Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-619/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Banks, H. Krämer u S. Kaleda, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi naqqset l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u applikata lill-imħallfin li nħatru fil-Qorti Suprema qabel it-3 ta’ April 2018, u billi tat lill-President tar-Repubblika tal-Polonja d-dritt li jestendi l-mandat pendenti ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema), li tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin li huma preżentement fis-servizz, u li nħatru fil-Qorti Suprema qabel id-data tad-dħul ta’ din il-liġi (3 ta’ April 2018), jiksru l-prinċipju ta’ irremovibbiltà tal-imħallfin.

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li jagħtu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja d-dritt li jestendi l-mandat pendenti ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema, jiksru l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja.

____________