Language of document : ECLI:EU:C:2012:233

Kawża C–571/10

Servet Kamberaj

vs

Istituto per lʼEdilizia Sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES) et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano)

“Spazju taʼ libertà, sigurtà u ġustizzja — Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/109/KE — Status taʼ ċittadini taʼ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fʼdak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali — Deroga mill-prinċipju taʼ ugwaljanza fit-trattament għall-miżuri li jaqgħu taħt l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali — Esklużjoni tal-‘benefiċċji prinċipaliʼ mill-kamp taʼ applikazzjoni taʼ din id-deroga — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi għajnuna għall-akkomodazzjoni għall-kerrejja l-inqas vantaġġati — Ammont tal-fondi ddestinati għaċ-ċittadini taʼ pajjiżi terzi stabblit skont medja mwieżna differenti — Ċaħda taʼ applikazzjoni għal għajnuna għall-akkomodazzjoni minħabba l-eżawriment tal-baġit iddestinat għaċ-ċittadini taʼ pajjiżi terzi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dritt tal-Unjoni — Drittijiet fundamentali — Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Kunflitt bejn il-Konvenzjoni u dispożizzjoni legali nazzjonali — Obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika direttament id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni — Assenza

(Artikolu 6(3) TUE)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Status taʼ ċittadini taʼ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul — Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fʼdak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikolu 11(1)(d) u (4))

1.        Ir-riferiment li jagħmel l-Artikolu 6(3) TUE għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fil-każ taʼ kunflitt bejn dispożizzjoni legali nazzjonali u l-Konvenzjoni, li jiġu applikati direttament id-dispożizzjonijiet taʼ din il-konvenzjoni, billi ma tiġix applikata d-dispożizzjoni legali nazzjonali inkompatibbli magħha.

Ċertament, din id-dispożizzjoni tat-Trattat UE tirrifletti l-prinċipju li d-drittijiet fundamentali jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom. Madankollu, dan l-artikolu ma jirregolax ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u lanqas ma jiddetermina l-konsegwenzi li għandha tasal għalihom qorti nazzjonali fil-każ taʼ kunflitt bejn id-drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni u dispożizzjoni legali nazzjonali.

(ara l-punti 61-63, u d-dispożittiv 2)

2.        L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, dwar l-istatus taʼ ċittadini taʼ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali li tipprevedi, fʼdak li jikkonċerna l-għoti taʼ għajnuna għall-akkomodazzjoni, trattament differenti għal ċittadin taʼ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus taʼ resident għal żmien twil mogħti skont id-dispożizzjonijiet taʼ din id-direttiva meta pparagunat maʼ dak irriżervat għaċ-ċittadini nazzjonali residenti fl-istess provinċja jew reġjun waqt it-tqassim tal-fondi ddestinati għal din l-għajnuna, sakemm tali għajnuna taqaʼ taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija fʼdin id-dispożizzjoni u sakemm il-paragrafu 4 tal-istess artikolu ma japplikax.

L-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jknu residenti għal żmien twil fl-Istati Membri u d-dritt ta’ dawn iċ-ċittadini għall-benefiċċju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109 huma r-regola ġenerali, u għalhekk id-deroga prevista fil-paragrafu 4 tal-istess artikolu għandha tiġi interpretata b’mod strett. Awtorità pubblika, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, ma tistax tinvoka din id-deroga ħlief jekk l-entitajiet kompetenti fl-Istat Membri kkonċernat għall-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/109 jkunu esprimew b’mod ċar li huma kellhom l-intenzjoni li jinvokaw din id-deroga.

Is-sens u l-portata tal-kunċett taʼ “benefiċċji prinċipali” li jinsab fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2009/109 għandhom għalhekk jiġu mfittxija billi jittieħdu inkunsiderzzjoni l-kuntest li jinsab fih dan l-artikolu u l-għan segwit minn din id-direttiva, jiġifieri l-integrazzjoni taċ-ċittadini taʼ pajjiżi terzi li kien residenti legalment u għal żmien twil fl-Istati Membri. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tippermetti lill-Istati Membri li jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament li minnha jibbenefika min għandu l-istatus mogħti minn din id-direttiva, bl-eċċezzjoni tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu.

Sa fejn l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tissodisfa l-għan stabbilit mill-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti, hija ma tistax tiġi kkunsidrata, fid-dritt tal-Unjoni, bħala li ma tagħmilx parti mill-benefiċċji prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-għajnuna inkwistjoni, l-ammont tagħha, il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha u l-pożizzjoni taʼ din l-għajnuna fis-sistema taʼ għajnuna soċjali nazzjonali.

(ara l-punti 86, 87, 90-93, u d-dispożittiv 3)