Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Mejju 2019 – Bundeszentralamt für Steuern vs Y-GmbH

(Kawża C-346/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundeszentralamt für Steuern

Konvenuta: Y-GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud 1 , prevista fid-Direttiva 2006/112/EC 2 , għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jipprovdi li l-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tinkludi fost l-oħrajn, għal kull Stat Membru ta’ rifjużjoni u għal kull fattura, in-numru tal-fattura, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-numru ta’ referenza tal-fattura, indikat bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni supplimentari, flimkien man-numru ta’ fattura, huwa wkoll suffiċjenti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv: applikazzjoni għal rifużjoni, li tindika n-numru ta’ referenza ta’ fattura minflok in-numru tal-fattura, għandha titqies li hija formalment kompluta u ppreżentata fit-terminu previst għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9?

Fir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni setgħet raġonevolement tippreżupponi li, minn perspettiva ta’ applikant avżat, u minħabba l-istruttura tal-portal elettroniku fl-Istat Membru ta’ residenza, huwa biżżejjed, sabiex l-applikazzjoni tkun korretta u, fi kwalunkwe każ, sabiex tkun formalment kompluta u ppreżentata fit-terminu previst, li jiġi indikat kodiċi ieħor għajr in-numru tal-fattura sabiex tiġi identifikata l-fattura li hija s-suġġett tal-applikazzjoni?

____________

1 ĠU 2008, L 44, p. 23.

2 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60)