Language of document : ECLI:EU:C:2018:978

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawża C621/18

Andy Wightman,

Ross Greer,

Alyn Smith,

David Martin,

Catherine Stihler,

Jolyon Maugham,

Joanna Cherry

vs

Secretary of State for Exiting the European Union,

b’interventi minn:

Chris Leslie,

Tom Brake

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland) (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla (l-Iskozja, ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 50 TUE – Dritt ta’ ħruġ mill-Unjoni – Notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ – Ħruġ tar-Renju Unit (Brexit) – Revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ – Revoka unilaterali – Kundizzjonijiet għar-revoka unilaterali – Revoka b’kunsens”






1.        Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem ir-“Renju Unit”) innotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem in-“notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ”) (2).

2.        Din in-notifika tat lok, għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni, għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 50 TUE li (fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu) jipprovdi li għandu jiġi nnegozjat u konkluż “ftehim dwar il-ħruġ” bejn l-Unjoni u l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ minnha. Fl-assenza ta’ tali ftehim, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għal dan l-Istat Membru malli jgħaddu sentejn min-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, sakemm il-Kunsill Ewropew ma jiddeċidix, b’mod unanimu, li jestendi dan il-perijodu.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti Skoċċiża sabiex, bħala l-interpretu suprem tad-dritt tal-Unjoni, tipprovdi soluzzjoni għal dubji dwar kwistjoni li ma hijiex indirizzata mill-Artikolu 50 TUE. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi kkjarifikat jekk Stat Membru, wara li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, jistax jirrevoka (jekk ikun il-każ b’mod unilaterali) din in-notifika.

4.        Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, irrispettivament mill-importanza teoretika u għall-futur tal-kwistjoni mqajma, il-konsegwenzi prattiċi tagħha ma jistgħux jiġu miċħuda, bħalma lanqas ma tista’ tiġi miċħuda r-rilevanza tagħha għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta r-revokabbiltà unilaterali, ir-Renju Unit ikun jista’ jagħmel komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew f’dan is-sens, b’tali mod li jibqa’ Membru tal-Unjoni. Peress li l-Parlament Brittaniku huwa meħtieġ jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu, kemm jekk jintlaħaq ftehim dwar il-ħruġ u kemm jekk le, diversi Membri tal-Parlament qed jindunaw li r-revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ser tiftaħ toroq oħra, jiġifieri li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni fid-dawl ta’ Brexit mhux sodisfaċenti. Din hija l-pożizzjoni li tidher li qiegħda tieħu l-qorti tar-rinviju meta tindika li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tippermetti lid-deputati Brittaniċi jifformaw idea eżawrjenti tal-għażliet disponibbli fil-mument meta jiġu sabiex jivvotaw.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Skont l-Artikolu 50 TUE:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

2.      L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.      It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

4.      Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ m’għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew jew f’deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3)(b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.

5.      Jekk l-Istat li jkun ħareġ mill-Unjoni jitlob li jaderixxi mill-ġdid, it-talba tiegħu għandha tkun suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 49.”

B.      Id-dritt internazzjonali

6.        Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, adottata fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 (3) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), tirregola l-proċedura għall-konklużjoni ta’ trattati bejn Stati.

7.        Skont l-Artikolu 54 tagħha:

“It-terminazzjoni ta’ trattat jew il-ħruġ ta’ Parti jistgħu jitwettqu:

(a)      skont id-dispożizzjonijiet tat-trattat, jew

(b)      fi kwalunkwe ħin, bil-kunsens tal-Partijiet kollha wara li jiġu kkonsultati l-Istati Kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 65 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Il-proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward tal-invalidità jew tat-terminazzjoni ta’ trattat, tal-ħruġ ta’ Parti jew tas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ trattat”, jipprovdi:

“1.      Il-Parti li, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, tallega difett fir-rigward tal-kunsens tagħha li tintrabat bi trattat jew raġuni sabiex tikkontesta l-validità ta’ trattat, sabiex titterminah, sabiex toħroġ minnu jew sabiex tissospendi l-applikazzjoni tiegħu, għandha tinnotifika l-pretensjoni tagħha lill-Partijiet l-oħra. In-notifika għandha tinkludi l-miżura li jkun qiegħed jiġi propost li tittieħed fir-rigward tat-trattat u r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

2.      Jekk, wara terminu li, ħlief fil-każijiet ta’ urġenza partikolari, ma għandux ikun ta’ inqas minn tliet xhur minn meta tkun waslet in-notifika, ebda Parti ma tkun qajmet oġġezzjoni, il-Parti li tkun għamlet in-notifika għandha tkun tista’ tadotta, bil-mod previst fl-Artikolu 67, il-miżura li tkun ipproponiet.

3.      Jekk, għall-kuntrarju, waħda mill-Partijiet l-oħra tkun qajmet oġġezzjoni, il-Partijiet ikollhom ifittxu soluzzjoni permezz tal-mezzi indikati fl-Artikolu 33 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        L-Artikolu 67 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“1.      In-notifika prevista fl-Artikolu 65(1) għandha ssir bil-miktub.

2.      Kull att li jiddikjara trattat invalidu, li jitterminah, li joħroġ minnu jew li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu konformement mad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew mal-Artikolu 65(2) jew (3), għandu jitwettaq permezz ta’ strument li għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet l-oħra. Jekk l-istrument ma jkunx iffirmat mill-Kap tal-Istat, mill-Kap tal-Gvern jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, ir-rappreżentant tal-Istat li jikkomunika dan l-istrument jista’ jiġi mistieden jiġġustifika s-setgħa tiegħu li jiffirmah.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Revoka tan-notifiki u tal-istrumenti msemmija fl-Artikoli 65 u 67”), jipprovdi:

“In-notifiki jew l-istrumenti previsti fl-Artikoli 65 u 67 jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe mument qabel ma jidħlu fis-seħħ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

C.      Id-dritt tar-Renju Unit. Il-European Union (Withdrawal) Act 2018 (4)

11.      Skont l-Artikolu 13:

“1.      Il-ftehim dwar il-ħruġ jista’ jiġi rratifikat biss jekk:

(a)      Ministru tal-Kuruna jkun ippreżenta quddiem kull Kamra tal-Parlament:

(i)      dikjarazzjoni li ntlaħaq ftehim politiku,

(ii)      kopja tal-ftehim dwar il-ħruġ li ġie nnegozjat, u

(iii)      kopja tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri,

(b)      il-ftehim dwar il-ħruġ li ġie nnegozjat u l-qafas għar-relazzjonijiet futuri jkunu ġew approvati permezz ta’ riżoluzzjoni tal-House of Commons fuq mozzjoni mressqa minn Ministru tal-Kuruna,

(c)      tkun tressqet mozzjoni fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna sabiex il-House of Lords tieħu nota tal-ftehim dwar il-ħruġ li ġie nnegozjat u tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri, u

(i)      il-House of Lords tkun iddiskutiet il-mozzjoni, jew

(ii)      il-House of Lord ma tkunx ikkonkludiet dibattitu dwar il-mozzjoni qabel it-tmiem ta’ perijodu ta’ ħamest ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mill-ewwel jum ta’ sessjoni tal-House of Lords wara l-jum li fih il-House of Commons tgħaddi r-riżoluzzjoni msemmija fil-punt (b), u

(d)      ikun ġie adottat Act of Parliament (Att tal-Parlament) li jinkludi dispożizzjoni għall-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ.

2.      Sa fejn ikun possibbli fil-prattika, Ministru tal-Kuruna għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex il-mozzjoni msemmija fil-paragrafu (1)(b) tkun is-suġġett ta’ dibattitu u ta’ vot mill-House of Commons qabel ma l-Parlament Ewropew jiddeċiedi jekk huwiex ser jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehim dwar il-ħruġ li jkun qiegħed jiġi konkluż f’isem l-Unjoni konformement mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

3.      Il-paragrafu 4 għandu japplika fil-każ li l-House of Commons tiddeċiedi li ma tgħaddix ir-riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b).

4.      Ministru tal-Kuruna għandu, f’perijodu ta’ 21 jum li jibda mill-jum li fih il-House of Commons tiddeċiedi li ma tgħaddix ir-riżoluzzjoni, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika kif il-Gvern tal-Maestà Tagħha jipproponi li jipproċedi fir-rigward tan-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni taħt l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[…]

6.      Ministru tal-Kuruna għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex:

(a)      mozzjoni redatta f’termini newtrali, fis-sens li l-House of Commons ikkunsidrat il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, titressaq fil-House of Commons minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Commons li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni, u

(b)      mozzjoni, sabiex il-House of Lords tieħu nota tad-dikjarazzjoni, titressaq fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni.

7.      Il-paragrafu 8 għandu japplika jekk il-Prim Ministru jagħmel dikjarazzjoni qabel it-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019 li ma jista’ jintlaħaq ebda qbil fuq livell ta’ prinċipju fil-kuntest tan-negozjati taħt l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward:

(a)      tal-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u

(b)      tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-ħruġ.

8.      Ministru tal-Kuruna għandu, f’perijodu ta’ 14-il jum li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 7:

(a)      jagħmel dikjarazzjoni li tindika kif il-Gvern tal-Maestà Tagħha jipproponi li jipproċedi, u

(b)      jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex:

(i)      mozzjoni redatta f’termini newtrali, fis-sens li l-House of Commons ikkunsidrat il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Commons minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Commons li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), u

(ii)      mozzjoni, sabiex il-House of Lords tieħu nota tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a).

[…]

10.      Il-paragrafu 11 għandu japplika jekk, fit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019, ma jkun hemm ebda qbil fuq livell ta’ prinċipju fil-kuntest tan-negozjati taħt l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward:

(a)      tal-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u

(b)      tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-ħruġ.

11.      Ministru tal-Kuruna għandu, f’perijodu ta’ ħamest ijiem mit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019:

(a)      jagħmel dikjarazzjoni li tindika kif il-Gvern tal-Maestà Tagħha jipproponi li jipproċedi, u

(b)      jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex:

(i)      mozzjoni redatta f’termini newtrali, fis-sens li l-House of Commons ikkunsidrat il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Commons minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ ħamest ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Commons li jibda mit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019, u

(ii)      mozzjoni, sabiex il-House of Lords tieħu nota tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ ħamest ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019.

[…]”

II.    Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12.      Fit-23 ta’ Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvotaw f’referendum favur (b’riżultat ta’ 51.9 % favur u 48.1 % kontra) il-ħruġ (“exit”) tal-pajjiż tagħhom mill-Unjoni.

13.      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2017, Miller (5), is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit, ir-Renju Unit) iddeċidiet li l-Gvern Brittaniku kien jeħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament sabiex jinnotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni. Madankollu, din is-sentenza ma ħaditx pożizzjoni dwar ir-revokabbiltà ta’ din in-notifika għaliex din ma kinitx inkwistjoni: għall-partijiet f’dik it-tilwima kien paċifiku li din in-notifika kienet irrevokabbli (6).

14.      Fit-13 ta’ Marzu 2017, il-Parlament Brittaniku adotta l-European Union (Notification of Withdrawal) Act 2017 (7), li permezz tagħha awtorizza lill-Prim Ministru jinnotifika l-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) TUE.

15.      Fid-29 ta’ Marzu 2017, il-Prim Ministru tar-Renju Unit ippreżentat lill-Kunsill Ewropew in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.

16.      Fid-29 ta’ April 2017, il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50 TUE) adotta l-linji gwida li jiddefinixxu l-qafas tan-negozjati previsti fl-Artikolu 50 TUE u li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali li għandhom jinżammu mill-Unjoni fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati (8). Fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill approva, fit-22 ta’ Mejju 2017, konformement mal-Artikolu 50 TUE u mal-Artikolu 218(3) TFUE, id-deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar il-ħruġ mill-Unjoni u mill-KEEA (9).

17.      Fl-14 ta’ Novembru 2018 in-negozjati ngħalqu b’abbozz ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (10). Fit-22 ta’ Novembru 2018 imbagħad ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit (11). Dan il-ftehim u din id-dikjarazzjoni ġew aċċettati mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Novembru 2018.

18.      Qabel ma jiġu konklużi b’suċċess il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ ftehim fir-Renju Unit u fl-Unjoni, jibqgħu possibbli ż-żewġ alternattivi msemmija fl-Artikolu 50(3) TUE.

19.      Fid-19 ta’ Diċembru 2017, diversi deputati tal-Parlament Skoċċiż, tal-Parlament tar-Renju Unit u tal-Parlament Ewropew ippreżentaw, quddiem il-Court of Session, Outer House (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede tal-Ewwel Istanza, l-Iskozja, ir-Renju Unit), rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) sabiex jiġi kkjarifikat jekk in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tistax tiġi rrevokata unilateralment qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sentejn previst fl-Artikolu 50 TUE, b’tali mod li, fil-każ li jkun hemm din ir-revoka, ir-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni.

20.      Dan ir-rikors ġie miċħud mil-Lord Ordinary (l-Imħallef tal-Ewwel Istanza, l-Iskozja, ir-Renju Unit) b’deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2018 (12), peress li qies li kien jikkonċerna s-sovranità tal-Parlament Brittaniku u kien iqajjem domanda ipotetika fid-dawl tal-fatt li ma kienx hemm indizji li jindikaw ir-rieda tal-Gvern Brittaniku jew tal-Parlament Brittaniku li jirrevokaw in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.

21.      Ir-rikorrenti appellaw quddiem il-Court of Session, Inner House (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, l-Iskozja, ir-Renju Unit), li awtorizzat it-tkomplija tal-proċedura permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2018 (13), filwaqt li bagħtet il-kawża lura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

22.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2018 (14), il-Lord Ordinary (l-Imħallef tal-Ewwel Istanza) fi ħdan il-Court of Session (il-Qorti Suprema Ċivili, l-Iskozja, ir-Renju Unit) ċaħad it-talba sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ċaħad ir-rikors (15).

23.      Ir-rikorrenti appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Session, Inner House, First Division (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla, l-Iskozja, ir-Renju Unit) li, minbarra li aċċettat l-ammissibbiltà tal-appell, iddeċidiet, permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Settembru 2018 (16), li tilqa’ t-talba li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

24.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju:

–      Tqis li d-domanda dwar jekk in-notifika tistax tiġi rrevokata unilateralment b’mod legali, b’tali mod li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni, la hija prematura u lanqas akkademika.

–      Tenfasizza l-inċertezza li teżisti fir-rigward ta’ dan il-punt u tindika li r-risposta ser tippermetti lid-deputati tar-Renju Unit jifformaw idea tal-għażliet disponibbli fil-mument meta jiġu sabiex jivvotaw. Fil-fehma tagħha, irrispettivament mill-kwistjoni tal-interess li jista’ jkollhom id-deputati tal-Parlament Skoċċiż u tal-Parlament Ewropew fis-soluzzjoni għal din il-kwistjoni, huwa ċert li d-deputati tal-Parlament Brittaniku għandhom tali interess.

25.      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-qorti tar-rinviju qieset li fis-26 ta’ Ġunju 2018 ingħatat l-approvazzjoni rjali fir-rigward tal-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018, li l-Artikolu 13 tagħha jirregola fid-dettall l-approvazzjoni mill-Parlament tal-eżitu tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE. B’mod partikolari, il-ftehim dwar il-ħruġ jista’ jiġi rratifikat biss jekk ikun ġie approvat, flimkien mal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tar-Renju Unit mal-Unjoni, permezz ta’ riżoluzzjoni tal-House of Commons, u jekk it-tnejn li huma, jiġifieri l-ftehim u l-qafas, ikunu s-suġġett ta’ dibattitu fil-House of Lords. Fil-każ li ma tingħatax l-approvazzjoni, il-Gvern ikollu jagħmel dikjarazzjoni dwar kif jipproponi li għandu jipproċedi fir-rigward tan-negozjati. Fil-każ li, qabel il-21 ta’ Jannar 2019, il-Prim Ministru jiddikjara li ma kienx possibbli jintlaħaq qbil fuq livell ta’ prinċipju, il-Gvern ser ikollu jerġa’ jagħmel dikjarazzjoni dwar kif jipproponi li għandu jipproċedi. Din il-proposta għandha titressaq quddiem iż-żewġ kmamar tal-Parlament.

26.      L-Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018 jindika li, fil-każ li l-House of Commons tirrifjuta l-ftehim dwar il-ħruġ, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2019, bla ħsara għal ċirkustanzi ġodda. Dan għandu jseħħ ukoll jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar il-ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni qabel din id-data.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Session, Inner House, First Division (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti (17):

“Meta, konformement mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Stat Membru jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, id-dritt tal-Unjoni jippermetti li din in-notifika tiġi rrevokata unilateralment mill-Istat Membru li jinnotifika; u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet u b’liema effett fir-rigward tal-Istat Membru li jibqa’ fl-Unjoni Ewropea?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Id-digriet tar-rinviju wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2018.

29.      Il-qorti tar-rinviju talbet li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ttrattata bil-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tan-natura urġenti tal-kawża, sa fejn id-dibattiti u l-votazzjoni sussegwenti fil-Parlament dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni għandhom iseħħu fi żmien li jiġi suffiċjentement qabel id-29 ta’ Marzu 2019.

30.      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba, permezz tad-digriet tad-19 ta’ Ottubru 2018, filwaqt li ġġustifika l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa fuq il-bażi tal-ħtieġa li tiġi kkjarifikata l-portata tal-Artikolu 50 TUE qabel il-membri tal-parlament nazzjonali jiddeċiedu dwar il-ftehim dwar il-ħruġ u fuq il-bażi tal-importanza fundamentali ta’ din id-dispożizzjoni, kemm għar-Renju Unit u kemm għall-ordni kostituzzjonali tal-Unjoni (18).

31.      Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (Wightman et, kif ukoll minn Tom Brake u Chris Leslie), mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill. Dawn kollha pparteċipaw fis-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2018.

IV.    L-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

32.      Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. Il-Kummissjoni tesprimi dubji f’dan ir-rigward iżda ma ressqitx eċċezzjoni formali ta’ inammissibbiltà.

33.      Fil-qosor, il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit hija s-segwenti:

–      Id-domanda hija inammissibbli minħabba n-natura ipotetika u teoretika (akkademika) tagħha, sa fejn ma hemm l-ebda indizju li l-Gvern Brittaniku jew il-Parlament Brittaniku ser jirrevokaw in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.

–      Jekk tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, dan imur kontra s-sistema ta’ rimedji prevista fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, li ma jipprevedux il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ta’ natura kostituzzjonali, bħalma huwa l-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni.

34.      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija esklużivament il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha ġġorr ir-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minnha, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fil-każ li dawn id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza.

35.      Skont din l-istess ġurisprudenza, huwa biss meta jirriżulta b’mod evidenti li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ validità ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-kwistjoni tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn korp ġudizzjarju nazzjonali (19).

36.      Fil-fehma tiegħi, din il-kawża ma tissodisfa ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li huma indispensabbli sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi miċħud f’dan l-istadju.

37.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tassumi li l-qorti tar-rinviju adottat id-digriet tar-rinviju konformement mad-dispożizzjonijiet proċedurali, mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u mad-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-qrati fis-seħħ fid-dritt nazzjonali tagħha (20). B’mod konkret, ma hemmx lok li jiġi kkontestat li l-mekkaniżmu proċedurali tal-istħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”), kif applikat fl-Iskozja (21), jiġġustifika f’dan il-każ partikolari (bħal f’każijiet oħra li diġà ġew deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja) (22) kemm il-fatt li sar rinviju għal deċiżjoni preliminari u kemm id-deċiżjoni eventwali li trid tingħata mill-qorti li tkun għamlet dan ir-rinviju (23).

38.      Fit-tieni lok, it-tilwima hija reali u fil-kuntest tagħha hemm konfrontazzjoni ċara bejn pożizzjonijiet legali opposti, sostnuti mill-partijiet opposti. Hemm verament kunflitt proċedurali awtentiku pendenti li fil-kuntest tiegħu qegħdin jitqajmu argumenti u pożizzjonijiet kunfliġġenti:

–      Ir-rikorrenti jitolbu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-Artikolu 50 TUE jawtorizza r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, filwaqt li jitolbuha tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni.

–      Il-Gvern Brittaniku joġġezzjona għal din it-talba.

39.      Fit-tielet lok, id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija assolutament meħtieġa sabiex tinqata’ t-tilwima fil-kawża prinċipali. Jista’ jingħad saħansitra li din id-domanda tikkostitwixxi s-suġġett stess tal-imsemmija tilwima. Is-setgħa li jiġi interpretat, b’mod definittiv u uniformi, l-Artikolu 50 TUE tappartjeni lill-Qorti tal-Ġustizzja u għandu jsir sforz interpretattiv kunsiderevoli sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-artikolu jippermettix jew le r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Mingħajr l-għajnuna tal-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ikun diffiċli għall-qorti tar-rinviju li taqa’ t-tilwima li hija mitluba tiddeċiedi dwarha.

40.      Fir-raba’ lok, id-domanda magħmula ma hijiex sempliċement akkademika (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti sentenza fejn tinterpreta dispożizzjoni (l-Artikolu 50 TUE) li, fil-fatt, tinsab fil-proċess li tiġi applikata u li l-konsegwenzi legali futuri tagħha qegħdin joqorbu b’mod inevitabbli. Fil-fatt, l-għan tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa li tiġi stabbilita l-portata reali ta’ din id-dispożizzjoni f’sitwazzjoni ferm dubjuża (25).

41.      L-importanza fil-prattika, u mhux biss teoretika, tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija evidenti fid-dawl tar-riperkussjonijiet enormi legali, soċjali u politiċi tal-Brexit, kemm għar-Renju Unit u kemm għall-Unjoni, u kif ukoll għad-drittijiet taċ-ċittadini, kemm dawk Brittaniċi u kemm dawk li ma humiex ċittadini Brittaniċi, li ser jintlaqtu mill-ħruġ. Nenfasizza li din ma hijiex kwistjoni sempliċement akkademika li tikkonċerna biss lil numru żgħir ta’ speċjalisti fid-dritt tal-Unjoni: dak li qiegħed jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun ta’ importanza reali għar-Renju Unit u għall-Unjoni stess.

42.      Fil-ħames lok, naqbel mal-evalwazzjoni magħmula fid-digriet tar-rinviju li d-domanda ma hijiex prematura. Barra minn hekk, bħall-qorti tar-rinviju (26), jidhirli li l-mument ideali sabiex jiġu ċċarati d-dubji dwar ir-revokabbiltà jew le tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ huwa qabel, u mhux wara, jimmaterjalizza l-Brexit u r-Renju Unit jisfa’ suġġett, b’mod inevitabbli, għall-konsegwenzi tiegħu.

43.      Fis-sitt lok, id-domanda lanqas ma tista’ titqies li hija superfluwa jew li ma hijiex meħtieġa sa fejn ir-risposta ser tippermetti lid-deputati tal-Parlament tar-Renju Unit jifformaw idea tal-għażliet disponibbli fil-mument meta jiġu sabiex jivvotaw (27).

44.      Skont l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018, il-Parlament Brittaniku għandu, qabel il-21 ta’ Jannar 2019, jaċċetta jew jirrifjuta l-ftehim dwar il-ħruġ li jista’ jkun intlaħaq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni u, fl-assenza ta’ ftehim, għandu jieħu pożizzjoni dwar kif għandu jipproċedi l-Gvern Brittaniku. Fil-każ li tali ftehim jiġi rrifjutat jew fil-każ li ma jintlaħaqx tali ftehim, ir-Renju Unit mhux ser jibqa’ Membru tal-Unjoni fid-29 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bil-kunsens tar-Renju Unit, jiddeċiedi b’mod unanimu li jestendi t-terminu (Artikolu 50(3) TUE).

45.      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari ser tippermetti lill-Membri tal-Parlament Brittaniku jkunu jafu jekk għandhomx għażla oħra, it-tielet għażla, u mhux biss l-alternattivi attwalment disponibbli (rifjut jew approvazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ u dikjarazzjoni dwar l-azzjoni tal-Gvern Brittaniku fl-assenza ta’ tali ftehim). Din it-tielet possibbiltà tippermetti lill-Parlament iħeġġeġ lill-Gvern Brittaniku sabiex jirrevoka n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, b’tali mod li r-Renju Unit jibqa’ Parti fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u jibqa’ Membru tagħha (28).

46.      Fis-seba’ lok, dak li qiegħed jintalab mill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex sempliċi opinjoni, ta’ natura purament konsultattiva, kif tidher li qiegħda ssostni (b’ċerti riżervi) il-Kummissjoni. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija taċċetta li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tagħti d-“declarator” (29) li ntalbet mingħandha, iżda targumenta li din ser tkun biss ta’ natura konsultattiva u ma hijiex ser ikollha effetti immedjati bejn il-partijiet.

47.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni peress li, kif għadni kif għidt, id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jista’ jkollha effetti legali sa fejn ser tawtorizza lill-partijiet fil-kawża li huma Membri tal-Parlament Brittaniku jieħdu inizjattiva, ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni, favur ir-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.

48.      Il-Gvern Brittaniku wkoll isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti opinjoni konsultattiva dwar revoka ipotetika li huwa stess ma huwiex lest li jippreżenta. Fil-fehma tiegħu, it-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni ma jippermettux l-użu tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari f’din is-sitwazzjoni sa fejn l-Artikolu 50 TUE ma jipprevedix il-possibbiltà li tintalab l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’differenza minn dak li jipprevedi l-Artikolu 218(11) TFUE. Il-Gvern Brittaniku jżid li l-legalità ta’ din (l-eventwali) revoka għandha tiġi kkontestata permezz ta’ rikors dirett, għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew għal annullament, ġaladarba ssir fil-prattika. Opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każ daqstant politikament sensittiv bħalma huwa l-Brexit timplika, skont l-imsemmi gvern, indħil fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li għadhom qegħdin jiġu nnegozjati u li għandhom jittieħdu mill-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv tar-Renju Unit.

49.      Jiena lanqas ma naqbel ma’ dawn l-argumenti. Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tagħti opinjoni konsultattiva iżda hija mitluba tikkoopera mal-qorti tar-rinviju sabiex din tal-aħħar issib soluzzjoni għal tilwima reali li għandha quddiemha bejn żewġ partijiet b’pożizzjonijiet legali stabbiliti sew u li teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE. Fil-preżenza ta’ dubju dwar jekk il-proċedura stabbilita f’din id-dispożizzjoni tippermettix il-possibbiltà li n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiġi rrevokata unilateralment, il-qorti tar-rinviju għandha tagħti sentenza dikjarattiva, b’konsegwenzi importanti, li, min-naħa tagħha, tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-TUE.

50.      F’dan il-kuntest, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE huwa ideali sabiex tinstab soluzzjoni, minn qabel, għall-imsemmi dubju, jiġifieri mingħajr ma wieħed jistenna li ssir ir-revoka. Is-sempliċi ammissjoni tal-possibbiltà ta’ din ir-revoka, fil-każ li tiġi kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkollha, fiha nnifisha, effetti legali rilevanti sa fejn tiftaħ it-triq għall-invokazzjoni tagħha mill-Membri Parlamentari rikorrenti sabiex jadottaw pożizzjoni jew oħra.

51.      Għaldaqstant, meta tirrispondi għad-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ser teżerċita funzjonijiet konsultattivi iżda ser tagħti risposta konformi mal-funzjoni ġudizzjarja tagħha (jiġifieri l-funzjoni li tiddeċiedi x’inhi l-liġi), sabiex, fuq il-bażi ta’ din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni, f’sentenza b’effetti legali effettivi, dwar it-talba għal dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

52.      Meta tindirizza, f’dawn it-termini, id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ser tmur lil hinn mill-funzjoni mogħtija lilha mill-Artikoli 19 TUE u 267 TFUE. L-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 50 TUE ma timplikax indħil fil-proċess politiku tan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni sservi sabiex jiġi kkjarifikat, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, il-qafas legali ta’ dan il-ħruġ, li l-protagonisti attivi tiegħu huma l-poter eżekuttiv u l-poter leġiżlattiv tar-Renju Unit.

53.      Barra minn hekk, bħal f’każijiet oħra ta’ natura partikolarment sensittiva għall-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tabbanduna l-obbligi tagħha, billi tevita li tagħti risposta għal domanda magħmula b’mod korrett (jiġifieri konformement mal-Artikolu 267 TFUE), għas-sempliċi raġuni li din ir-risposta tista’ tinqara f’dawl politiku, u mhux strettament ġudizzjarju, minn xi parti jew oħra.

54.      Nirreferi, fl-aħħar nett, għas-sentenza American Express (30), iċċitata fid-digriet tar-rinviju, anki jekk biss sabiex nindirizza allegata kontradizzjoni bejn il-pożizzjoni attwali tiegħi u dik li ħadt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza (31). F’dawk il-konklużjonijiet, filwaqt li faħħart il-flessibbiltà tal-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”), iddikjarajt li madankollu kelli numru ta’ riżervi u kkritikajt il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġeneruża żżejjed meta laqgħet l-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari magħmula f’dawn it-tip ta’ proċeduri, “fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-validità tar-regoli tal-Unjoni”.

55.      F’dak il-każ, ħadt il-pożizzjoni li ma kienx hemm kunflitt reali bejn American Express u l-amministrazzjoni Brittanika: it-tnejn li huma kienu pproponew, bi qbil bejniethom, lill-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li huma stess kienu ppreparaw. Il-fatt li l-partijiet ma kellhomx pożizzjonijiet kontradittorji wera li ma kienx hemm tilwima reali iżda eżerċizzju proċedurali implimentat bi qbil bejniethom bil-għan biss li tinkiseb deċiżjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      Madankollu, kif urejt fil-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi, ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma jeżisti f’dan il-każ. Inżid ukoll li, b’xi mod jew ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li dak ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kien ammissibbli, minkejja l-kundizzjonijiet li għadni kemm semmejt.

57.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

V.      Analiżi tad-domanda preliminari

58.      Stat Membru (f’dan il-każ ir-Renju Unit) jista’ jirrevoka n-notifika tal-intenzjoni li joħroġ mill-Unjoni ladarba din tkun ġiet ikkomunikata lill-Kunsill Ewropew?

59.      Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 50 TUE ma jagħtix risposta espliċita għal din id-domanda li tidher tant sempliċi, jistgħu jitressqu tliet soluzzjonijiet: (a) le, fl-ebda każ; (b) iva, mingħajr ebda kundizzjoni; jew (c) iva, taħt ċerti kundizzjonijiet. Ir-raġunament sabiex tiġi ġġustifikata waħda jew l-oħra minn dawn is-soluzzjonijiet huwa, mingħajr ebda dubju, ikkumplikat, kif juri d-dibattitu li kien hemm fl-Istati Membri (u b’mod partikolari fir-Renju Unit) u fid-duttrina legali (32).

60.      Dan id-dibattitu estenda għal din il-kawża għal deċiżjoni preliminari fejn:

–      Ir-rikorrenti (Wightman et) u l-intervenjenti insostenn tagħhom (Tom Brake u Chirs Leslie) jargumentaw favur ir-revoka unilaterali, suġġetta għal kundizzjonijiet partikolari.

–      Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jaqblux mar-revoka unilaterali iżda jqisu li l-Artikolu 50 TUE jippermetti revoka (li ser niddeskrivi bħala b’kunsens) approvata b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew.

61.      Fil-verità, id-dibattitu huwa riflessjoni ta’ problema li feġġet sa mill-ewwel mumenti tal-ħolqien tad-dritt, kif nafuh illum, dwar l-effetti tad-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ rieda, meta dawn ikunu indirizzati lejn terzi, u dwar l-eventwali revoka ulterjuri tagħhom. F’dan ir-rigward, fid-dritt Ruman kien hemm kemm pożizzjonijiet riġidi (optione facta, ius eligendi consumitur) (33) kif ukoll pożizzjonijiet oħra iktar flessibbli, li kienu jaċċettaw l-irtirar jew ir-rinunzja ta’ tali dikjarazzjonijiet (mutatio consilii) sakemm ma jippreġudikawx jew jagħmlu ħsara lil terz.

62.      Fl-analiżi tal-mertu ta’ din il-kwistjoni, ser insegwi din il-linja ta’ argumenti:

–      Fl-ewwel lok, ser neżamina d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar il-ħruġ tal-Istati mit-trattati internazzjonali, inklużi dawk dwar ir-revoka tal-ħruġ. Minn dan l-eżami ser ikun jista’ jiġi konkluż jekk dawn id-dispożizzjonijiet japplikawx għal dan il-każ.

–      Fit-tieni lok, ser ngħaddi għal interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE, bħala lex specialis, sabiex niddetermina jekk, konformement ma’ dan l-artikolu, hemmx xi ħaġa li tipprekludi r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Jekk dan ikun il-każ, ser nanalizza r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri sabiex iwettqu tali revoka unilaterali.

–      Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-possibbiltà, imqajma mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, ta’ revoka b’kunsens.

A.      Ħruġ mit-trattati fid-dritt internazzjonali

1.      Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ir-regoli konswetudinarji u l-prattika tal-Istati dwar id-dritt ta’ ħruġ

63.      Peress li r-regolamentazzjoni tat-trattati internazzjonali hija bbażata fuq il-prinċipju pacta sunt servanda, ikkonfermat fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, l-Istati rreżistew l-aċċettazzjoni tad-dritt ta’ ħruġ unilaterali ta’ Stat li huwa Parti fi trattat internazzjonali. Għaldaqstant, l-Artikolu 42 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jistabbilixxi li “it-terminazzjoni ta’ trattat, ir-rinunzja tiegħu jew il-ħruġ ta’ Parti jistgħu jitwettqu biss bħala riżultat tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew ta’ din il-konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

64.      Il-possibbiltà ta’ ħruġ minn trattat hija prevista b’mod espliċitu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna:

–      L-Artikolu 54 jippermetti l-ħruġ ta’ Stat li jkun Parti “skont id-dispożizzjonijiet tat-trattat” inkwistjoni (34) jew “fi kwalunkwe ħin, bil-kunsens tal-Partijiet kollha wara li jiġu kkonsultati l-Istati Kontraenti l-oħra” (35).

–      L-Artikolu 56 jistabbilixxi li, jekk trattat ma jinkludix dispożizzjonijiet espliċiti dwar ir-rinunzja jew il-ħruġ, dan tal-aħħar ikun possibbli biss fil-każ li jirriżulta li kienet l-intenzjoni tal-Partijiet li jaċċettaw il-possibbiltà ta’ ħruġ jew jekk id-dritt ta’ ħruġ jista’ jiġi dedott min-natura tat-trattat (36).

65.      Għalkemm il-prattika internazzjonali ta’ ħruġ unilaterali minn trattati multilaterali ma kinitx abbundanti ħafna, xorta waħda kien hemm xi każijiet li jistgħu jittieħdu bħala eżempji. F’dawn l-aħħar snin din il-prattika żdiedet, minħabba r-riżervi ta’ ċerti gvernijiet li qegħdin joħduha kontra t-trattati internazzjonali u l-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali (37).

66.      Kien hemm ukoll każijiet ta’ ħruġ minn trattat għal perijodu ta’ żmien, segwit minn adeżjoni sussegwenti għal dan l-istess trattat. Wieħed mill-iktar każijiet rilevanti kien il-każ tal-pajjiżi Komunisti Ewropej li, fil-bidu tal-Gwerra Bierda, ħarġu mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza u għall-Kultura (UNESCO). Peress li t-trattati li jistabbilixxu dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali ma kienx fihom klawżola dwar il-ħruġ, l-Istati tal-Punent ħadu l-pożizzjoni li dan kien jiddependi mill-kunsens tal-Istati Partijiet l-oħra. Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, il-pajjiżi Komunisti argumentaw li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali, l-Istati ma jistgħux jkunu obbligati li jibqgħu Parti fi trattat kontra r-rieda tagħhom (38).

67.      Minħabba dawn l-avvenimenti, it-Trattat li jistabbilixxi l-UNESCO kien ġie emendat sabiex ġiet introdotta dispożizzjoni li stabbilixxiet id-dritt ta’ ħruġ unilaterali (39). Din il-klawżola ntużat mir-Renju Unit (li ħareġ mill-UNESCO fil-31 ta’ Diċembru 1985 u li reġa’ aderixxa magħha fl-1 ta’ Lulju 1997) u mill-Istati Uniti (li ħarġu fil-31 ta’ Diċembru 1984 u reġgħu aderixxew magħha fit-3 ta’ Ottubru 2003). Fl-2017, l-Istati Uniti reġgħu ħarġu minn din l-organizzazzjoni internazzjonali, kif għamel ukoll l-Iżrael (40).

68.      Fir-rigward tar-revoka tan-notifiki ta’ ħruġ minn trattati internazzjonali, minbarra numru ta’ preċedenti storiċi (41), hemm ukoll każijiet reċenti li jistgħu jkunu ta’ interess għal din il-kawża. Qiegħed nirreferi, b’mod konkret, għall-każijiet tal-Panama, tal-Gambja u tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel (42).

69.      Fid-19 ta’ Awwissu 2009, il-Gvern tal-Panama nnotifika (43) l-ħruġ tiegħu mit-Trattat li jikkostitwixxi l-Parlament tal-Amerika Ċentrali u Istanzi Politiċi Oħra (iktar ’il quddiem il-“Parlacen”) (44), filwaqt li invoka insostenn tiegħu l-Artikolu 54(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Fid-dawl tar-rifjut mill-Membri tal-Parlacen, il-Gvern tal-Panama talab lill-Asamblea Nacional (l-Assemblea Nazzjonali, il-Panama) tapprova l-Ley 78 (il-Liġi Nru 78), tal-11 ta’ Diċembru 2011, li kienet tirreferi għal din in-notifika u li kienet tannulla l-istrumenti tal-Panama li jirratifikaw dan it-trattat. Minkejja dan, il-Corte Suprema de Justicia de Panamá (il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Panama, il-Panama) iddikjarat li din il-liġi kienet tmur kontra l-kostituzzjoni sa fejn kienet tikser l-Artikolu 4 tal-Constitución panameña (il-Kostituzzjoni tal-Panama), li jipprovdi li “la República de Panamá acata las normas del derecho internacional” (“ir-Repubblika tal-Panama tosserva n-normi tad-dritt internazzjonali”), u dan sa fejn it-Trattat Parlacen ma kienx jinkludi klawżola espliċita dwar il-ħruġ u dan ma setax jitwettaq konformement mal-Artikoli 54 u 56 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (45). Bħala konsegwenza ta’ din is-sentenza, in-notifika ta’ ħruġ tal-Panama ġiet irrevokata u l-Panama reġgħet bdiet tipparteċipa fil-Parlacen (46).

70.      Iż-żewġ każijiet l-oħra jirreferu għat-Trattat li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), jiġifieri l-Istatut ta’ Ruma tal-1998 (47):

–      Il-Gvern tal-Gambja, fi Frar 2017, wara li laħaq President ġdid, irrevoka n-notifika ta’ ħruġ li kienet saret f’Novembru 2016 (48).

–      Il-Gvern tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, li f’Ottubru 2016 kien innotifika l-ħruġ tiegħu mill-Istatut ta’ Ruma (49), indika, f’Marzu 2017 (50), li kien qiegħed jirrevoka din in-notifika, u dan minħabba l-annullament tagħha mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Afrika t’Isfel) (51).

71.      Fid-dawl ta’ din il-prattika internazzjonali, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-possibbiltà ta’ revoka ta’ notifiki ta’ ħruġ kisbitx in-natura ta’ regola konswetudinarja internazzjonali. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jipprovdi li n-notifiki jew l-istrumenti previsti fl-Artikoli 65 u 67 jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe mument qabel jidħlu fis-seħħ, jirrifletti regola konswetudinarja tad-dritt internazzjonali?

72.      L-Artikoli 65 sa 68 jifformaw it-Taqsima 4 tal-Parti V tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tinkludi d-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għall-każijiet ta’ invalidità, terminazzjoni, ħruġ u sospensjoni ta’ trattati.

–      L-Artikolu 65 jobbliga lill-Istat li jkun jixtieq joħroġ minn trattat jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Istati Partijiet l-oħra, filwaqt li jispjega l-miżura li jipproponi li għandha tiġi adottata fir-rigward tat-trattat u r-raġunijiet li fuqhom ikun qiegħed jibbaża dan. Dawn l-Istati l-oħra għandhom terminu minimu ta’ tliet xhur sabiex iressqu oġġezzjonijiet għall-ħruġ.

–      Fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet, l-Artikolu 67 jippermetti lill-Istat li jkun jixtieq joħroġ mit-trattat jifformalizza bil-miktub l-istrument ta’ ħruġ tiegħu, li għandu jikkomunikah lill-Istati Partijiet l-oħra.

–      Skont l-Artikolu 68, “in-notifiki jew l-istrumenti previsti fl-Artikoli 65 u 67 jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe mument qabel ma jidħlu fis-seħħ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

73.      L-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna kien ġie adottat, mingħajr voti kontra, mill-Istati li pparteċipaw fil-konferenza intergovernattiva li fformulat din il-konvenzjoni, fuq il-bażi tal-abbozz ta’ artikoli tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali, li fil-kuntest tagħha lanqas ma kien hemm nuqqas ta’ qbil dwaru (52).

74.      Dan il-fatt jista’ jagħti x’jifhem li l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkodifika regola konswetudinarja (53). Madankollu, din id-dispożizzjoni, li tidher li hija marbuta mal-Artikoli 65 u 67, tista’ titqies pjuttost li hija regola ta’ natura proċedurali li tirrifletti żvilupp progressiv u mhux il-kodifikazzjoni ta’ konswetudni internazzjonali (54). Din kienet l-evalwazzjoni magħmula fir-rigward tal-Artikolu 65 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Racke (55) u, fil-fehma tiegħi, din l-istess evalwazzjoni tista’ tiġi applikata għall-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (għalkemm nirrikonoxxi li hemm diskrepanzi dwar dan) (56).

75.      F’din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza relattiva, li ma hijiex iċċarata mill-prattika reċenti tal-Istati dwar ir-revoki ta’ notifiki ta’ ħruġ mit-trattati internazzjonali, huwa fil-fehma tiegħi diffiċli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara li l-kontenut tal-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkostitwixxi regola konswetudinarja fis-seħħ, jiġifieri regola fis-sens li jistgħu jiġu rrevokati, b’mod unilaterali, in-notifiki ta’ ħruġ minn trattat magħmula minn Stat Membru, sal-mument li dawn in-notifiki jidħlu fis-seħħ.

76.      Madankollu, irrispettivament minn jekk huwiex jew le regola konswetudinarja tad-dritt internazzjonali, l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna huwa, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni, sors mhux negliġibbli ta’ ispirazzjoni, kif ser nispjega fil-punti segwenti.

2.      Applikazzjoni għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-ħruġ minn trattati

77.      Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-ħruġ minn trattati internazzjonali japplikaw għall-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni? F’dan il-każ, x’relazzjoni jista’ jkun hemm bejn il-Konvenzjoni ta’ Vjenna u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 TUE?

78.      It-TUE huwa trattat internazzjonali konkluż bejn Stati u, fl-istess ħin, strument li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali (l-Unjoni Ewropea). Bħala tali, it-TUE huwa suġġett għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, skont l-Artikolu 5 tagħha (57). Madankollu, għandu jitfakkar li l-Unjoni ma hijiex Parti fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna, bħalma lanqas ma huma wħud mill-Istati Membri tagħha (Franza, ir-Rumanija). Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-ħruġ minn trattat u r-revoka possibbli tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ma japplikawx għad-dritt tal-Unjoni bħala regoli internazzjonali ta’ natura konvenzjonali.

79.      Minkejja dan, ir-regoli konswetudinarji internazzjonali jorbtu lill-Istati Membri u lill-Unjoni u jistgħu jkunu sors ta’ drittijiet u obbligi fid-dritt tal-Unjoni (58).

80.      Wara li esponejt ir-riżervi tiegħi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-regola tar-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ minn trattati, stabbilita fl-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, bħala regola konswetudinarja internazzjonali, ma huwiex fil-fehma tiegħi possibbli li din tintuża bħala bażi legali sabiex Stat Membru joħroġ mill-Unjoni f’kuntest ieħor għajr il-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE.

81.      Fil-fatt, fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni hemm klawżola espliċita dwar il-ħruġ (l-Artikolu 50 TUE), li tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-regoli konvenzjonali (Artikoli 54, 56 u 64 sa 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna) tad-dritt internazzjonali dwar din il-kwistjoni. Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ Stat Membru mit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni għandu bħala prinċipju jitwettaq konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 50 TUE.

82.      Madankollu, ma hemm xejn li jipprekludi interpretazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 54, 56, 65, 67 u, b’mod partikolari, 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna sabiex jinstiltu gwidi interpretattivi li jikkontribwixxu sabiex jiġu kkjarifikati d-dubji dwar il-kwistjonijiet li ma humiex indirizzati espliċitament mill-Artikolu 50 TUE. Dan japplika fir-rigward tar-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ, kwistjoni din li fir-rigward tagħha l-Artikolu 50 TUE ma jgħid xejn.

83.      Ma hemm xejn barra minn normal f’din ir-relazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja użat id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar l-interpretazzjoni tat-trattati u, b’mod partikolari, l-Artikoli 31 u 32 tagħha (59), sabiex tiċċara t-tifsira tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (60), tat-trattati internazzjonali konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi, tar-regoli tad-dritt sekondarju (61) kif ukoll tat-trattati bilaterali bejn Stati Membri meta tressqet quddiemha tilwima dwarhom bis-saħħa ta’ klawżola li tattribwixxilha ġurisdizzjoni (Artikolu 273 TFUE) (62).

84.      F’dan il-każ, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 50 TUE, li jirregola d-dritt ta’ ħruġ. Din il-possibbiltà, l-istess bħar-reviżjoni (l-Artikolu 48 TUE), l-adeżjoni (l-Artikolu 49 TUE) u r-ratifika (l-Artikolu 54 TUE) tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, hija marbuta mal-oriġini ta’ dawn it-trattati u tirrappreżenta kwistjoni tipika tad-dritt internazzjonali.

85.      L-Artikolu 50 TUE, li l-formulazzjoni tiegħu kienet ispirata mill-Artikoli 65 sa 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (63), huwa, kif diġà għidt, lex specialis fil-konfront tar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali dwar il-ħruġ minn trattati, iżda ma huwiex dispożizzjoni awtosuffiċjenti li tirregola b’mod eżawrjenti d-dettalji individwali kollha ta’ din il-proċedura ta’ ħruġ (64). Għaldaqstant, ma hemm xejn li jipprekludi li, sabiex jimtlew il-lakuni tal-Artikolu 50 TUE, tingħata ħarsa lejn l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, anki jekk dan ma jirriflettix, fil-veru sens tal-kelma, regola konswetudinarja internazzjonali.

B.      Ir-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE

86.      Il-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE, introdott f’dan it-trattat permezz tar-riforma magħmula bit-Trattat ta’ Lisbona, tibda bid-deċiżjoni ta’ ħruġ li l-Istat Membru għandu jadotta “skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu”.

87.      Il-fażijiet ulterjuri ta’ din il-proċedura ġew deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod: “dan l-artikolu jipprovdi proċedura ta’ rtirar li tinkludi, l-ewwel nett, in-notifika lill-Kunsill Ewropew tal-intenzjoni ta’ rtirar, it-tieni nett, in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-irtirar b’kunsiderazzjoni għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Istat ikkonċernat u l-Unjoni u, it-tielet nett, l-irtirar mill-Unjoni stess mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun ingħatat in-notifika lill-Kunsill Ewropew, ħlief jekk dan tal-aħħar, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, jiddeċiedi unanimament li jestendi dan il-perijodu” (65).

88.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-fatt li ma jgħid xejn dwar din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 50 TUE jippermettix jew le r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, għandhom jiġu applikati t-tekniki ta’ interpretazzjoni normalment użati mill-Qorti tal-Ġustizzja (66) u, sussidjarjament, għal dawk previsti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

89.      Ngħid diġà li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 50 TUE jippermetti r-revoka unilaterali mill-Istat Membru li jagħmel in-notifika, sal-mument li fih jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ mill-Unjoni.

1.      Interpretazzjoni litterali u kuntestwali tal-Artikolu 50 TUE

90.      B’mod ġenerali, huwa possibbli kemm l-argument li dak kollu li l-liġi ma tipprojbixxix huwa permess u kemm l-argument li s-silenzju tal-liġi jimplika l-assenza tad-dritt (67). Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 50 TUE ma jipprovdix risposta diretta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, il-kriterju litterali fil-verità ma jistax jiġi applikat u dan l-artikolu għandu jiġi analizzat fil-kuntest tiegħu, fis-sens li t-tifsira tiegħu għandha tiġi mistħarrġa fid-dawl tar-ratio tiegħu, fil-kuntest normattiv usa’ tiegħu.

91.      L-Artikolu 50(1) TUE jirregola l-ewwel fażi tal-proċedura filwaqt li jindika li “[k]ull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni”. Għaldaqstant, din l-ewwel fażi (nazzjonali) tiddependi esklużivament mill-Istat Membru inkwistjoni, sa fejn il-ħruġ huwa dritt irrikonoxxut lil kull Stat li huwa Parti fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

92.      Id-deċiżjoni ta’ ħruġ, adottata unilateralment fl-eżerċizzju tas-sovranità tal-Istat Membru inkwistjoni (68), hija suġġetta biss, skont l-Artikolu 50 TUE, għall-kundizzjoni li din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru. L-obbligu li l-intenzjoni ta’ ħruġ tiġi nnotifikata lill-Kunsill Ewropew u t-terminu ta’ sentejn sabiex jiġi nnegozjat il-ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ huma elementi ta’ natura formali biss u ma jillimitawx in-natura unilaterali tad-deċiżjoni inizjali ta’ ħruġ.

93.      Kif diġà spjegajt, il-formulazzjoni tad-dritt ta’ ħruġ fl-Artikolu 50 TUE hija ispirata mir-regoli tad-dritt internazzjonali (b’mod partikolari mill-Artikoli 54 u 56 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna). Dan, fil-fehma tiegħi, huwa loġiku, sa fejn il-ħruġ minn trattat internazzjonali, mid-definizzjoni tiegħu stess, huwa att unilaterali ta’ Stat Parti. L-istess bħas-setgħa li jiġi konkluż trattat (treaty making power), id-dritt li ma jibqax marbut (ħruġ jew rinunzja) minn trattat li fih Stat ikun Parti jikkostitwixxi manifestazzjoni tas-sovranità ta’ dan l-Istat. Ladarba d-deċiżjoni ta’ Stat li jikkonkludi trattat hija unilaterali, hekk ukoll hija d-deċiżjoni li joħroġ minnu.

94.      In-natura unilaterali tad-deċiżjoni ta’ ħruġ timmilita favur il-possibbiltà ta’ revoka unilaterali tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, sal-mument li din tipproduċi l-effetti definittivi tagħha. Minn din il-perspettiva, ir-revoka unilaterali tkun ukoll manifestazzjoni tas-sovranità tal-Istat inkwistjoni, li jkun qiegħed jagħżel li jirrinunzja għad-deċiżjoni inizjali tiegħu.

95.      Għalhekk, in-natura unilaterali tal-ewwel fażi testendi wkoll, fil-fehma tiegħi, għat-tieni stadju tal-proċedura tal-Artikolu 50 TUE, jiġifieri għall-fażi tan-negozjati, li tibda bin-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ lill-Kunsill Ewropew u li tagħlaq malli jgħaddu sentejn, sakemm dan it-terminu ma jiġix estiż permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew. Huwa minnu, madankollu, li, f’din it-tieni fażi, in-natura unilaterali tidher li hija kontrabbilanċjata mill-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li ser nindirizzah iktar tard.

96.      Favur ir-rikonoxximent tar-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ jistgħu jitressqu, fil-fehma tiegħi, ir-raġunijiet segwenti li, bħala argument, huma iktar b’saħħithom minn dawk kontra (għalkemm ikolli nammetti li r-raġunijiet kontra ma humiex mingħajr piż).

97.      Fl-ewwel lok, l-obbligi sostantivi u proċedurali li l-Artikolu 50 TUE jimponi fuq l-Istat Membru li jagħżel li joħroġ huma ftit ħafna:

–      Dan l-Istat Membru għandu jinnotifika (wieħed għandu jifhem li dan għandu jsir bil-miktub, għalkemm dan ma huwiex speċifikat) l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew, għalkemm ma huwiex obbligat jiġġustifikaha jew jesponi r-raġunijiet li wassluh sabiex joħroġ mill-Unjoni.

–      L-Istat Membru għandu jistenna sentejn min-notifika, li mal-iskadenza tagħhom jista’ joħroġ mill-Unjoni mingħajr xejn iktar (69), sa fejn il-konklużjoni ta’ ftehim ma hijiex rekwiżit sabiex jimmaterjalizza l-ħruġ (70).

98.      Dawn il-karatteristiċi tal-fażi ta’ negozjati huma l-ewwel indizju tal-fatt li l-Istat li għamel in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiegħu jżomm, matul it-terminu ta’ sentejn, il-kontroll tiegħu, sabiex insejjaħlu hekk, fuq ir-rieda espressa f’din in-notifika. Bħalma jiġri f’oqsma oħra tad-dritt, fl-assenza ta’ projbizzjoni espliċita jew ta’ regola li tipprovdi mod ieħor, min ikun għamel unilateralment dikjarazzjoni ta’ rieda indirizzata lil terz jista’ jirtiraha sal-mument li fih, bl-aċċettazzjoni tad-destinatarju, riflessa f’att jew fil-konklużjoni ta’ kuntratt, jimmaterjalizzaw l-effetti tagħha.

99.      Fit-tieni lok, l-Artikolu 50(2) TUE jindika li l-“Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu”, u b’hekk idaħħal fis-seħħ it-tieni fażi tal-proċedura. Dan l-artikolu jitkellem dwar in-notifika tal-“intenzjoni” ta’ ħruġ u mhux dwar il-ħruġ innifsu, peress li l-ħruġ jista’ jseħħ biss bis-saħħa tal-ftehim jew, fl-assenza ta’ ftehim, wara li jintemm il-perijodu ta’ sentejn.

100. L-intenzjonijiet ma humiex definittivi u jistgħu jinbidlu. Min jinnotifika lil terz l-intenzjoni tiegħu jista’ joħloq, għal dan it-terz, aspettattiva iżda ma jassumix obbligu li jżomm din l-intenzjoni b’mod irrevokabbli. Sabiex ikollha dan l-effett, huwa meħtieġ li l-komunikazzjoni ta’ din l-intenzjoni tinkludi riferiment espliċitu għal din in-natura irrevokabbli.

101. Huwa minnu li dan l-argument, ta’ natura pjuttost testwali, ma għandux is-saħħa li jidher li għandu prima facie, u dan sa fejn l-Artikolu 50(2) TUE juża huwa stess il-kelma deċiżjoni (l-“Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika […] bl-intenzjoni tiegħu), kif jagħmel l-Artikolu 50(1) TUE (“Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi”). Issa, l-Artikolu 50(2) seta’ juża l-espressjoni “jinnotifika din id-deċiżjoni” (jew espressjoni oħra simili), minflok “jinnotifika l-intenzjoni tiegħu”. Xi tip ta’ importanza għandha tingħata lil din l-espressjoni tal-aħħar li, mingħajr ebda dubju, ma kinitx ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ attenzjoni.

102. Fil-fatt, huwa permissibbli li wieħed jaħseb li l-użu tal-kelma “intenzjoni” u tal-verb fil-preżent (“li jiddeċiedi” u mhux “li ddeċieda”) fl-Artikolu 50(2) TUE jawtorizza lill-Istat “jerġa’ lura” matul il-proċedura u ma jeżegwixxix l-intenzjoni inizjali ta’ ħruġ tiegħu, dejjem konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu (71).

103. Fit-tielet lok, hemm relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-ewwel fażi u t-tieni fażi tal-proċedura, li tirrifletti wkoll kif il-predominanza tan-natura unilaterali fl-ewwel fażi taffettwa l-fażi suċċessiva. In-negozjati jistgħu jibdew biss wara n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, u għal dan l-iskop huwa essenzjali li l-Istat Membru jkun aġixxa konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu.

104. Issa, id-deċiżjoni ta’ ħruġ tista’ tiġi annullata jekk l-entità li jkollha l-awtorità tannullaha (b’mod ġenerali l-ogħla qrati ta’ kull Stat) tiddikjara li din id-deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali. F’tali sitwazzjoni, jidhirli li huwa ċar li l-Istat li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu għandu jikkomunika wkoll li qiegħed jirrevoka unilateralment din in-notifika minħabba li d-deċiżjoni inizjali tiegħu ma kinitx tissodisfa rekwiżit indispensabbli.

105. Għalkemm is-sitwazzjoni ma hijiex eżattament l-istess bħal dik deskritta fil-punt preċedenti, jekk, bħala konsegwenza ta’ azzjoni konkluża skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu (pereżempju, referendum, vot importanti fil-Parlament, iż-żamma ta’ elezzjonijiet ġenerali b’maġġoranza kontra, fost ipoteżijiet oħra), id-deċiżjoni inizjali tal-Istat Membru tinbidel u tisfa’ fix-xejn, manifestament, il-bażi legali u kostituzzjonali li fuqha kienet ibbażata, huwa fil-fehma tiegħi loġiku li, konformement mal-Artikolu 50(1) TUE, dan l-Istat jista’ u għandu jinnotifika din il-bidla lill-Kunsill Ewropew.

106. Fiż-żewġ każijiet, l-ewwel fażi tal-proċedura tispiċċa mingħajr bażi, jew minħabba li d-deċiżjoni oriġinali tkun ġiet adottata b’mod invalidu, jew minħabba li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi kostituzzjonali interni jħalluha mingħajr suġġett jew mingħajr skop (72). Loġikament, it-tieni stadju tal-proċedura wkoll ikun affettwat għaliex ma tkunx għadha applikabbli l-premessa li fuqha kien ibbażat. Sa fejn ma jkunx għad hemm bażi kostituzzjonali għall-ħruġ, l-Istat għandu jinforma lill-Kunsill Ewropew li jkun qiegħed jirrevoka, għalhekk, in-notifika preċedenti tiegħu tal-intenzjoni li joħroġ mill-Unjoni (73).

107. Il-prassi internazzjonali esposta iktar ’il fuq (74) tikkonferma din il-konklużjoni. Il-preċedenti li semmejt jindikaw, b’mod ċar, li notifika ta’ ħruġ minn trattat internazzjonali tista’ tiġi rrevokata fil-każ li jirriżulta ksur tal-ħtiġijiet kostituzzjonali tal-Istat jew fil-każ li jkun hemm bidla politika li twassal għal bidla fir-rieda tal-Istat inkwistjoni u dan jagħżel li jibqa’ marbut mill-imsemmi trattat.

108. Dawn il-preċedenti jsegwu l-linja indikata mill-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna li, kif diġà rajna, jirrikonoxxi r-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ sal-mument li fih dan il-ħruġ isir effettiv. Irrispettivament minn jekk dan l-artikolu huwiex l-espressjoni ta’ regola konswetudinarja tad-dritt internazzjonali, dak li huwa ċert huwa li l-Konvenzjoni ta’ Vjenna serviet bħala ispirazzjoni għall-Artikolu 50 TUE u fil-fehma tiegħi ma hemm ebda raġuni għaliex l-istess regola ma għandhiex tapplika, b’analoġija, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħruġ mill-Unjoni.

109. Barra minn hekk, jekk issir insistenza fuq in-negozjati tal-ftehim dwar il-ħruġ mit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni ma’ Stat Membru li ma jkunx għad għandu r-rieda li joħroġ minnha, wara li jkun eżerċita l-mekkaniżmi kostituzzjonali tiegħu sabiex ireġġa’ lura d-deċiżjoni inizjali, dan iwassal, fil-fehma tiegħi, għal riżultat li jmur kontra s-sens komun u li għalih ma għandhiex twassal interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 50 TUE.

110. Minn perspettiva differenti, jekk l-imsemmija mekkaniżmi jinkludu d-deċiżjoni ta’ Parlament nazzjonali, li tikkontribwixxi b’hekk sabiex jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tal-“identità nazzjonali” tiegħu, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali” tiegħu, u jorbtu din l-identità mas-sħubija fl-Unjoni, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 4 TUE ikollhom jimmilitaw favur l-aċċettazzjoni ta’ din id-deċiżjoni l-ġdida, kif joħroġ mir-“rispett” imsemmi fl-Artikolu 4(2) TUE.

111. Fir-raba’ lok, naqbel mal-osservazzjonijiet ta’ Wightman et fis-sens li, jekk tiġi miċħuda r-revokabbiltà tan-notifiki tal-intenzjoni ta’ ħruġ meta l-Istat Membru jkun bidel fehmtu konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu u jkun jixtieq jibqa’ fl-Unjoni, dan iwassal sabiex de facto jkun imġiegħel joħroġ minn din l-organizzazzjoni internazzjonali.

112. Fil-fatt, tali ċaħda tammonta għal tkeċċija indiretta mill-Unjoni minkejja li fl-Artikolu 50 TUE ma hemm xejn li jagħti x’jifhem li l-proċedura ta’ ħruġ tista’ tinbidel f’mod ta’ tkeċċija ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa ma ġietx approvata emenda li kienet qiegħda tipproponi li d-dritt ta’ ħruġ volontarju tal-Istati Membri jiġi kkompletat bi dritt ta’ tkeċċija mill-Unjoni fir-rigward tal-Istati Membri li jiksru b’mod kontinwu l-valuri tagħha (75).

113. Fil-ħames lok, ir-revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ma tistax tiġi miċħuda bl-argument li l-Istat Membru li jixtieq jibqa’ fl-Unjoni għandu l-possibbiltà (Artikolu 50(5) TUE) li jitlob li jaderixxi mill-ġdid mal-Unjoni permezz tal-Artikolu 49 TUE.

114. Fil-fehma tiegħi, fl-Artikolu 50 TUE ma hemm xejn li jindika li din hija proċedura b’direzzjoni waħda mingħajr ritorn (“one way street with no exits”), li fil-kuntest tagħha l-unika ħaġa li jista’ jagħmel Stat Membru, wara li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ u wara li jkun bidel sussegwentement id-deċiżjoni tiegħu, tkun li jistenna li jgħaddu sentejn sabiex joħroġ mill-Unjoni sabiex imbagħad jitlob immedjatament li jerġa’ jaderixxi magħha (76). Bl-istess mod, ikun fil-fehma tiegħi kuntrarju għall-istruttura tal-Artikolu 50 TUE li tiġi nnegozjata l-adeżjoni futura matul it-tieni fażi tal-proċedura, fit-terminu ta’ sentejn, ġaladarba r-rieda tal-Istat Membru tkun inbidlet u ma jkunx jixtieq joħroġ mill-Unjoni. L-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 50 TUE ma tistax tagħti lok għal sitwazzjonijiet li ftit li xejn huma loġiċi (jew saħansitra inkongruwenti) bħalma huma dawn is-sitwazzjonijiet, għas-sempliċi raġuni li jitqies li r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ma hijiex possibbli.

115. Fis-sitt lok, għal kull fini utli, il-fażi ta’ negozjati li tibda bin-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ma tibdilx l-istatus tal-Istat li jagħmel in-notifika bħala Stat Membru tal-Unjoni. Dan ikkonfermatu l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza RO meta affermat li n-notifika “ma għandhiex l-effett li tissospendi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni u li, konsegwentement, dan id-dritt […] jibqa’ fis-seħħ b’mod sħiħ f’dan l-Istat sal-irtirar effettiv tiegħu mill-Unjoni” (77).

116. Għaldaqstant, l-Istat Membru li jkun attiva l-Artikolu 50 TUE sabiex joħroġ mill-Unjoni jista’ jiddiżattivah meta r-rieda tiegħu tinbidel, konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, peress li l-Artikolu 50(1) TUE, interpretat hawnhekk a sensu contrario, jibqa’ applikabbli għalih. In-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiftaħ perijodu ta’ sentejn ta’ negozjati iżda ma ċċaħħadx lill-Istat Membru li jagħmel in-notifika mill-istatus tiegħu bħala Stat Membru u mid-drittijiet kollha inerenti għal dan l-istatus, ħlief għar-restrizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fid-diskussjonijiet u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċernaw il-ħruġ tiegħu stess (Artikolu 50(4) TUE).

117. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti li għadni kemm esponejt fid-dawl ta’ din l-analiżi tal-Artikolu 50 TUE jġorru iktar piż minn dawk, fis-sens oppost, imressqa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u sostnuti min-numru ta’ awturi (78).

118. Jekk fhimt sew ir-raġunamenti, essenzjalment identiċi, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet isostnu interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE li tattribwixxi karatteristiċi radikalment iddifferenzjati lill-fażi inizjali u lill-fażi intermedja u lil dik finali tal-proċedura ta’ ħruġ.

119. Fil-fehma tagħhom, il-fażi inizjali hija kompletament unilaterali u taqa’ taħt il-kontroll tal-Istat Membru. Għall-kuntrarju, il-fażi intermedja (in-negozjati) għandha natura bilaterali jew multilaterali, b’tali mod li jipprevalu s-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Malli tibda din it-tieni fażi, l-Istat Membru li jagħmel in-notifika jitlef il-kontroll fuq il-proċedura, bil-konsegwenza li ma jkunx jista’ jirrevoka unilateralment in-notifika ta’ ħruġ tiegħu. Tali revoka tkun tista’ ssir biss b’kunsens, permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew.

120. Jiena ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni.

121. Huwa minnu li l-istituzzjonijiet jintervjenu b’mod rilevanti fit-tieni fażi ta’ negozjati tal-proċedura ta’ ħruġ:

–      Il-Kunsill Ewropew jirċievi n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, mibgħuta mill-Istat Membru inkwistjoni.

–      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati jinnegozjaw il-ftehim dwar il-ħruġ mal-Istat Membru inkwistjoni, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni.

–      Il-proċedura tinkludi n-negozjati skont l-Artikolu 218(3) TFUE u (l-eventwali) konklużjoni tal-ftehim mill-Kunsill f’isem l-Unjoni, permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-possibbiltà li jiġi estiż il-perijodu ta’ negozjati ta’ sentejn hija f’idejn il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mal-Istat Membru inkwistjoni.

122. Madankollu, dawn is-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jagħtu xejra multilaterali lill-proċedura ta’ ħruġ, ma jeliminawx kompletament in-natura unilaterali ta’ din it-tieni fażi sa fejn, minn naħa, il-kundizzjoni li fuqha hija bbażata din il-fażi hija n-notifika tad-deċiżjoni (jew aħjar, tal-intenzjoni) ta’ ħruġ, li għandha ssir mill-Istat Membru, li l-invalidità tagħha jew ir-rinunzja unilaterali tagħha jċaħħdu lill-istadji sussegwenti mill-bażi tagħhom. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru ma huwiex obbligat jikkonkludi ftehim sabiex joħroġ mill-Unjoni u huwa biżżejjed li jħalli l-perijodu obbligatorju ta’ negozjati ta’ sentejn jgħaddi sabiex jimmaterjalizza l-ħruġ tiegħu, punt dan li jsaħħaħ in-natura unilaterali anki ta’ din il-fażi tal-proċedura.

123. It-terminu (massimu, sakemm ma jiġix estiż) ta’ sentejn sabiex jiġu nnegozjati l-kundizzjonijiet tal-ħruġ huwa normali fil-klawżoli previsti fi trattati internazzjonali oħra (79). Mill-eżistenza ta’ tali perijodu ma tistax tinstilet l-impossibbiltà li n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiġi rrevokata unilateralment. Barra minn hekk, dan il-perijodu ta’ żmien ma huwiex maħsub biss bħala perijodu ta’ preparazzjoni għall-ħruġ iżda wkoll bħala “cooling-off period”, li jippermetti lill-Istat Membru inkwistjoni jikkunsidra mill-ġdid, jekk ikun il-każ, l-intenzjoni inizjali tiegħu u jibdel fehmtu (80).

124. Il-fatt li l-Kunsill Ewropew għandu s-setgħa li jestendi l-imsemmi perijodu lanqas ma jfisser li din l-estensjoni ma taqax taħt il-kontroll tal-Istat inkwistjoni u twasslu, inevitabbilment, sabiex joħroġ mill-Unjoni anki jekk ikun bidel fehmtu. Skont l-Artikolu 50(3) TUE, l-estensjoni għandha tiġi deċiża mill-Kunsill Ewropew b’mod unanimu, iżda “bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni”. Fi kliem ieħor, il-Kunsill Ewropew ma jistax jimponi l-estensjoni fuq l-Istat Membru, li għandu kemm il-possibbiltà li jagħmel effettiv il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni meta jintemm it-terminu u kemm il-possibbiltà li jirrevoka l-intenzjoni tiegħu qabel jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ.

125. Il-Kunsill isostni wkoll, bħala argument kontra r-revokabbiltà unilaterali, li n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ jibda jkollha ċerti effetti legali sa mill-bidu tat-tieni fażi tal-proċedura u matul din il-fażi (81). Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-atti legali adottati mill-Unjoni matul il-fażi ta’ negozjati ma humiex, fil-veru sens tal-kelma, effetti tan-notifika ta’ ħruġ, iżda huma miżuri inerenti għan-negozjati (bħal, pereżempju, il-fatt li r-Renju Unit ma jipparteċipax fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill li jiddiskutu l-proċess ta’ negozjati jew il-linji gwida fir-rigward ta’ dan il-proċess) jew ftehimiet magħmula fid-dawl tal-ħruġ futur (it-trasferiment tas-sede ta’ ċerti aġenziji sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tagħhom mingħajr interruzzjonijiet) (82).

126. Dawn l-atti tal-Unjoni, fil-parti l-kbira tagħhom ta’ natura formali, huma, nerġa’ ngħid, marbuta mal-proċess ta’ negozjati (83) u l-eżistenza tagħhom ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi miċħuda l-possibbiltà li tiġi rrevokata n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. L-atti konnessi, bħal dawk marbuta mat-trasferiment tas-sede tal-aġenziji tal-Unjoni, ma humiex ser ikunu affettwati minn din ir-revoka u huma biss l-ispejjeż ekonomiċi eventwalment ikkawżati minnhom li jistgħu jagħtu lok għal tilwim.

127. Fil-fatt, it-tfassil u l-applikazzjoni tal-atti formali marbuta man-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u tal-atti relatati implikaw spiża ekonomika għall-Unjoni, l-istess bħall-formazzjoni ta’ grupp ta’ negozjaturi ddedikat esklużivament għall-Brexit. Il-Kunsill jargumenta li l-Unjoni jkollha ssostni dawn l-ispejjeż fil-każ ta’ revoka unilaterali u dan jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħu, argument kontra din il-possibbiltà.

128. Ma naħsibx li dan ir-raġunament huwa konvinċenti. Il-problema ta’ min għandu jbati l-ispejjeż (bħala “danni kollaterali”) ma għandhiex bħala l-unika soluzzjoni dik li jidher li qiegħed iressaq il-Kunsill. In-negozjati dwar il-konklużjoni ta’ jew il-ħruġ minn kwalunkwe trattat internazzjonali jikkawżaw spejjeż għall-Istati Partijiet li dawn għandhom ibatu u din ir-regola ma għandhiex tkun differenti fir-rigward tar-revoka unilaterali ta’ notifika ta’ ħruġ. Fl-aħħar mill-aħħar, ma naħsibx li qiegħed niżbalja meta ngħid li l-ispejjeż ekonomiċi (għall-Unjoni u għaċ-ċittadini tagħha) ikkawżati mill-ħruġ ta’ Stat Membru ser ikunu ħafna ikbar mill-ispejjeż (minimi) ikkawżati mir-revoka.

2.      Interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 50 TUE

129. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE jistabbilixxi li “[d]an it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa […]”.

130. Kif diġà għidt, l-Unjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 4(2) TUE, tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom”. It-tielet premessa tal-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) tfakkar li l-Unjoni għandha tirrispetta, fl-azzjoni tagħha, l-identità nazzjonali tal-Istati Membri.

131. Fil-verità, l-Artikolu 50(1) TUE huwa eżempju rilevanti tar-rispett tal-identità nazzjonali tal-Istati, li jingħataw id-dritt li joħorġu mill-Unjoni konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom. Bħalma Stat Membru jista’, f’mument partikolari, iqis li l-identità nazzjonali tiegħu hija inkompatibbli mas-sħubija tiegħu fl-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqfu milli jorbot din l-istess identità (li ma għandhiex tinftiehem bħala kunċett li ma jistax jinbidel jew bħala xi ħaġa mnaqqxa fil-ġebel) mas-sħubija tiegħu fl-Unjoni.

132. Iktar ’il fuq spjegajt kif il-prinċipju ta’ rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istati jimmilita favur l-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 50 TUE proposta minni. L-approċċ teleoloġiku jwassal għal dan l-istess riżultat. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE b’mod li tiffavorixxi r-revoka tal-intenzjoni ta’ ħruġ hija iktar konformi mal-idea inerenti għal dan il-prinċipju, peress li tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni bidla fir-rieda sovrana tal-Istat Membru, adottata skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu (84), sabiex titwaqqaf proċedura ta’ ħruġ mill-Unjoni li dan l-Istat ikun iddeċieda li jreġġa’ lura.

133. L-għan li tintlaħaq “għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa” ukoll jimmilita favur interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE li tiffavorixxi r-revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Dan il-għan jiffavorixxi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni intiża li ssaħħaħ l-Unjoni stess u mhux li dgħajjifha. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-fatt li ma jitqajmux ostakoli sabiex jibqa’ fl-Unjoni Stat Membru li kien għażel li joħroġ minnha iżda li mbagħad ikun bidel fehmtu, konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, u li jkun jixtieq jibqa’ Membru, jidher li huwa kriterju ta’ interpretazzjoni partikolarment adegwat.

134. Għall-kuntrarju, il-ħruġ ta’ Stat Membru jippreġudika fi kwalunkwe każ l-għan ta’ integrazzjoni. Fil-preżenza ta’ argumenti bl-istess piż fuq naħa jew fuq oħra, il-favor societatis tqies bħala element ġudizzjarju ewlieni sabiex tinstab l-iktar soluzzjoni konformi mat-tkomplija tal-eżistenza, u mhux max-xoljiment (parzjali), ta’ kwalunkwe fenomenu assoċjattiv li fil-kuntest tiegħu kienu ġew stabbiliti rabtiet mill-qrib ħafna.

135. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda favorevoli għall-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti taċ-ċittadini tal-Unjoni, li mingħajr ebda dubju ser ikunu llimitati mill-ħruġ ta’ Stat Membru. Ir-revoka tan-notifika ta’ rtirar, sa fejn twaqqaf il-ħruġ mill-Unjoni tal-Istat Membru inkwistjoni, tiggarantixxi li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat u dawk tal-Istati l-oħra jkomplu jgawdu mid-drittijiet ta’ ċittadinanza, irregolati fit-TFUE u fil-Karta.

136. L-irrevokabbiltà tan-notifika, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru jkun iddeċieda li jerġa’ lura fuq il-passi tiegħu, twassal, għall-kuntrarju, sabiex dan l-Istat ikun imġiegħel joħroġ, bil-konsegwenza li dawn id-drittijiet ta’ ċittadinanza jonqsu jew jisfgħu fix-xejn għaċ-ċittadini tal-Istat inkwistjoni li jirrisjedu fl-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li jirrisjedu fl-Istat inkwistjoni.

137. Fil-qosor, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE li qiegħed nipproponi (revokabbiltà unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ) hija dik li tirrikonċilja bl-aħjar mod ir-rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru u l-għan marbut mal-iżvilupp tal-proċess ta’ integrazzjoni (85), filwaqt li tiffavorixxi barra minn hekk il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni.

3.      Interpretazzjoni storika tal-Artikolu 50 TUE

138. Il-predeċessur tal-Artikolu 50 TUE jinsab fl-Artikolu I-60 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li qatt ma daħal fis-seħħ u li x-xogħlijiet preparatorji tiegħu (86) twettqu fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa.

139. Fil-fehma tiegħi, dawn ix-xogħlijiet preparatorji jikkorroboraw in-natura unilaterali tal-formulazzjoni tad-dritt ta’ ħruġ u jissostanzjaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE proposta minni. Fil-fatt, il-kummenti dwar l-Artikolu 46 tal-abbozz tal-Presidenza tal-Konvenzjoni (87) jikkonfermaw il-prominenza tal-unilateralità fil-proċedura ta’ ħruġ, inkluż matul il-fażi ta’ negozjati, sa fejn jindikaw li l-konklużjoni ta’ ftehim (normalment imsejjaħ ftehim dwar id-divorzju) ma għandhiex tkun kundizzjoni għall-ħruġ għaliex tali kundizzjoni ġġib fix-xejn il-kontenut tal-kunċett ta’ ħruġ volontarju.

140. Bl-istess mod, quddiem il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Unjoni kienu tressqu diversi emendi intiżi sabiex id-deċiżjoni ta’ ħruġ tkun suġġetta għal kundizzjonijiet sostantivi jew sabiex din tal-aħħar tkun suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Istat inkwistjoni u l-Unjoni (88). Dawn l-emendi kollha ġew miċħuda, u dan isaħħaħ ir-rilevanza tal-unilateralità fil-proċedura taħt l-Artikolu 50 TUE.

141. L-evalwazzjonijiet litterali, kuntestwali, teleoloġika u storika magħmula iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikolu 50 TUE jwassluni għall-konklużjoni li dan l-artikolu jippermetti r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ta’ Stat Membru sal-mument li fih jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ.

4.      Kundizzjonijiet u limiti applikabbli għar-revoka unilaterali tan-notifika ta’ ħruġ

142. Ladarba ġiet aċċettata l-possibbiltà tar-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE, għad irid jiġi ddeterminat jekk din ir-revoka hijiex suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u limiti, kif fil-fehma tiegħi huwa l-każ.

143. L-ewwel kundizzjoni hija marbuta mal-forma. Bħan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, ir-revoka tagħha għandha titwettaq permezz ta’ att formali tal-Istat Membru indirizzat lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50(2) TUE). Ir-revoka, bħan-notifika tal-ħruġ, hija att formali marbut mal-ħajja ta’ trattat u għandu jkun hemm paralleliżmu proċedurali bejniethom (89).

144. It-tieni kundizzjoni tikkonċerna l-osservanza tal-ħtiġijiet kostituzzjonali nazzjonali. Ir-rekwiżiti tad-dritt kostituzzjonali tal-Istat Membru applikati għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ħruġ, li mbagħad ġiet innotifikata lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50(1) TUE), għandhom jiġu osservati wkoll meta l-Istat Membru jagħżel li jirrevoka din in-notifika.

145. Għalkemm, manifestament, din hija kwistjoni li s-soluzzjoni tagħha tinsab f’idejn kull Stat, jekk il-ħtiġijiet kostituzzjonali nazzjonali jeħtieġu, pereżempju, l-approvazzjoni tal-Parlament bħala rekwiżit preliminari għan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ mill-Unjoni (kif huwa l-każ fir-Renju Unit skont is-sentenza Miller) (90), ikun fil-fehma tiegħi loġiku li r-revoka tal-imsemmija notifika teħtieġ ukoll din l-istess approvazzjoni tal-Parlament. B’hekk tiġi prekluża n-notifika min-naħa tal-Istat Membru ta’ revoki foloz kif ukoll revoki ambigwi jew mhux ċari (91), li minnhom ma tkunx tista’ tinstilet b’mod preċiż il-pożizzjoni tal-Istat Membru.

146. F’dak li jirrigwarda l-ħtieġa li tiġi ġġustifikata r-revoka tan-notifika ta’ ħruġ, ladarba l-Artikolu 50 TUE ma jeħtieġx tali ġustifikazzjoni fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-intenzjoni inizjali, din lanqas ma hija essenzjali għar-revoka tagħha. Madankollu, ikun raġonevoli jekk dan l-Istat jispjega lill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni r-raġunijiet għaliex bidel fehmtu, bidla din li, sa fejn tmur kontra l-atti preċedenti tiegħu, teħtieġ spjegazzjoni.

147. Mill-Artikolu 50(3) TUE jirriżulta li hemm limitu ratione temporis għar-revoka tan-notifiki tal-intenzjoni ta’ ħruġ: din ir-revoka hija possibbli biss fi żmien terminu ta’ sentejn ta’ negozjati li jibda bin-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ lill-Kunsill Ewropew. Skont dak li titlob il-loġika, ladarba jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ, li jeħtieġ il-qbil taż-żewġ Partijiet, ikun impossibbli li n-notifika tiġi rrevokata għaliex din b’hekk tkun diġà pproduċiet l-effetti kollha tagħha.

148. Limitu ieħor għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka unilaterali huwa l-limitu stabbilit mill-prinċipji ta’ bona fide u ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE) (92).

149. Il-Kummissjoni u l-Kunsill enfasizzaw, preċiżament, li, jekk tiġi aċċettata r-revoka unilaterali, dan jista’ jagħti lok għal abbuż tal-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE. Fil-fehma tagħhom, ir-revokabbiltà ser tippermetti lill-Istat Membru jinnegozja l-ftehim dwar il-ħruġ tiegħu minn pożizzjoni ta’ vantaġġ fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra sa fejn ser ikun jista’ jirrevoka n-notifika u jwaqqaf in-negozjati jekk dawn ma jkunux sejrin b’mod favorevoli għalih.

150. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni u l-Kunsill, l-Istat Membru jista’ jerġa’ jagħmel notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ u b’hekk jibda perijodu ġdid ta’ negozjati ta’ sentejn. Skont il-Kunsill, b’dan il-mod l-Istat Membru jista’ jestendi l-perijodu ta’ negozjati, b’mod li jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(3) TUE li jagħti lill-Kunsill Ewropew is-setgħa li jiddeċiedi, b’mod unanimu, dwar l-estensjoni ta’ dan il-perijodu. Skont il-Kummissjoni, il-possibbiltà ta’ revoki tattiċi tmur kontra l-loġika tal-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE.

151. Dawn l-argumenti (u b’mod partikolari t-tieni wieħed) huma, fil-verità, l-iktar argumenti importanti favur l-impossibbiltà ta’ revoka unilaterali. Madankollu, fil-fehma tiegħi ma humiex determinanti sa dak il-punt.

152. Fl-ewwel lok, il-possibbiltà li dritt jiġi abbużat jew li jintuża b’mod indebitu ma hijiex, b’mod ġenerali, raġuni sabiex tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ dan l-istess dritt. Dak li għandu jsir huwa li jitwaqqaf l-abbuż bl-użu tal-istrumenti legali adegwati.

153. Fit-tieni lok, ir-rimedju għall-użu indebitu tad-dritt ta’ revoka jinsab fil-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi prattiki abbużivi, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li l-individwi ma jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni b’mod abbużiv jew frawdolenti u li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġġustifika prattiki abbużivi tal-operaturi ekonomiċi (93). Dan il-prinċipju ġenerali jista’ jiġi applikat fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE fil-każ li Stat Membru jadotta prattika abbużiva fejn jagħmel notifiki u revoki suċċessivi bil-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

154. Fir-rigward tar-revoki tattiċi, li jitkellmu dwarhom il-Kummissjoni u l-Kunsill, hemm żewġ raġunijiet li jwassluni ma nagħtihomx l-importanza li jagħtuhom dawn l-istituzzjonijiet.

155. Waħda mir-raġunijiet hija li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari li għandna quddiemna, li hija l-unika domanda li għandha tagħti risposta għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm ebda element li jindika l-użu ħażin (fis-sens ta’ użu ħażin ta’ poter, bħala kawża ta’ invalidità ta’ att adottat mill-awtorità pubblika, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 263 TUFE) tal-possibbiltà li tiġi rrevokata d-deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, l-eventwali abbuż jista’ jimmaterjalizza biss bil-preżentata tat-tieni notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, u mhux bir-revoka unilaterali tal-ewwel waħda.

156. Ir-raġuni l-oħra hija li fil-fehma tiegħi huwa estremament diffiċli li r-revoki tattiċi jistgħu jiżdiedu fil-prattika, b’mod li jitnaqqas il-valur ta’ possibbiltà li, mingħajr ebda dubji, għandha konsegwenzi serji. Ir-revoka hija deċiżjoni li l-Istat Membru inkwistjoni jkollu jadotta konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu. Peress li tkun qiegħda treġġa’ lura deċiżjoni kostituzzjonali preċedenti, din il-bidla teħtieġ emenda fil-maġġoranza governattiva, is-sejħa ta’ referendum, deċiżjoni tal-ogħla qorti tal-pajjiż li tannulla d-deċiżjoni ta’ ħruġ jew xi espressjoni oħra li l-attwazzjoni tagħha ser tkun diffiċli jew teħtieġ l-użu ta’ proċeduri legali twal u kumplessi. L-obbligu li r-revoka ssir konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tal-Istat inkwistjoni huwa, għalhekk, filtru dissważiv sabiex jiġi prekluż l-abbuż tal-proċedura ta’ ħruġ prevista fl-Artikolu 50 TUE permezz ta’ tali revoki tattiċi.

C.      Revoka b’kunsens tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE

157. Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 50 TUE sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jippermettix revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda titlob deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ma’ dan l-artikolu ta’ revoka b’kunsens (94).

158. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Kunsill, minbarra li jsostnu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-Artikolu 50 TUE ma jippermettix revoka unilaterali, qajmu l-possibbiltà li dan l-artikolu jippermetti revoka deċiża b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew.

159. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta r-revoka unilaterali, ma huwiex ser ikun meħtieġ li tingħata risposta għat-teżi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Madankollu, ser nanalizzaha għal finijiet ta’ kompletezza.

160. Skont il-Kummissjoni, peress li r-revoka unilaterali ma hijiex ammissibbli, Stat Membru li jkun jixtieq jirrevoka n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiegħu u li jkun jixtieq jibqa’ fl-Unjoni, ser ikollu jfittex soluzzjoni sabiex tintlaqa’ t-talba tiegħu.

161. Peress li l-Artikolu 50 TUE ma jispeċifika ebda soluzzjoni f’dan is-sens, il-Kummissjoni u l-Kunsill jipproponu li għandha titqies ir-revoka deċiża b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew. Sa fejn l-Artikolu 50(3) u (4) TUE jagħti s-setgħa li tiġi estiża l-fażi ta’ negozjati lill-Kunsill Ewropew, b’mod unanimu u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istat inkwistjoni, ir-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ għandha tiġi approvata wkoll b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew.

162. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li r-rikonoxximent ta’ din is-setgħa lill-Kunsill Ewropew huwa meħtieġ minħabba li ma tkunx possibbli fil-prattika l-aċċettazzjoni tal-Istati Membri kollha konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom, u dan fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni malajr dwar l-ammissjoni tar-revoka. Fil-każ li l-ħruġ ikun diġà mmaterjalizza u l-Istat ikun jixtieq jaderixxi mill-ġdid mal-Unjoni, l-Artikolu 50(5) TUE jħalli dan f’idejn l-Istati Membri, permezz tal-proċedura ta’ adeżjoni prevista fl-Artikolu 49 TUE.

163. Nifhem li l-Artikolu 50 TUE jawtorizza revoka bi qbil reċiproku bejn l-Istat inkwistjoni li jibdel fehmtu u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinnegozjaw il-ħruġ tiegħu miegħu. Jekk jiġi aċċettat pass addizzjonali (revoka unilaterali), allura jkollu jiġi aċċettat pass inqas (revoka b’kunsens). Barra minn hekk, tali revoka b’kunsens tirrifletti l-prinċipju ispirat mill-Artikolu 54(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jipprovdi li l-ħruġ minn trattat jista’ jseħħ “fi kwalunkwe ħin, bil-kunsens tal-Partijiet kollha wara li jiġu kkonsultati l-Istati Kontraenti l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

164. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ tali revoka b’kunsens ma tmurx kontra r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, li l-Istati Membri inkwistjoni dejjem ikollu taħt l-Artikolu 50 TUE.

165. Issa, dak li fil-fehma tiegħi ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 50 TUE huwa li r-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tkun possibbli biss bis-saħħa ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew (format Artikolu 50 TUE), kif jidhru li qegħdin jissuġġerixxu l-Kummissjoni u l-Kunsill, bl-esklużjoni tar-revoka unilaterali.

166. Sabiex tkun kunsenswali, ir-revoka permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew għandha tintalab mill-Istat Membru inkwistjoni, b’tali mod li, jekk dan tal-aħħar ma jkunx issodisfatt, il-Kunsill Ewropew ma jistax jimponiha, lanqas b’deċiżjoni unanima.

167. L-Artikolu 50(3) TUE ma jippermettix l-estensjoni tat-tieni fażi tan-negozjati, “sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu”. B’analoġija, fil-fehma tiegħi għandha tkun meħtieġa t-talba tal-Istat inkwistjoni, bħala kundizzjoni neċessarja sabiex il-Kunsill Ewropew jaċċetta r-revoka tan-notifika tiegħu b’mod unanimu.

168. Din il-garanzija tiżgura n-natura unilaterali tar-revoka tad-deċiżjoni ta’ ħruġ. Jekk l-aċċettazzjoni tar-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tkun tiddependi biss minn votazzjoni fi ħdan il-Kunsill Ewropew, fil-format tal-Artikolu 50 TUE u b’mod unanimu, id-dritt tal-Istat inkwistjoni li joħroġ (u, għall-kuntrarju, li jibqa’) fl-Unjoni ma jaqax taħt il-kontroll ta’ dan l-Istat, tas-sovranità tiegħu u tal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, iżda jibqa’ f’idejn il-Kunsill Ewropew.

169. Jekk jiġi aċċettat li l-Kunsill Ewropew għandu jkollu l-aħħar kelma fir-rigward tar-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ permezz ta’ vot unanimu, dan iżid ir-riskju li l-Istat Membru joħroġ mill-Unjoni kontra r-rieda tiegħu stess. Ikun biżżejjed li wieħed mis-27 Stat Membru l-oħra jimpedixxi d-deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew (fil-format tal-Artikolu 50 TUE) sabiex tingħeleb ir-rieda tal-Istat li jkun ikkomunika r-rieda tiegħu li jibqa’ fl-Unjoni. Dan l-Istat jitlaq (jitkeċċa) mill-Unjoni malli jintemm il-perijodu ta’ sentejn min-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, kontra r-rieda tiegħu li jibqa’ f’din l-organizzazzjoni internazzjonali.

VI.    Konklużjoni

170. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland) (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla (l-Iskozja, ir-Renju Unit) b’dan il-mod:

“Meta Stat Membru jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jippermetti r-revoka unilaterali ta’ din in-notifika, sal-mument li fih jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ u sakemm ir-revoka tkun ġiet deċiża konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, tiġi kkomunikata b’mod formali lill-Kunsill Ewropew u ma tkunx tirrifletti prattika abbużiva.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Ittra tad-29 ta’ Marzu 2017 mill-Prim Ministru tar-Renju Unit li tagħti effett lill-Artikolu 50 TUE. It-test sħiħ jinsab fis-sit http://data.consilium.europa.eu/doc/document/XT‑20001-2017-INIT/mt/pdf.


3      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331.


4      Il-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018.


5      R (Miller) v Secretary of State for Exiting the European Union [2017] UKSC 5.


6      R (Miller) v Secretary of State for Exiting the European Union [2017] UKSC 5, punt 26. Lord Neuberger kien iddikjara: “In these proceedings, it is common ground that notice under article 50(2) (which we shall call ‘Notice’) cannot be given in qualified or conditional terms and that, once given, it cannot be withdrawn. Especially as it is the Secretary of State’s case that, even if this common ground is mistaken, it would make no difference to the outcome of these proceedings, we are content to proceed on the basis that that is correct, without expressing any view of our own on either point […]”.


7      European Union (Notification of Withdrawal) Act 2017, c. 9, section 1 (il-Liġi dwar in-Notifika tal-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2017).


8      Dokument EUCO XT 20004/17, tad-29 ta’ April 2017, Linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 TUE (http://data.consilium.europa.eu/doc/document/XT‑20004-2017-INIT/mt/pdf).


9      Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE, Euratom) XT 21016/17 tat-22 ta’ Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea (http://data.consilium.europa.eu/doc/document/XT-21016-2017-ADD-1-REV-2/mt/pdf). Grupp ta’ ċittadini Brittaniċi residenti f’diversi pajjiżi tal-Unjoni ppreżentaw rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, li ġie ddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2018, Shindler et vs Il-Kunsill (T‑458/17, EU:T:2018:838).


10      Agreement on the withdrawal of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland from the European Union and the European Atomic Energy Community. It-test għandu jiġi suġġett għal reviżjoni legali u jinsab disponibbli biss bil-verżjoni Ingliża fuq https://www.consilium.europa.eu/media/37099/draft_withdrawal_agreement_incl_art132.pdf.


11      Political declaration setting out the framework for the future relationship between the European Union and the United Kingdom. It-test bl-Ingliż huwa disponibbli fuq https://www.consilium.europa.eu/media/37100/20181121-cover-political-declaration.pdf.


12      [2018] CSOH 8, https://www.scotcourts.gov.uk/docs/default-source/cos-general-docs/pdf-docs-for-opinions/2018csoh8.pdf?sfvrsn=0.


13      [2018] CSIH18, https://www.scotcourts.gov.uk/docs/default-source/cos-general-docs/pdf-docs-for-opinions/2018csih18.pdf?sfvrsn=0.


14      https://www.scotcourts.gov.uk/docs/default-source/cos-general-docs/pdf-docs-for-opinions/2018csoh61.pdf?sfvrsn=0.


15      Għal analiżi kritika ta’ din id-deċiżjoni ara Taylor, R. u Wilson, A., “Brexit, the revocation of article 50, and the path not taken: Wightman and Others for Judicial Review against the Scretary of State for Exiting the European Union” Edinburgh Law Review, 2018, Vol. 22, p. 417 sa 422.


16      Mad-digriet ingħataw ukoll l-opinjonijiet tal-imħallfin li jikkomponu l-awla [2018] CSIH 62 http://www.bailii.org/scot/cases/ScotCS/2018/[2018]_CSIH_62.html.


17      Fid-19 ta’ Ottubru 2018, il-konvenut (the Secretary of State for Exiting the European Union) ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju talba (permission to appeal) sabiex jikkontesta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit). Din it-talba nċaħdet fit-8 ta’ Novembru 2018 mill-Court of Session, Inner House, First Division (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla) u fl-20 ta’ Novembru 2018 mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).


18      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2018, Wigthman et (C‑621/18, EU:C:2018:851, punti 9 u 11).


19      Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 24 u 25); tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punti 15 u 16); tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19); tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 54); tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 50 u 155); u tas-7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2017:524, punti 31 u 32).


20      B’mod partikolari, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipparteċipa fid-dibattitu – rifless fid-digriet tar-rinviju – dwar il-kundizzjonijiet li fihom huwa aċċettabbli stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) fit-tilwima fil-kawża prinċipali, u lanqas fid-dibattitu dwar l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-qorti tar-rinviju għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fid-dritt Skoċċiż. Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26), u tas-7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 34).


21      Għal deskrizzjoni ġenerali tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”), ara Harvie-Clark, S., “Judicial Review”, SPICe Briefing 16/62, Scottish Parliament, 2016.


22      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposti għad-domandi preliminari magħmula fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) Skoċċiż, mingħajr ma oġġezzjonat għall-ammissibbiltà tagħhom, fis-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14 EU:C:2015:845). L-Avukat Ġenerali Bot ukoll ħa espliċitament l-istess pożizzjoni fil-konklużjonijiet tiegħu (C‑333/14 EU:C:2015:527, punti 19 sa 24).


23      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat ammissibbli diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ atti ta’ dritt sekondarju, imressqa fil-kuntest ta’ rikorsi għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”), b’mod partikolari fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741); tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312); tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419); tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324), u Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325); u tas-7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66).


24      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima dwar id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 41; tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C.2013:105, punt 42; tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 29; u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 130).


25      Digriet tal-14 ta’ Marzu 2013, Loreti et (C‑555/12, EU:C:2013:174, punt 20); sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punt 18); u tat-12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic (C‑458/06, EU:C:2008:338, punt 26).


26      Pożizzjoni ta’ Lord Drummond Young, annessa mad-digriet tar-rinviju, punt 59: “[…] departure from the European Union using the mechanism in article 50 involves venturing into completely new territory. In these circumstances, ascertaining the legal principles that apply to the use of article 50 and its consequences are a matter of great practical importance; to suggest otherwise appears to me to be manifestly absurd. The present situation should be contrasted with the position before article 50 was invoked, when the consequences of that act and the possibility of revoking it were truly hypothetical. Furthermore, many of the consequences of the article 50 declaration will become material as soon as the two-year time limit specified in that declaration comes into effect, on 29 March 2019. After that, the possibility of revocation will plainly be hypothetical. If the rights and powers of interested parties cannot be determined before that date, the country, and its legislature and executive, will be, metaphorically, sleepwalking into the consequences. That is plainly an impractical and undesirable result.”


27      Digriet tar-rinviju, punt 10.


28      Ara l-punti 7 u 27 tal-pożizzjoni ta’ Lord Carloway, annessa mad-digriet tar-rinviju.


29      B’“declarator” qiegħed nirreferi għad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija bħala tweġiba għat-talba ta’ parti għal dikjarazzjoni favorevoli għad-drittijiet tagħha jew għall-istatus tagħha.


30      Sentenza tas-7 ta’ Frar 2018 (C‑304/16, EU:C:2018:66).


31      Konklużjonijiet tas-6 ta’ Lulju 2017, American Express (C‑304/16, EU:C:2017:524, punti 42 sa 47).


32      Fost l-awturi favur ir-revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, ara Craig, P., “Brexit: A Drama in Six Acts”, European Law Review, 2016, Vol. 41, p. 447 sa 468; Eeckhout, P., u Frantziou, E., “Brexit and Article 50 TEU: A constitutionalist reading”, Common Market Law Review, 2017, Vol. 54 (3), p. 695 sa 734; Edward, D., Jacobs F., Lever J., Mountfield H., u Facenna, G., “In the matter of Article 50 of the Treaty on European Union (‘The Three Knights’ Opinion)”, 2017; Sari, A., “Reversing a withdrawal notification under article 50 TEU: can a Member State change its mind?”, European Law Review, 2017, Vol. 42, p. 451 sa 473; Tridimas, T., “Article 50: An Endgame without an End?”, King’s Law Journal, 2016, Vol. 27, p. 297 sa 313.


      Fost l-awturi favur l-irrevokabbiltà, ara Gatti, M., “The Article 50 Procedure for Withdrawal from the EU: A Well-Designed Secession Clause”, Paper presented at the EU Studies Association (EUSA) Conference, Miami, 4-6, Mejju 2017. Panel 3I – Brexit: Impact upon European Law and Integration, p. 10 (https://www.eustudies.org/conference/papers/download/431); Papageorgiou, I., “The (ir-) revocability of the withdrawal notification under Article 50 TEU”, Policy Department for Citizens’ Rights and Constitutional Affairs, European Parliament, 2018; Ostendorf, P., “The withdrawal cannot be withdrawn: the irrevocability of a withdrawal notification under art. 50(2) TEU”, European Law Review, 2017, Vol. 42(5), p. 767 sa 776.


33      “Id-dritt tal-għażla jiġi estint malli ssir l-għażla” (Digest of Justinian, 33.5.2.2 sa 3).


34      Dan huwa eżattament il-każ tal-Artikolu 50 TUE.


35      L-Artikoli 64 sa 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet proċedurali li għandhom jiġu segwiti għall-ħruġ minn trattat multilaterali, b’applikazzjoni tal-Artikoli 54 u 56 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.


36      F’dan il-każ tal-aħħar, il-Parti għandha tagħti notifika minn tal-inqas xahrejn qabel dwar l-intenzjoni tagħha li toħroġ mit-trattat.


37      Ara x-xogħol ta’ referenza dwar dan minn Helfer, R.L., “Exiting treaties”, Virginia Law Review, Vol. 91, Novembru 2005, p. 1579 sa 1648; ara wkoll Brölmann, C., Collins, R., El Droubi, S., u Wessel, R., “Exiting International Organizations. A brief introduction”, abbozz li għandu jiġi ppubblikat f’International Organizations Law Review, 2018, Nru 2; u Bradley, C. u Helfer, R.L., “Treaty Exit in the United States: Insights from the United Kingdom or South Africa?”, AJIL, 2018, Vol. 111, p. 428 sa 433. L-Unjoni Afrikana wissiet dwar ħruġ massiv mill-Qorti Kriminali Internazzjonali: Decision on the International Criminal Court, AU Doc Assembly/AU/Dec. 622, (XXVIII), tal-31 ta’ Jannar 2017, u Annex-Withdrawal Strategy Document mad-Decision on the International Criminal Court, AU Doc Assembly/AU/Dec.672 (XXX) (tad-29 ta’ Jannar 2018).


38      Dock, M.C., “Le retrait des membres des organisations internationales de la famille des Nations Unies”, Annuaire français de droit international, 1994, p. 111.


39      Skont il-punt 6 tal-Artikolu II (punt approvat fit-8 laqgħa (1954) tal-Konferenza Ġenerali (8 C/Riżoluzzjonijiet, p. 12)) tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza u għall-Kultura, approvata f’Londra fis-16 ta’ Novembru 1945, “Kull Stat Membru u kull Membru Assoċjat tal-Organizzazzjoni jista’ joħroġ minnha permezz ta’ notifika ppreżentata lid-Direttur Ġenerali. Tali notifika tidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret in-notifika. Il-ħruġ ma għandux jaffettwa l-obbligi finanzjarji li l-Istat inkwistjoni kellu fid-data li fiha jseħħ il-ħruġ fir-rigward tal-Organizzazzjoni. In-notifika tal-ħruġ ta’ Membru Assoċjat għandha ssir f’ismu mill-Istat Membru jew mill-awtorità responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


40      http://www.unesco.org/new/en/member-states/member-states-information/.


41      Spanja ħarġet mil-Lega tan-Nazzjonijiet fl-1926 iżda rrevokat id-deċiżjoni tagħha fl-1928 u pparteċipat b’mod attiv fil-perijodu l-ġdid ta’ sessjonijiet ta’ din l-organizzazzjoni.


42      Papageorgiou, I., op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 9 u 10.


43      https://www.mire.gob.pa/index.php/es/noticias-mire/4755-.


44      It-test ta’ dan it-trattat, li ma fihx klawżola espliċita dwar ħruġ, jista’ jiġi kkonsultat fuq: http://www.parlacen.int/Informaci%C3%B3nGeneral/MarcoPol%C3%ADticoyJur%C3%ADdico/TratadoConstitutivo.aspx.


45      Sentenza tal-Corte Suprema de Justicia (Pleno) (il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja)), tat-2 ta’ Frar 2012, https://vlex.com.pa/vid/accion-inconstitucionalidad-sala-pleno-375091942?_ga=2.13901559.115975578.1539971406-1717765214.1539971406.


46      http://www.parlacen.int/Actualidad/Actualidad/tabid/146/EntryId/369/Reintegro-de-Panama-al-PARLACEN.aspx.


47      It-test tal-Istatut ta’ Ruma tqassam bħala d-dokument A/CONF.183/9, tas-17 ta’ Lulju 1998, emendat bil-minuti tal-10 ta’ Novembru 1998, tat-12 ta’ Lulju 1999, tat-30 ta’ Novembru 1999, tat-8 ta’ Mejju 2000, tas-17 ta’ Jannar 2001 u tas-16 ta’ Jannar 2002. L-Istatut daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002. Iktar reċentement, l-Unjoni Afrikana heddet lill-ICC bi ħruġ massiv (Decision on the International Criminal Court, AU Doc Assembly/AU/Dec. 622 (XXVIII) (tal-31 ta’ Jannar 2017); u Annex-Withdrawal Strategy Document to the Decision on the International Criminal Court, AU Doc Assembly/AU/Dec.672 (XXX) (29 ta’ Jannar 2018)).


48      Assembly of States Parties President welcomes Gambia’s decision not to withdraw from the Rome Statute, ICC (Press Communique), tas-17 ta’ Frar 2017, fuq https://www.icc-cpi.int/Pages/item.aspx?name=PR1274.


49      Ir-raġuni kienet ir-rifjut li jinżamm u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali l-President tas-Sudan Al Bashir fl-okkażjoni tas-summit tal-Unjoni Afrikana li nżamm fl-Afrika t’Isfel f’Ġunju 2015.


50      Assembly of States Parties President welcomes the revocation of South Africa’s withdrawal from the Rome Statute, (Press Communique), tal-11 ta’ Marzu 2017, fuq https://www.icc-cpi.int/Pages/item.aspx?name=pr1285.


51      Il-Gvern kien innotifika l-ħruġ mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament tal-Afrika t’Isfel, li kien jikkostitwixxi, skont il-High Court (il-Qorti Għolja), ksur tal-Kostituzzjoni tal-Afrika t’Isfel. Għalhekk, din il-qorti ordnat lill-Gvern jirrevoka l-imsemmija notifika. Sentenza tal-High Court of South Africa (Gauteng Division, Pretoria) (il-Qorti Għolja tal-Afrika t’Isfel (id-Diviżjoni ta’ Gauteng), Pretorja), Kawża Nru 83145/2016, tat-22 ta’ Frar 2017, Democratic Alliance vs Minister of International Relations and Cooperation, 2017 (3) SA 212 (GP).


52      L-abbozz kien ġie approvat b’94 voti favur, ebda vot kontra u 8 astensjonijiet. Ara t-28th Plenary Meeting (tas-16 ta’ Mejju 1969), fil-United Nations, Official Records of the United Nations Conference on the Law of Treaties, Second Session (New York: United Nations, 1970), p. 157.


53      Għal pożizzjoni kuntrarja, ara Tzanakopoulos, A., “Article 68 of the 1969 Vienna Convention on the Law of Treaties”, f’Oliver Corten, u Pierre Klein, edituri, Oxford University Press, 2011, Vol. II, p. 1565. Krieger, H., “Article 68”, f’Dörr, Oliver, Schmalenbach, Kirsten (edituri), Vienna Convention on the Law of TreatiesA Commentary, it-tieni edizzjoni, Springer, Berlín, 2018, p. 1259, jieħu pożizzjoni iktar favorevoli għan-natura konswetudinarja tal-Artikolu 68.


54      Fis-sentenza tat-3 ta’ Frar 2006, Attivitajiet armati fit-territorju tal-Kongo, Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs Ir-Rwanda – Rikors ġdid tal-2002, I.C.J. Reports, 2006, p. 6, punt 125, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 66 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma kienx jirrifletti d-dritt internazzjonali. Minkejja dan, din l-istess qorti, fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 1997, Il-proġett Gabčíkovo – Nagymaros (L-Ungerija vs Is-Slovakkja), I.C.J. Reports 1997, p. 7, punt 109, iddikjarat li, għalkemm ma jikkostitwixxux kodifikazzjoni tad-dritt konswetudinarju, l-Artikoli 65 u 67 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jirriflettu tali dritt konswetudinarju u jinkludu ċerti prinċipji proċedurali bbażati fuq l-obbligu ta’ aġir in bona fide.


55      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998 (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 59): “l-istruzzjonijiet speċifiċi ta’ natura proċedurali li huma previsti [fl-Artikolu 65 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna] ma jifformawx parti mir-regoli ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju”. Il-pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza (EU:C:1997:582, punt 96) hija saħansitra iktar ċara: “L-Artikolu 65 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jistabbilixxi r-regoli proċedurali rilevanti iżda dawn ir-regoli ma jidhrux li jirriflettu eżattament ir-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali. Fil-fehma tiegħi, u kif wieħed jistenna, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-regoli proċedurali huma iktar speċifiċi u iktar konkreti mir-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali”.


56      Dwar dan il-punt ara l-opinjonijiet kunfliġġenti sostnuti minn Sari, A. op.cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, Nru 3, p. 466 sa 469, favur il-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 68 jirrifletti regola konswetudinarja; u Papageorgiou, I., op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 13 sa 16, li jsostni li l-Artikolu 68 huwa regola li tirrifletti żvilupp progressiv.


57      L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, dwar it-trattati li jistabbilixxu organizzazzjonijiet internazzjonali u t-trattati adottati fil-kuntest ta’ organizzazzjoni internazzjonali, jistabbilixxi li din il-konvenzjoni “għandha tapplika għal kull trattat li huwa strument li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali u għal kull trattat adottat fil-kuntest ta’ organizzazzjoni internazzjonali, bla ħsara għal kwalunkwe regola rilevanti tal-organizzazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


58      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 47): “l-Unjoni għandha, skont ġurisprudenza stabbilita, teżerċita l-kompetenzi tagħha fl-osservanza tad-dritt internazzjonali fl-intier tiegħu, li jinkludi mhux biss ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali u konswetudinarju, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9; tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 101 u 123)”.


59      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, “trattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lill-kliem tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jelenka bħala mezzi ta’ interpretazzjoni komplementari, b’mod partikolari, l-użu tax-xogħlijiet preparatorji tat-trattat u ċ-ċirkustanzi li fih ikun ġie konkluż.


60      Is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑264/09, EU:C:2011:580, punt 41), tistabbilixxi li “skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE għandu bħala għan li jippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 30(4)(b) tal-[Konvenzjoni ta’ Vjenna], li l-applikazzjoni tat-Trattat KE ma [t]affettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-pajjiżi terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni li saret qabel, u li josserva l-obbligi korrispondenti tiegħu”. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa (812/79, EU:C:1980:231, punt 8).


61      Sentenzi tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 43); tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291); tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:896, punt 94); tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Frente Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 86), u tas-27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 58). Is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping (C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 67), tiddikjara: “Sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandu jsir riferiment għar-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju riflessi mill-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li huma vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar […], u li minnhom jirriżulta li trattat għandu jiġi interpretat inbona fide, skont is-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tas-suġġett tiegħu”.


62      Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, L-Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑648/15, EU:C:2017:664, punt 39).


63      Dan jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tal-Konvenzjoni Ewropea, li fuqhom hija bbażata l-formulazzjoni tal-Artikolu 50 TUE. Ara d-dokument CONV 648/03, Titolu X: Fuq is-sħubija fl-Unjoni, 2 ta’ April 2003, Anness II, p. 9, http://european-convention.europa.eu/pdf/reg/en/03/cv00/cv00648.en03.pdf, fejn jingħad li: “Din id-dispożizzjoni ma tinsabx fit-Trattati attwali. Hija tistabbilixxi l-proċedura applikabbli fil-każ li Stat Membru jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Il-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni hija ispirata, parzjalment, minn dik prevista fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati” (enfasi miżjuda) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


64      Opinjoni kuntrarja ta’ Odermatt, J., “Brexit and International law: disentangling legal orders”, Emory International Law Review, Vol. 31, 2017, p. 1065.


65      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 46.)


66      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi interpretata għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, minbarra l-kontenut litterali tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 30; u tas-16 ta’ Novembru 2016, Hemming et, C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27).


67      “Ubi lex voluit dixit, ubi noluit tacuit” (fejn riedet, il-liġi ddisponiet; fejn ma riditx, baqgħet siekta).


68      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-“dritt ta’ ħruġ mill-Unjoni huwa dritt unilaterali ta’ kull Stat Membru” (osservazzjonijiet bil-miktub, punt 17).


69      Huwa għalhekk li d-dritt ta’ ħruġ previst fl-Artikolu 50 TUE ġie deskritt bħala dritt unilaterali u inkundizzjonat, għalkemm mhux immedjat. Ara Closa Montero, C., “Interpreting Article 50: exit and voice and what about loyalty?”, EUI Working Paper RSCAS 2016/71, p. 12 sa 16; u Mariani, P., Lasciare l’Unione Europea.Riflessioni giuridiche sul recesso nei giorni di Brexit, Egea, Milan, 2018, p. 94 sa 101.


70      L-iktar l-iktar, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbliga lill-Istat li joħroġ sabiex jidħol f’negozjati mal-Unjoni bil-għan li jiġu stabbiliti l-arranġamenti tal-ħruġ tiegħu, iżda dan huwa obbligu dwar l-aġir u mhux dwar l-eżitu.


71      Edward, D., Jacobs F., Lever J., Mountfield H. u Facenna, G., op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 18 u 19.


72      Ara, f’dan is-sens, Craig, P, op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 464; ara wkoll Eeckhout, P. u Frantziou, E., op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 712 u 713.


73      Ma ninsabx konvint mill-argument li, ladarba ssir in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ lill-Kunsill Ewropew, il-proċedura tibda u fl-ebda każ ma tista’ titwaqqaf, b’tali mod li kwalunkwe bidla fid-deċiżjoni inizjali tal-Istat, konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, hija irrilevanti u ma tistax twaqqaf l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ ħruġ sa fejn ir-revoka tan-notifika ma tkunx possibbli (Gatti, M., op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32).


74      Punti 68 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Ġiet aċċettata biss il-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ċerti drittijiet tal-Istati Membri fil-każijiet previsti fl-Artikolu 7 TUE attwali. Ara http://european-convention.europa.eu/docs/Treaty/pdf/46/global46.pdf, p. 5.


76      Sir Derrick Wyatt QC jiddeskrivi din il-possibbiltà bħala inkongruwenti f’“The Process of Withdrawing from the European Union”, House of Lords European Committee, 11th Report of Session 2015-16, Mejju 2016, punt 10, disponibbli fuq http://www.publications.parliament.uk/pa/ld201516/ldselect/ldeucom/138/138.pdf.


77      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 45).


78      Ara, fost oħrajn, l-awturi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32.


79      Pereżempju, il-punt 6 tal-Artikolu II tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza u għall-Kultura.


80      Closa Montero, C., op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, p. 15.


81      L-Istat Membru ma jibqax jipparteċipa fid-diskussjonijiet u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ tiegħu (twaqqaf format “Artikolu 50 TUE” għal-laqgħat u għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, tal-COREPER u tal-gruppi ta’ ħidma dwar il-Brexit). Huma meħtieġa wkoll il-linji gwida għan-negozjati, mogħtija mill-Kunsill Ewropew, u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill sabiex jinfetħu n-negozjati mal-Istat Membru inkwistjoni.


82      Ara r-Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU 2018, L 291, p. 3); u r-Regolament (UE) 2018/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ĠU 2018, L 291, p. 1).


      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1083 tat-30 ta’ Lulju 2018 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU 2018, L 194, p. 142) tipprevedi wkoll it-trasferiment tal-Kwartieri Ġenerali ta’ din l-Operazzjoni tal-Unjoni minn Northwood (ir-Renju Unit) għal Rota (Spanja), bl-eċċezzjoni taċ-Ċentru għas-Sigurtà Marittima tal-Qarn tal-Afrika, li ser ikun fi Brest (Franza).


83      L-istess għandu jingħad fir-rigward tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqassim tal-kwoti tariffarji inklużi fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000, li tinsab fid-dokument COM/2018/312 final, tat-22 ta’ Mejju 2018.


84      Fl-istorja tal-Unjoni kien hemm bidliet (unilaterali) fil-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċess ta’ integrazzjoni. Bħala eżempji jistgħu jissemmew ir-referenda Daniżi dwar ir-ratifika tat-Trattat ta’ Maastricht u dawk tar-Repubblika tal-Irlanda dwar ir-ratifiki tat-Trattat ta’ Nice u tat-Trattat ta’ Lisbona.


85      Sari, A, op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 472.


86      Infakkar li, skont l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ix-xogħlijiet preparatorji tat-trattat u ċ-ċirkustanzi li fih ikun ġie konkluż jikkostitwixxu għodda komplementari għall-interpretazzjoni tat-trattati.


87      Ara d-dokument CONV 648/03, Titolu X: Fuq is-sħubija fl-Unjoni, 2 ta’ April 2003, Anness II, p. 9, http://european-convention.europa.eu/pdf/reg/es/03/cv00/cv00648.es03.pdf, fejn jingħad: “Din id-dispożizzjoni ma tinsabx fit-Trattati attwali. Hija tistabbilixxi l-proċedura applikabbli fil-każ li Stat Membru jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Il-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni hija ispirata, parzjalment, minn dik prevista fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.


      Tinġibed l-attenzjoni tal-Konvenzjoni għal tliet punti:


      - Għalkemm ikun mixtieq li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-Istat li jkun qiegħed joħroġ dwar il-forma tal-ħruġ u dwar ir-relazzjonijiet futuri, tqies li dan il-ftehim ma għandux ikun kundizzjoni għall-ħruġ, għaliex inkella l-kontenut tal-kunċett ta’ ħruġ volontarju jinġieb fix-xejn […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


88      Dokument CONV 672/03, tal-14 ta’ April 2003, Tabella ta’ analiżi tal-proposti ta’ emendi dwar is-sħubija fl-Unjoni: Abbozz ta’ artikoli dwar it-Titolu X tal-Parti I (Artikoli 43 sa 46), http://european-convention.europa.eu/pdf/reg/en/03/cv00/cv00672.en03.pdf.


89      Fil-każ tar-Renju Unit, sa fejn in-notifika ta’ ħruġ twettqet permezz ta’ ittra tal-Prim Ministru Brittaniku, strument simili għandu jkun suffiċjenti sabiex ir-revoka tiġi kkomunikata lill-Kunsill Ewropew.


90      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


91      Benrath, D., “Bona fide and revocation of withdrawal: how Article 50 TEU handles the potential abuse of a unilateral revocation of withdrawal”, European Law Review, 2018, Nru 2, p. 243 sa 245.


92      Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 42; u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija)), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 109). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “dan il-prinċipju ma jawtorizzax lil Stat Membru jevita l-obbligi li huma imposti fuqu mid-dritt tal-Unjoni” (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis, C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 54).


93      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 27).


94      B’mod ġenerali, id-duttrina tidher li tiffavorixxi l-aċċettazzjoni tar-revoka b’kunsens tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ meta jkun hemm qbil bejn l-Istat li jagħmel in-notifika u l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni. Ara, fost oħrajn, Edward, D., Jacobs F., Lever J., Mountfield H. u Facenna, G., op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 19.