Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-316/14, Kurdistan Workers’ Party (PKK) vs Il-Kunsill
(Kawża C-46/19 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Driessen, S. Van Overmeire, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Kurdistan Workers’ Party (PKK), il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali;
tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-PKK; u
tikkundanna lill-PKK għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-Kawża T-316/14.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fis-sentenza appellata fir-rigward tal-punti li ġejjin:
l-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat id-deċiżjonijiet ikkontestati bħala deċiżjonijiet li jaqgħu esklużivament taħt l-Artikolu 1(6)1 ;
it-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li d-deċiżjonijiet tal-Istat Uniti ma setgħux iservu bħala bażi għall-inklużjoni inizjali fil-lista;
it-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kunsill ma kienx spjega għalfejn huwa kien jikkunsidra li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti u d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK;
ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat għal dan il-każ il-punt 55 tas-sentenza LTTE, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja 2 ;
il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat għal dan il-każ il-punt 71 tas-sentenza LTTE;
is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u l-punt 55 tas-sentenza LTTE ;
is-seba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kunsill ma setax iwieġeb għall-ittra tal-PKK fl-ittra tiegħu stess tas-27 ta’ Marzu 2015.
____________
1 Pożizzjoni komuni tal-kunsill tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).
2 Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C-599/14 P, EU:C:2017:583.