Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Lulju 2020 – Commerzbank AG vs E.O.

(Kawża C-296/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commerzbank AG

Konvenut: E.O.

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“eżerċizzju” ta’ attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut bil-Konvenzjoni li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu jippreżupponi, sa mit-tħejjija u l-konklużjoni tal-kuntratt, l-eżistenza ta’ attività transkonfinali tal-parti kontraenti mal-konsumatur, jew din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata wkoll sabiex tiġi stabbilita l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża meta, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-partijiet f’dan il-kuntratt kellhom id-domiċilju tagħhom fis-sens tal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II fl-istess Stat marbut bil-Konvenzjoni u meta r-relazzjoni ġuridika tkun kisbet natura internazzjonali biss a posteriori, minħabba li l-konsumatur, sussegwentement, ikun iċċaqlaq lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni?

Fil-każ li l-eżistenza ta’ attività transkonfinali fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ma tkunx neċessarja:

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 15(1)(ċ) u tal-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jeskludu b’mod ġenerali d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-istess konvenzjoni meta l-konsumatur, bejn il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u dak tat-tressiq tal-kawża, ikun iċċaqlaq lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni, jew huwa wkoll neċessarju li l-parti kontraenti mal-konsumatur teżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tagħha ukoll fl-Istat il-ġdid ta’ residenza jew li hija tindirizza dawn l-attivitajiet lejn dan l-Istat u li l-kuntratt jaqa’ fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet?

____________

1     Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2007, L 339, p. 3, rettifika fil-ĠU 2009, L 147, p. 44).