Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-571/17, UG vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-249/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Mongin, L. Radu Bouyon, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: UG

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tmien Awla) tat-2 ta’ April 2020, mogħtija fil-Kawża T-571/17, UG vs Il-Kummissjoni;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u dawk tal-proċedura tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    L-ewwel aggravju: żnaturament tal-fatti (punti 64 sa 71 tas-sentenza appellata)

Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm żnaturament suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja meta l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher manifestament żbaljata. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-elementi tal-proċess.

Fl-ewwel parti tal-motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali skont liema l-Awtorità tal-Ħatra stabbiliet terminu qasir wisq għal UG sabiex jirrimedja għall-insuffiċjenza professjonali hija kontradetta mill-provi dokumentarji li jinsabu fil-proċess. L-Awtorità tal-Ħatra ma talbitx li UG jissoddisfa l-għanijiet kollha stabbiliti fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2015 u jerġa’ joħloq relazzjoni ta’ fiduċja mal-kollegi tax-xogħol tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur.

Skont it-tieni parti tal-motiv, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iffokat l-eżami tagħha fuq il-kwistjoni tal-assenzi mhux ġustifikati u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura rikorrenti ta’ diversi elementi ta’ insuffiċjenza professjonali kkonstatati fid-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2016 u fl-ittra tat-8 ta’ Settembru 2016.

2.    It-tieni motiv: żball ta’ liġi (punti 72 sa 77 tas-sentenza appellata)

Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba żball ta’ fatt mingħajr madankollu ma wriet li dan l-iżball kien “manifest”. Issa, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam ta’ tkeċċija u l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter. Il-Qorti Ġenerali identifikat żball fid-deċiżjoni kkontestata li kien relatat biss ma’ wieħed mill-elementi ta’ insuffiċjenza professjonali li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ġibdet l-attenzjoni ta’ UG għalihom, żball li ma kienx “manifest” u għalhekk ma setax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

____________