Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2018 minn ClientEarth mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-11 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-644/16, ClientEarth vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-612/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: ClientEarth (rappreżentanti: O. W. Brouwer, advocaat, N. Frey, Solicitor, E. N. M. Raedts, advocaat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-644/16 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ksur tal-proċedura fis-sentenza appellata fir-rigward tal-argument li l-iżvelar ta’ dokumenti ma jistax idgħajjef il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Kummissjoni (sentenza appellata, punti 34 sa 54), billi:

titwessa’ l-eċċezzjoni għal materjal mhux speċifikament relatat ma’ ftehim internazzjonali maħsub;

tiġi applikata l-eċċezzjoni ta’ relazzjonijiet internazzjonali mingħajr ma tkun meħtieġa spjegazzjoni speċifika ta’ kif żvelar jista’ speċifikament u attwalment jippreġudika relazzjonijiet internazzjonali;

jiġi ssostitwit raġunament relatat mal-analiżi legali li tinsab fid-dokumenti mitluba; u

tinħoloq distorsjoni tal-provi rigward l-istat ta’ negozjar fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fis-sentenza appellata relatat mal-argument li l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni Ewropea ma jiġux ippreġudikati (sentenza appellata, punti 52 sa 53).

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur proċedurali u żball ta’ liġi fil-kunsiderazzjonijiet fis-sentenza appellata relatati mal-argument li żvelar tad-dokumenti mitluba jkompli iktar milli jippreġudika l-interess pubbliku fir-rigward ta’ relazzjonijiet internazzjonali (sentenza appellata, punti 54 sa 58).

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u irregolarità proċedurali fil-kunsiderazzjonijiet fis-sentenza appellata relatati mal-argument li n-nuqqas ta’ żvelar sakemm ikun hemm “negozjati għaddejjin” effettivament iwassal f’nuqqas ta’ żvelar indefinittiv (sentenza appellata, punti 59 sa 67).

Il-ħames aggravju bbażat fuq żnaturament ta’ argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali f’kunsiderazzjonijiet fis-sentenza appellata relatati mal-argument tal-Kummissjoni li r-Regolament ma jippermettix li dokumenti jiġu żvelati (as fejn il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex magħrufa” (sentenza appellata, punti 68 sa 69).

Is-sitt aggravju bbażat fuq ksur proċedurali fil-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza appellata relatati mas-seba’ argument li żvelar ma jistax isir dipendenti fuq obbligi ta’ trasparenza ugwali ta’ sieħba kummerċjali (sentenza appellata, punti 72 sa 74).

Is-seba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi permezz ta’ ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001 1 meta jiġi evalwat aċċess parzjali (sentenza appellata, punti 79 sa 90).

____________

1 Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).