Language of document : ECLI:EU:F:2013:46

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ April 2013

Kawża F‑1/12

Henrik Andersen

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Irtirar minħabba invalidità — Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu H. Andersen jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2011 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea li jiċħad it-talba tiegħu għad-danni minħabba t-telf subit wara l-irtirar tiegħu u għall-kumpens mill-Qorti tal-Awdituri għall-imsemmi preġudizzju.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. H. Andersen għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għal annullament li ma ġiex ippreżentat fit-termini — Rikors għad-danni intiż għal riżultat identiku — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Talba għad-danni ma tkunx ammissibbli meta l-uffiċjal jipprova jikseb riżultat identiku għal dak li kien jipprovdilu rikors għal annullament segwit b’suċċess li huwa naqas milli jippreżenta fi żmien xieraq.

Uffiċjal ikun qiegħed jevita l-inammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq l-illegalità ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal annullament, meta l-fatti u l-motivi invokati insostenn tar-responsabbiltà tal-istituzzjoni jkunu l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda li fil-konfront tagħha l-uffiċjal ma ppreżentax rikors.

(ara l-punti 27, 29 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, punt 32

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ottubru 2010, Cerafogli vs BĊE, F-84/08, punt 50