattivi tal-Istati Membri, kif ukoll għall-eżerċizzju tad-dritt għal negozjati, konklużjoni u infurzar ta’ ftehimiet kollettivi u li jiġu istitwiti azzjonijiet kollettivi (ir-raba’ motiv tar-rikors).

5.    Fil-ħames lok, id-direttiva kkontestata tmur kontra r-Reglament (KE) Nru 593/2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, 2 kif ukoll kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva, sa fejn din tbiddel l-applikazzjoni tar-Reglament Nru 593/2008 mingħajr ma tbiddel it-test leġiżlattiv ta’ dan l-aħħar, u b’hekk toħloq inċertezza legali kunsiderevoli fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tar-reglament. Id-direttiva kkontestata tmur ukoll kontra l-prinċipji ta’ ċarezza leġiżlattiva u, konsegwentement, ta’ ċertezza legali minħabba n-nuqqas, fid-direttiva kkontestata, ta’ determinazzjoni tal-kunċett ta’ remunerazzjoni u l-inċertezzi dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett (il-ħames motiv).

____________

1 ĠU L 173, p. 16.

2  ĠU 2008, L 177, p. 6.