Language of document : ECLI:EU:C:2016:980

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Self ipotekarju – Klawżoli inġusti – Artikolu 4(2) – Artikolu 6(1) – Dikjarazzjoni ta’ nullità – Limitazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta”

Fil-Kawżi magħquda C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n° 1 de Granada (qorti tal-kummerċ Nru 1 ta’ Granada, Spanja) (C‑154/15), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2015, kif ukoll mill-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) (C‑307/15 u C‑308/15), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Ġunju 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2015, fil-proċeduri

Francisco Gutiérrez Naranjo

vs

Cajasur Banco SAU (C‑154/15),

Ana María Palacios Martínez

vs

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (BBVA) (C‑307/15),

Banco Popular Español SA

vs

Emilio Irles López,

Teresa Torres Andreu (C‑308/15),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta u M. Ilešič, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. Gutiérrez Naranjo, minn A. Navarro Vidal, A. Martínez Muriel, D. Pineda Cuadrado u L. Pineda Salido, avukati,

–        għal A. M. Palacios Martínez, minn F. J. Zambudio Nicolas, avukat u R. López Coloma, prokuratur,

–        għal Banco Popular Español SA, minn C. Fernández Vicién, I. Moreno-Tapia Rivas u J. Capell, avukati,

–        għal Cajasur Banco SAU, minn J. Remón Peñalver u D. Sarmiento Ramirez-Escudero, avukati,

–        għal Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (BBVA), minn J. Rodríguez Cárcamo u A. Rodríguez Conde, avukati,

–        għal E. Irles López u T. Torres Andreu, minn Y. Sánchez Orts, prokuratur u F. García Cerrillo, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u M. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková kif ukoll minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn S. Ford, barrister, kif ukoll minn K. Smith u B. Kennelly, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov, N. Ruiz García u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn persuni li ssottoskrivew self ipotekarju ma’ stabbilimenti ta’ kreditu, dwar id-dritt għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa abbażi ta’ klawżoli kuntrattwali li l-karattru inġust tagħhom ġie kkonstatat fil-qrati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tipprevedi:

“[...] tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti […]”

4        It-tnax-il premessa ta’ din id-direttiva tispeċifika:

“[...] l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;”

5        Skont l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13:

“[…] l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

6        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

7        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva:

“Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.”

8        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

9        L-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. [...]”

10      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

11      Konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Id-dritt Spanjol

 Il-leġiżlazzjoni

12      Skont l-Artikolu 1303 tal-Código Civil (kodiċi ċivili):

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-affarijiet li kienu s-suġġett tal-kuntratt, il-frott minn dawn l-affarijiet u l-prezz flimkien mal-interessi, bla ħsara għall-artikoli li ġejjin.”

13      L-Artikolu 82(1) tat-texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios u otras leyes complementarias (test ta’ riformulazzjoni tal-liġi ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet oħra kumplimentari), approvat bir-Real Decreto Legislativo 1/2007 (Digriet Irjali leġiżlattiv Nru 1/2007), tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat‑30 ta’ Novembru 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LGDCU”), jipprovdi:

“Għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti l-klawżoli kollha li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress u li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.”

14      L-Artikolu 83 tal-LGDCU jipprevedi:

“Il-klawżoli inġusti huma nulli ipso jure u huma kkunsidrati mhux miktuba. Għal dan l-għan, wara li tisma’ lill-partijiet, il-qorti tikkonstata n-nullità tal‑klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt, iżda dan jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

15      L-Artikolu 5(5) tal-Ley 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación (Liġi 7/1998 dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali), tat‑13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal‑14 ta’ April 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LCGC”) jipprovdi:

“It-tfassil tal-klawżoli ġenerali għandu jissodisfa l-kriterji ta’ trasparenza, ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni u ta’ sempliċità.”

16      L-Artikolu 7 tal-LCGC jipprevedi:

“Il-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin jitqiesu li ma humiex fil-kuntratt:

a)      dawk li realment il-konsumatur ma kellux l-okkażjoni li jkollu għarfien sħiħ tagħhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt jew li ma ġewx iffirmati, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 5;

b)      il-kundizzjonijiet illeġibbli, ambigwi, mhux ċari u li ma jinftehmux, ħlief, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, meta l-aderent ikun aċċettahom espressament bil-miktub u meta dawn jissodisfaw il-leġiżlazzjoni speċifika dwar it-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali f’dan il-qasam.”

17      Skont l-Artikolu 8 tal-LCGC:

“1.      Huma ipso jure nulli l-kundizzjonijiet ġenerali li, bi ħsara għall-aderent, imorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi jew ta’ kull regola oħra imperattiva jew projbittiva, ħlief jekk dawn ma jippenalizzawx b’mod differenti l-ksur tagħhom.

2.      B’mod partikolari, huma nulli l-kundizzjonijiet ġenerali inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumatur [...].”

 Il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja)

–       Is-sentenza Nru 241/2013 tad‑9 ta’ Mejju 2013

18      Adita b’azzjoni kollettiva ta’ inibizzjoni ppreżentata minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi kontra diversi stabbilimenti ta’ kreditu, fis-sentenza Nru 241/2013, tad‑9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), wara li kkonstatat il-karattru inġust tal-klawżoli li jipprevedu rata minima li l-varjazzjoni tar-rata ta’ interessi ma tistax tkun inqas minnha (iktar ’il quddiem il-klawżoli “ta’ rata minima”), inklużi fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi ma’ konsumaturi, iddikjarat in-nullità ta’ dawn il-klawżoli.

19      Din il-qorti qieset li l-imsemmija klawżoli, li kienu jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratti inkwistjoni, kienu grammatikalment jinftiehmu għall-konsumaturi u kienu għalhekk jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Konsegwentement, għall-imsemmija qorti, ma kienx hemm lok li jitqiesu li għandhom karattru inġust, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309).

20      Madankollu, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-prinċipji affermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180), l-imsemmija qorti kkonstatat li r-rekwiżit ta’ trasparenza, previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandu jinftiehem li jinkludi l-osservanza mhux biss ta’ aspett formali iżda wkoll ta’ aspett materjali, li għandu l-istess portata bħar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, u marbut mal-fatt li għandha tiġi pprovduta biżżejjed informazzjoni lill-konsumaturi, matul il-konklużjoni tal-kuntratt, fir-rigward tal-konsegwenzi legali u ekonomiċi li jirriżultaw għalihom mill-applikazzjoni tal-klawżoli relatati, b’mod partikolari, mas-suġġett prinċipali tal-kuntratt.

21      Issa, skont it-Tribunal Supremo (qorti suprema), fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013, ir-rekwiżit ta’ trasparenza materjali ma kienx issodisfatt, sa fejn l-istabbilimenti bankarji kkonċernati ma kinux ipprovdew tali informazzjoni lill-konsumaturi matul il-konklużjoni tal-kuntratti li jinkludu klawżoli “ta’ rata minima”. Għaldaqstant, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) wettqet l-analiżi tal-karattru eventwalment inġust ta’ dawn il-klawżoli, fid-dawl tal-kriterji ġenerali ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza elenkati fl-Artikolu 3(1), fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, u ddikjarat in-nullità tal-imsemmija klawżoli abbażi tan-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom minħabba li ma ingħatatx biżżejjed informazzjoni lil min jissellef dwar il-konsegwenzi konkreti tal-applikazzjoni tagħhom fil-prattika.

22      It-Tribunal Supremo (qorti suprema) madankollu qieset li l-kuntratti ta’ self ipotekarju kkonċernati setgħu jkomplu jeżistu u, barra minn hekk, illimitat ir-retroattività tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima”.

23      Fil-fatt, f’ dan ir-rigward, wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja applikata għad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli inġusti, il-klawżoli kkonċernati kellhom jitqiesu li ma għandhom ebda effett, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) irrilevat li, minkejja r-regola ġenerali tal-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità, dan l-effett ma setax jinjora l-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

24      It-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li l-klawżoli “ta’ rata minima” kienu leċiti bħala tali, li kienu jissodisfaw raġunijiet oġġettivi, li la kienu mhux tas-soltu u lanqas estravaganti, li l-użu tagħhom kien ittollerat għal żmien twil fis-suq tal-krediti għall-immobbli, li n-nullità tagħhom kienet ibbażata fuq nuqqas ta’ trasparenza minħabba informazzjoni suffiċjenti lil min jissellef, li l-istabbilimenti bankarji kienu osservaw ir-rekwiżiti regolatorji ta’ informazzjoni, li l-iffissar ta’ rata minima ta’ interessi kien jissodisfa l-bżonn ta’ effiċjenza minima ta’ dan is-self ipotekarju li kien jippermetti lill-istabbilimenti bankarji li jkopru l-ispiża għall-produzzjoni u sabiex ikompli jagħtu dan il-finanzjament, li l-klawżoli “ta’ rata minima” kienu kkalkolati b’mod li ma jwasslux għal tibdil sinjifikattiv fl-ammonti li għandhom jitħallsu inizjalment, ammonti li l-fornituri kienu jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jiddeċiedu l-azzjonijiet ekonomiċi tagħhom, li l-leġiżlazzjoni Spanjola kienet tawtorizza s-sostituzzjoni tal-kreditur u li r-retroattività tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli inkwistjoni twassal għal problemi ekonomiċi kbar.

25      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), abbażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, illimitat l-effetti tas-sentenza tagħha mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, billi ddeċidiet li l-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima” ikkonċernati la jaffettwaw is-sitwazzjonijiet definittivament deċiżi b’deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata u lanqas il-ħlasijiet li saru qabel id‑9 ta’ Mejju 2013, b’mod illi huma biss l-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ dawn il-klawżoli wara din id-data li setgħu jitħallsu lura.

–       Is-sentenza Nru 139/2015 tal‑25 ta’ Marzu 2015

26      Fis-sentenza Nru 139/2015 tagħha, tal‑25 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015”), it-Tribunal Supremo (qorti suprema) ikkonfermat il-limitazzjoni tal-effetti retroattivi tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola “ta’ rata minima” fil-kuntest ta’ rikors individwali ta’ konsumatur li kien qiegħed jitlob il-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ tali klawżola. B’hekk, din il-qorti estendiet is-soluzzjoni li kienet ingħatat fis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 għall-azzjonijiet kollettivi ta’ inibizzjoni b’mod li ġiet tinkludi l-azzjonijiet individwali ta’ inibizzjoni u għall-kumpens. Għaldaqstant, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, l-obbligu ta’ ħlas lura kien limitat biss għall-ammonti mħallsa indebitament wara li ngħatat is-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013.

 Il-fatti fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C154/15

27      Francisco Gutiérrez Naranjo għamel kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ Cajasur Banco SAU li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”.

28      Billi bbaża ruħu fuq id-Direttiva 93/13 kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema), F. Gutiérrez Naranjo adixxa l-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Granada (qorti tal-kummerċ Nru 1 ta’ Granada, Spanja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din il-kawżola “ta’ rata minima” u għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ din il-klawżola.

29      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba l-karattru inġust tagħha huma limitati għall-perijodu biss wara din id-dikjarazzjoni huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

30      Konsegwentement, il-Juzgado de lo Mercantil n° 1 de Granada (qorti tal-kummerċ Nru 1 ta’ Granada) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-interpretazzjoni ta’ “ma jkunux jorbtu” fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE  hija kompatibbli, f’tali każijiet, ma’ interpretazzjoni fis-sens li d-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżola ċċitata madankollu testendi l-effetti tagħha sakemm issir din id-dikjarazzjoni, u, għalhekk, li minkejja li tiġi ddikjarata n-nullità tagħha, huwa mifhum li l-effetti prodotti minnha matul il-perijodu li kienet fis-seħħ ma jiġux annullati jew ma jsirux ineffettivi?

2)      Deċiżjoni meħuda kontra l-użu ta’ klawżola partikolari (skont l-Artikoli 6 u 7) f’kawża individwali mressqa minn konsumatur fejn issir id-dikjarazzjoni ta’ nullità tagħha, hija kompatibbli ma’ limitazzjoni tal-effetti ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ nullità? Huwa possibbli (għall-qrati) li jibdlu ir-rimbors ta’ kwalunkwe somma mħallsa mill-konsumatur – li l-professjonist huwa meħtieġ jirrimborsa – skont il-klawżola, li sussegwentement ġiet iddikjarata nulla ex tunc, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u/jew trasparenza?”

 Il-Kawża C307/15

31      Fit‑28 ta’ Lulju 2006, Ana María Palacios Martínez ikkonkludiet ma’ Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (BBVA) kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”.

32      Fis-6 ta’ Marzu 2014, A. M. Palacios Martínez ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Alicante (qorti tal-kummerċ ta’ Alicante, Spanja) intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità, minħabba l-karattru inġust ta’ din il-klawżola “ta’ rata minima”, kif ukoll għall-ħlas lura ta’ ammonti rċevuti indebitament mill-istabbiliment bankarju.

33      Fl-ewwel istanza, din il-qorti qieset, billi għamlet riferiment għas-soluzzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, li r-rikors ma kienx għad għandu skop, bla ħsara għall-ħlas lura lir-rikorrenti tal-ammonti li l-istabbiliment bankarju seta’ ġabar skont l-imsemmija klawżola mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

34      Adita b’appell, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tas-soluzzjoni mogħtija fl-ewwel istanza mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

35      Skont din il-qorti, in-nuqqas ta’ retroattività tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta tista’ tkun f’kontradizzjoni kemm mal-għanijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-projbizzjoni li l-effetti ta’ klawżola inġusta jiġu mmoderati fil-qrati. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta jkunu jistgħu jiġu limitati ratione temporis kinux issodisfatti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013.

36      Konsegwentement, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li l-effetti ta’ ħlas lura li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ nullità minħabba n-natura inġusta ta’ [klawżola ‘ta’ rata minima’] li ddaħħlet f’kuntratt ta’ self ma japplikawx retroattivament fid-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt iżda f’data sussegwenti huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ assenza ta’ natura vinkolanti [ta’ klawżoli inġusti] rikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13?

2)      Il-kriterju ta’ bona fide tal-oqsma kkonċernati li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tal-effett retroattiv li tirriżulta [min-nullità ta’] klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema rekwiżiti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-bona fide tal-oqsma kkonċernati?

4)      Fi kwalunkwe każ, l-aġir tal-bejjiegħ jew fornitur fir-redazzjoni tal-kuntratt, li ta lok għan-nuqqas ta’ trasparenza li kien fl-oriġini tan-natura inġusta tal-klawżola, huwa konformi mal-bona fide tal-oqsma kkonċernati?

5)      Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tal-effett retroattiv li jirriżulta minn klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?

6)      Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni?

7)      Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi evalwat billi jittieħed biss inkunsiderazzjoni dak ir-riskju li jista’ jirriżulta għall-bejjiegħ jew fornitur jew għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni d-dannu li jiġi kkawżat lill-konsumaturi minħabba n-nuqqas ta’ ħlas lura sħiħ tal-ammonti mħallsa skont l-imsemmija klawżola dwar rata ta’ interessi minima?”

 Il-Kawża C308/15

37      Fl-1 ta’ Ġunju 2001, Emilio Irles López u Teresa Torres Andreu kkonkludew mal-bank Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem “BPE”) kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”. Permezz ta’ atti li jemendaw l-att oriġinali, tat‑2 ta’ Mejju 2007 u tal‑14 ta’ Ġunju 2007, il-partijiet ftiehmu dwar żewġ żidied fil-kapital u kull wieħed kien jinkludi klawżola “ta’ rata minima”.

38      Peress li qiesu li l-modi kif kienu taw il-kunsens tagħhom għall-klawżoli “ta’ rata minima” kienu kkaratterizzati minn nuqqas ta’ trasparenza, il-persuni li jissellfu adixxew lill-Juzgado de lo Mercantil nº 3 de Alicante (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Alicante, Spanja) b’rikors intiż għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ dawn il-klawżoli u għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi tagħhom.

39      Ir-rikors intlaqa’ fl-ewwel istanza mill-imsemmija qorti, li konsegwentement ikkundannat lil BPE jħallas lura lill-persuni li jissellfu l-ammonti mħallsa indebitament skont dawn il-klawżoli b’effett mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self u l-atti li jemendawh.

40      BPE appella quddiem l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante), billi bbaża ruħu fuq is-sentenzi tad‑9 ta’ Mejju 2013 u tal‑25 ta’ Marzu 2015.

41      Il-qorti tar-rinviju tesprimi, minn naħa, xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-limitazzjoni tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13. Min-naħa l-oħra, skont din il-qorti, il-fatt li t-Tribunal Supremo (qorti suprema), permezz tas-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2015, estendiet għall-azzjonijiet individwali s-soluzzjoni li kienet ingħatat fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013 fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, jista’ jkollu l-effett li jirrestrinġi d-dritt tal-persuni li jissellfu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ konkret ma jittiħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-punt ta’ tluq tal-obbligu ta’ ħlas lura li jaqa’ fuq l-istabbiliment bankarju li bbenefika mill-effetti ta’ klawżola inġusta.

42      Konsegwentement, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra l-istess seba’ domandi preliminari bħal dawk magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑307/15 domanda tmienja, ifformulata kif ġej:

“8)      L-estensjoni awtomatika tal-istess limitazzjoni tal-effetti ta’ ħlas lura li jirriżultaw min-nullità ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima ddikjarata fi ħdan proċedura mressqa minn assoċjazzjoni ta’ konsumaturi kontra entitajiet finanzjarji, għal azzjonijiet individwali ta’ nullità ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima, minħabba li hija inġusta, imressqa mill-klijenti-konsumaturi li kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju ma varji entitajiet finanzjarji hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ assenza ta’ natura vinkolanti tal-klawżoli inġusti fir-rigward tal-konsumatur hekk kif irrikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva rrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

43      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑10 ta’ Lulju 2015, il-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali, kif ukoll tas-sentenza.

44      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑14 ta’ Awissu 2015, it-talbiet tal-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) intiżi sabiex il-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 ikunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġew miċħuda.

45      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑21 ta’ Ottubru 2015, il-Kawża C‑154/15 ġiet magħquda mal-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C154/15 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C307/15 u C308/15

46      Permezz taż-żewġ domandi fil-Kawża C‑154/15 kif ukoll permezz tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont din il-klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust.

47      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Spanjol, ta’ Cajasur Banco kif ukoll ta’ BPE, li l-kwistjoni tal-effetti tal-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, peress li, b’tali konstatazzjoni, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) żgurat livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ogħla minn dak iggarantit minn din id-direttiva.

48      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta ċertament li, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), sabiex tiġġustifika stħarriġ tal-karattru inġust tal-klawżoli “ta’ rata minima” ikkonċernati, dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratti inkwistjoni, interpretat ir-rekwiżit ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva fis-sens li ma huwiex limitat għall-osservanza tat-trasparenza formali tal-klawżoli kuntrattwali, marbuta man-natura ċara u li tinftiehem tat-tfassil tagħhom, iżda li jestendi għall-osservanza tat-trasparenza materjali tagħhom, marbuta mal-fatt li l-konsumatur għandu jingħata informazzjoni suffiċjenti sa fejn jirrigwarda l-portata kemm ġuridika kif ukoll ekonomika tal-impenn kuntrattwali tiegħu.

49      Madankollu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istħarriġ tat-trasparenza materjali tal-klawżoli dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt iseħħ skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi, bl-istess kliem bħal dawk fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li l-klawżoli kuntrattwali għandhom “jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”.

50      Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180 punt 44).

51      Konsegwentement, l-eżami tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, fil-każ li l-konsumatur ma kellux, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, l-informazzjoni meħtieġa fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’mod ġenerali, u tal-Artikolu 6(1) tagħha b’mod partikolari.

52      Għaldaqstant, u sa fejn il-qrati tar-rinviju jirreferu għas-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 li tillimita l-effett restitutorju tal-konstatazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżoli “ta’ rata minima”, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza tali limitazzjoni minn qorti nazzjonali.

53      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur.

54      Din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, in-natura ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 44).

55      Barra minn hekk, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti f’bilanċ reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 63).

56      Minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 78).

57      Sabiex isir dan, hija l-qorti nazzjonali li għandha purament u sempliċement ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tipprovdix effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma tista’ tirrevedi l-kontenut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65).

58      F’dan il-kuntest, minn naħa, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan.

59      Fil-fatt, l-effikaċja sħiħa tal-protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva teħtieġ li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio l-karattru inġust ta’ klawżola għandha tkun tista’ tislet il-konsegwenzi kollha ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li l-imsemmija klawżola tiġi annullata (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Jőrös, C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 42).

60      Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali ma tistax tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti, ħlief sabiex tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ tali klawżoli inġusti fil-konfront tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Konsegwentement, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-karattru inġust ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola.

62      Minn dan jirriżulta li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ ammonti li jirriżulta li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju li jikkorrispondi ma’ dawn l-istess ammonti.

63      Fil-fatt, l-assenza ta’ tali effett restitutorju tista’ timmina l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, irid jagħti lill-konstatazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur.

64      Ċertament, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma jkunux jorbtu lill-konsumatur “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom” (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 57).

65      Madankollu, il-qafas fid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax ibiddel il-portata u konsegwentement is-sustanza ta’ din il-protezzjoni u bih stess jimmina t-tisħiħ tal-effettività tal-imsemmija protezzjoni bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, bħalma huwa indikat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13.

66      Konsegwentement, minkejja li huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom hija stabbilita l-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola f’kuntratt u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi jingħata dritt għall-ħlas lura ta’ benefiċċji miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew fornitur abbażi tal-imsemmija klawżola inġusta.

67      F’dan il-każ, permezz tas-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, li jagħmlu riferiment għaliha l-qrati tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li l-konstatazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżoli “ta’ rata minima” ikkonċernati la kienu jaffettwaw is-sitwazzjonijiet definittivament deċiżi b’deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata u lanqas il-ħlasijiet li saru qabel id-data tal-għoti ta’ dik is-sentenza u li, konsegwentement, l-effetti li jirriżultaw minn din il-konstatazzjoni, b’mod partikolari, id-dritt tal-konsumatur għall-ħlas lura, kienu limitati, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għall-ammonti mħallsa indebitament sa minn dik id-data.

68      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, hija tat deċiżjoni fis-sens li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jagħtu, b’mod partikolari, l-awtorità tar-res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, fid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37). Minn dan jirriżulta li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) kellha raġun tiddeċiedi, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, li din tal-aħħar ma kinitx taffettwa s-sitwazzjonijiet deċiżi definittivament b’deċiżjonijiet ġudizzjarji preċedenti li għandhom is-saħħa ta’ res judicata.

69      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-iffissar ta’ terminu perentorju raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors fl-interess taċ-ċertezza legali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 41).

70      Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni ta’ regola proċedurali, bħal terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli, u limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss, fid-dawl tal-ħtieġa fundamentali ta’ applikazzjoni uniformi u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiddeċiedi l-limitazzjonijiet ratione temporis li għandhom isiru għall-interpretazzjoni li hija tagħti għal tali regola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Barra et, 309/85, EU:C:1988:42, punt 13).

71      Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-drittijiet nazzjonali, li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jimminaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jieħdu minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 54 sa 61 ta’ din is-sentenza, li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta.

72      Issa, il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti legali li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima” li għamlet it-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, twassal biex iċċaħħad, b’mod ġenerali, lil kull konsumatur li kkonkluda, qabel din id-data, kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi tali klawżola mid-dritt li jikseb ħlas lura totali tal-ammonti li huwa ħallas indebitament lill-istabbiliment bankarju abbażi ta’ din il-klawżola fil-perijodu qabel id‑9 ta’ Mejju 2013.

73      Minn dan jirriżulta li ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti legali li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tiżgura protezzjoni limitata biss għall-konsumaturi li jkunu ssottoskrivew kuntratt ta’ self ipotekarju bi klawżola “ta’ rata minima” qabel id-data tal-għoti tas-sentenza li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust. Tali protezzjoni tirriżulta, konsegwentement, inkompleta u insuffiċjenti u tikkostitwixxi mezz li la huwa adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dawn it-tipi ta’ klawżoli, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 60).

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-qrati tar-rinviju huma marbuta għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali bl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma għandhom ma japplikawx, fuq awtorità tagħhom stess, il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis li għamlet it-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, sa fejn dan ma jidhirx li huwa kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 29 sa 32, tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 33 u 34; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 36, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 67 sa 70).

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust.

 Fuq id-domandi preliminari l-oħrajn

76      Fid-dawl tar-riposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑154/15 kif ukoll għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari l-oħrajn.

 Fuq l-ispejjeż

77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.