Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Mejju 2020 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tas-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság – l-Ungerija) – FMS, FNZ (C-924/19 PPU), SA u SA junior (C-925/19 PPU) vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

(Kawża C-924/19 PPU u C-925/19 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2) – Motivi ta’ inammissibbltà – Artikolu 40 – Applikazzjonijiet sussegwenti – Artikolu 43 – Proċeduri fuq il-fruntiera – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 2(h), u Artikoli 8 u 9 – Detenzjoni – Legalità – Direttiva 2008/115/UE – Artikolu 13 – Rimedji effettivi – Artikolu 15 – Detenzjoni – Legalità – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: FMS, FNZ (C-924/19 PPU), SA u SA junior (C-925/19 PPU)

Konvenuti: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

Dispożittiv

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-emenda, minn awtorità amministrattiva, tal-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti tista’ tiġi kkontestata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat biss permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem awtorità amministrattiva, mingħajr ma jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità. F’każ bħal dan, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita b’rikors intiż li jikkontesta l-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tad-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonsisti f’tali emenda tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju, fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni.

Id-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta applikazzjoni għall-ażil kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda li ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva qabel ma ġiet ikkonstatata l-kuntrarjetà għad-dritt tal-Unjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda, l-awtorità determinanti fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, ma hijiex obbligata teżamina din l-applikazzjoni mill-ġdid ex officio. L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni, tikkostitwixxi element ġdid relatat mal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, meta l-awtorità determinanti tikkonstata li ċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni preċedenti tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Tali konstatazzjoni hija neċessarjament imposta fuq l-imsemmija awtorità meta din il-kuntrarjetà tkun tirriżulta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tkun ġiet ikkonstatata, b’mod inċidentali, minn qorti nazzjonali.

Id-Direttiva 2008/115 u d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu impost fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’ b’mod permanenti f’żona ta’ tranżitu fejn il-perimetru huwa ristrett u magħluq, li fi ħdanu l-movimenti ta’ dan iċ-ċittadin huma limitati u ssorveljati, u li minnu ma jistax legalment jitlaq volontarjament, fi kwalunkwe direzzjoni, tidher li hija ċaħda tal-libertà, karatteristika ta’ “detenzjoniˮ fis-sens tal-imsemmija direttivi.

L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax id-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali f’żona ta’ tranżitu għal perijodu ta’ iktar minn erba’ ġimgħat.

L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, l-ewwel nett, applikant għal protezzjoni internazzjonali jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li ma jkunx jista’ jmantni ruħu, it-tieni nett, din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni motivata li tordna d-detenzjoni u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura, u t-tielet nett, ma jkun hemm ebda stħarriġ fir-rigward tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni ta’ dan l-applikant. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li l-Istati Membri jistabbilixxu perijodu massimu għaż-żamma f’detenzjoni sakemm id-dritt nazzjonali tagħhom jiggarantixxi li d-detenzjoni ddum biss sakemm ir-raġuni li tiġġustifikaha tibqa’ applikabbli u li l-proċeduri amministrattivi marbuta ma’ din ir-raġuni jiġu eżegwiti b’diliġenza.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, l-ewwel nett, li ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u li ma jistax imantni lilu nnifsu, it-tieni nett, li din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni mmotivata li tordna t-tqegħid f’detenzjoni u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura, it-tielet nett, li ma jeżisti l-ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni u, ir-raba’ nett, li din l-istess detenzjoni tista’ teċċedi t-18-il xahar u tinżamm meta l-mekkaniżmu ta’ tneħħija ma jkunx għadu pendenti jew ma jkunx iktar eżegwit bid-diliġenza kollha meħtieġa.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva li tordna t-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ tali tqegħid f’detenzjoni u jawtorizzaw lil din il-qorti sabiex immedjatament tillibera lill-persuni kkonċernati jekk hija tqis li din id-detenzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali li d-detenzjoni tiegħu, meqjusa illegali, tkun intemmet, jista’ jinvoka, quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tiegħu li jikseb jew allowance finanzjarja li tippermettilu jikseb akkomodazzjoni jew inkella akkomodazzjoni in natura, peress li din il-qorti jkollha, skont id-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li tadotta miżuri provviżorji sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva tagħha.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tad-dritt għall-akkomodazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors intiż li jiggarantixxi tali dritt.

____________

1     ĠU C 161, 11.5.2020.