Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-664/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Norris-Usher u K. Petersen, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi qiegħda tkompli taqbeż il-valuri ta’ limitu annwali ta’ NO2 fiż-żoni UK0001 (Greater London Urban Area); UK0002 (West Midlands Urban Area); UK0003 (Greater Manchester Urban Area); UK0004 (West Yorkshire Urban Area); UK0013 (Teesside Urban Area); UK0014 (The Potteries); UK0018 (Kingston upon Hull); UK0019 (Southampton Urban Area); UK0024 (Glasgow Urban Area); UK0029 (Eastern); UK0031 (South East); UK0032 (East Midlands); UK0033 (North West & Merseyside); UK0034 (Yorkshire & Humberside); UK0035 (West Midlands) u UK0036 (North East), kif ukoll il-valuri ta’ limitu fis-siegħa ta’ NO2 fiż-żona UK0001 (Greater London Area), sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-limiti, fl-1 ta’ Jannar 2010, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli josserva l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE 1 moqri flimkien mal-Anness XI tad-Direttiva;

tiddikjara li, sa mill-11 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE, moqri flimkien mal-Anness XV tad-Direttiva sa fejn jirrigwarda ż-żoni msemmija iktar ’il fuq u b’mod partikolari l-obbligu, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(1), li tiżgura li l-perijodu ta’ qabżiet ta’ tali valuri ta’ limitu jkun l-iktar qasir possibbli;

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Sa mill-2010, il-valuri ta’ limitu annwali ta’ NO2 inqabżu f’sittax-il żona u agglomerazzjoni u l-valuri ta’ limitu fis-siegħa nqabeż f’żona waħda. Dawn il-qabżiet ta’ tali valuri ta’ limitu jikkostitwixxu fihom infushom ksur tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE, moqri flimkien mal-Anness XI ta’ din id-direttiva.

Minkejja dan il-ksur persistenti tal-Artikolu 13(1) moqri flimkien mal-Anness XI tad-Direttiva, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jadotta pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li jipprevedu miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qabżiet ta’ tali valuri ta’ limitu jkun l-iktar qasir possibbli. L-insuffiċjenza tal-miżuri previsti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq hija murija mit-tul tal-perijodu li fih inqabżu l-valuri ta’ limitu, mill-portata tal-qabżiet ta’ tali valuri ta’ limitu u mill-evoluzzjoni fir-rigward tal-konformità, kif ukoll minn analiżi ddettaljata ta’ kull wieħed mill-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li jirrigwarda s-sittax-il żona u agglomerazzjoni li tikkostitwixxi s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

____________

1     Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1).