Language of document : ECLI:EU:C:2012:42

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2012 (1)

Kawżi Magħquda C‑90/11 u C‑91/11

Alfred Strigl

vs

Deutsches Patent‑ und Markenamt

u

Securvita ‑ Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH

vs

Öko‑Invest Verlagsgesellschaft mbH

[talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Bundespatentgericht (il-Ġermanja)]

“Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) — Trade mark verbali komposta minn għaqda ta’ kliem deskrittiv u minn sekwenza ta’ ittri li fiha nnifisha ma hijiex deskrittiva u li tikkorrispondi għall-ewwel ittri tal-kliem li jikkomponu l-imsemmija għaqda ta’ kliem — Karattru deskrittiv — Karattru distintiv — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ disponibbiltà — Funzjoni distintiva tat-trade mark”






I –    Introduzzjoni

1.        Iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari, ippreżentati mill-Bundespatentgericht (Qorti federali tal-privattivi, il-Ġermanja), li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (2).

2.        Fil-kawżi prinċipali, it-trade marks verbali inkwistjoni huma magħmula minn bosta elementi. Dawn it-trade marks, jiġifieri Multi Markets Fund MMF u NAI — Der Natur-Aktien-Index, huma t-tnejn magħmula minn għaqda ta’ kliem deskrittiv, ippreċeduta jew segwita, skont il-każ, minn sekwenza ta’ ittri (taqsira) li fiha nnifisha ma hijiex deskrittiva u li tikkorrispondi għall-ewwel ittri tal-kliem li jikkomponu l-imsemmija għaqda ta’ kliem verbali.

3.        F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tat-trade marks u, iktar speċifikament, tiddeċiedi dwar il-portata taż-żewġ motivi ta’ rifjut jew ta’ invalidità elenkati fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, imsejsa, minn naħa fuq l-assenza tal-karattru distintiv u, min-naħa l-oħra, fuq il-kompożizzjoni esklużiva ta’ sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, biex jingħarfu l-karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz, koperti mit-trade mark.

4.        F’dan il-qasam, il-bilanċ bejn il-protezzjoni tal-interessi tal-applikant jew tad-detentur ta’ trade mark, minn naħa, u l-ħtieġa li jitqiesu l-interessi ġenerali, min-naħa l-oħra, ma jonqosx milli jqajjem il-mistoqsijiet. L-imsemmija interessi ġenerali jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-għan li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tas-sinjali deskrittivi (l-obbligu tad-disponibbiltà) u li jiġi permess lill-konsumatur jew lill-utent finali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni li jiddistingwi dan tal-aħħar minn prodotti u servizzi bi provenjenza differenti (funzjoni distintiva). Id-domandi mqajma mill-Bundespatentgericht għandhom l-għan, essenzjalment, li jidentifikaw l-elementi relevanti biex ikun jista’ jiġi ppreċiżat ir-rapport eżistenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għanijiet li jirregolaw id-dritt tat-trade marks.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Taħt it-titolu “Raġunijiet għal rifjut jew nullità [invalidità]”, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/95 (3) jiddisponi:

“1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[…]

b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

c)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

6.        Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 jikkorrispondu, essenzjalment, għad-dispożizzjonijiet tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 8(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks (Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen, iktar ’il quddiem il-“MarkenG”). Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu:

“Għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks

1.      li huma nieqsa minn karattru distintiv għal prodotti jew servizzi kkonċernati;

2.      li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, il-kwalità, il-kwantità, id-destinazzjoni, il-valur, l-oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-prodott jew tal-provvista tas-servizz jew karatteristiċi oħra ta’ dawn tal-aħħar […]”.

III – Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Il-kawża Strigl (C‑90/11)

7.        Fl-2008, A. Strigl kien applika għat-trade mark verbali Multi Markets Fund MMF mad-Deutsches Patent‑ und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż għall-privattivi u t-trade marks) għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 tal-ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ Nice”).

8.        Dawn is-servizzi huma deskritti kif ġej: jiġifieri “assigurazzjoni (konsultazzjoni, bejgħ u senseriji fl-assigurazzjoni); konsultazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni; kwistjonijiet finanzjarji (servizzi ta’ korpi bankarji u finanzjarji, konsultazzjoni fil-qasam finanzjarju, investimenti kapitali, tranżazzjonijiet fiduċjarji, kwistjonijiet monetarji); kwistjonijiet relatati ma’ propjetà immobbli (amministrazzjoni ta’ propjetà immobbli u ta’ propjetajiet, aġenziji ta’ propjetà); konsultazzjoni fil-qasam finanzjarju u ġestjoni ta’ partimonju”.

9.        Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Mejju u tal-11 ta’ Settembru 2008, id-Deutsches Patent- und Markenamt ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni abbażi tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 8(2) tal-MarkenG. F’dan ir-rigward, huwa qies, essenzjalment, li l-espressjoni “Multi Markets Fund” kienet tirreferi għal fondi li jinvestu f’numru ta’ swieq differenti. Qies ukoll li l-pubbliku seta’ faċilment jifhem is-sekwenza “MMF” bħala taqsira evidenti tal-ewwel tliet elementi verbali tas-sinjal, minħabba l-fatt li din it-taqsira tiġi immedjatement wara dawn it-tliet elementi u tadotta l-ewwel ittri rispettivi tiegħu.

10.      Id-Deutsches Patent- und Markenamt iddeduċa, minn dan, li fl-intier tiegħu, is-sinjal ma kienx jiddomina t-totalità tal-elementi li jikkomponuh. Filwaqt li ammetta li kien possibbli li jiġu attribwiti diversi sensi lis-sekwenza ta’ ittri “MMF” meta din tal-aħħar tiġi kkunsidrata b’mod iżolat, huwa qies madankollu li l-għażla kienet tonqos manifestament jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra tat-trade mark u s-servizzi li fir-rigward tagħhom is-sinjal kien mitlub.

11.      A. Strigl ippreżenta rikors quddiem il-Bundespatentgericht bl-għan li jiġu annullati d-deċiżjonijiet tad-Deutsches Patent‑ und Markenamt li kienu rrifjutaw ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark verbali. Huwa qies li din tal-aħħar kienet tiġbor fiha għadd ta’ sinjifikati. Il-fatt li l-element “MMF” jista’ jikkorrispondi għal serje ta’ taqsiriet huwa biżżejjed, skont huwa, biex jelimina t-teżi li dan is-sinjal jista’ jintuża b’mod deskrittiv.

12.      Meta wieħed iqis li l-eżitu tal-imsemmi rikors jiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/95, il-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2008/95/[K]E għandha tapplika wkoll għal trade mark verbali komposta minn għaqda ta’ kliem deskrittiv flimkien ma’ sekwenza ta’ ittri li ma hijiex deskrittiva fiha nfisha, meta din is-sekwenza, minħabba li tirriproduċi l-ewwel ittra ta’ kull kelma tal-għaqda ta’ kliem, tinftiehem mill-pubbliku bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem, u li t-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tista’ għalhekk tinftiehem bħala li hija għaqda ta’ indikazzjonijiet jew ta’ taqsiriet deskrittivi li jispjegaw reċiprokament lil xulxin?”

B –    Il-kawża Securvita (C‑91/11)

13.      It-trade mark verbali NAI — Der Natur‑Aktien‑Index ġiet irreġistrata fl-2001 mad-Deutsches Patent‑ und Markenamt f’isem Securvita - Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH (iktar ’il quddiem “Securvita”) għas-servizzi segwenti fil-klassi 36 tal-ftehim ta’ Nice, jiġifieri “assigurazzjoni; kwistjonijiet finanzjarji; kwistjonijiet monetarji; kwistjonijiet relatati ma’ propjetà immobbli”.

14.      Fl-2007, il-kumpannija Öko Invest Verlagsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Öko‑Invest”) talbet l-annullament tal-imsemmija trade mark billi saħqet li s-sekwenza tal-ittri “NAI” hija użata fil-qasam finanzjarju bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem “Natur‑Aktien‑Index”. Insostenn tar-rikors tagħha, Öko-Invest issostni li, sa fejn din l-għaqda ta’ kliem li tinsab direttament wara s-sekwenza ta’ ittri “NAI”, tikkostitwixxi indikazzjoni deskrittiva, is-sekwenza tal-ittri, mifhuma bħala sempliċi taqsira tal-għaqda ta’ kliem, ma tistax ħlief titqies, hija wkoll, bħala indikazzjoni deskrittiva.

15.      Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008, id-Deutsches Patent‑ und Markenamt laqa’ t-talba ta’ Öko-Invest u annulla l-imsemmija trade mark, billi qies li r-raġuni għar-rifjut stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 8(2) tal-MarkenG, kienet tipprekludi din tal-aħħar. Skont dan, it-trade mark, meqjusa fit-totalità tagħha, tirriduċi ruħha għal kombinazzjoni ta’ indikazzjonijiet li kienu purament deskrittivi u li kienu ppreċeduti minn taqsira, jiġifieri, is-sekwenza ta’ ittri “NAI”, perċepita mill-pubbliku bħala tali.

16.      Insostenn tar-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundespatentgericht, Securvita saħqet li l-ebda raġuni għal rifjut ma setgħet tipprekludi din it-trade mark. B’mod partikolari, hija rreferiet għall-fatt li r-Raba’ Bord tal-appell tal-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks, Disinni) (UASI) laqa’ l-applikazzjoni tagħha għat-trade mark Komunitarja NAI — Der Natur‑Aktien‑Index, permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża R 1630/2008‑4, billi qies li din it-trade mark kienet tikkostitwixxi sinjal li kellu karattru distintiv u mhux deskrittiv (4).

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel d-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2008/95/[K]E għandha tapplika wkoll għal trade mark verbali komposta minn għaqda ta’ kliem deskrittiv flimkien ma’ sekwenza ta’ ittri li ma hijiex deskrittiva fiha nfisha, meta din is-sekwenza, minħabba li tirriproduċi l-ewwel ittra ta’ kull kelma tal-għaqda ta’ kliem, tinftiehem mill-pubbliku bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem, u li t-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tista’ għalhekk tinftiehem bħala li hija għaqda ta’ indikazzjonijiet jew ta’ taqsiriet deskrittivi li jispjegaw reċiprokament lil xulxin?”

18.      It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Bundespatentgericht ġew irreġistrati fir-reġistru tal-qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 2011.

19.      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Mejju 2011, il-Kawżi C-90/11 u C-91/11 ġew maqgħuda għall-finijiet tal-proċedura u tas-sentenza.

20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, Securvita, mill-Gvern Taljan, u dak Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-ebda parti ma talbet li tinżamm seduta formali.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet ġenerali

1.      Kummenti preliminari

21.      Għandu qabel xejn jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 huma viċin dawk tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-każ preżenti, ir-raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità tad-Direttiva 2008/95, li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni mill-qorti tar-rinviju huma, kif diġà indikajt, identiċi għar-raġunijiet assoluti ta’ rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament. Minħabba din is-similarità, nirreferi wkoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 207/2009 (5).

22.      Għal dak li għandu x’jaqsam mar-risposta għad-domandi preliminari, ma huwiex meħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-domandi magħmula fiż-żewġ kawżi prinċipali peress li l-punt tad-dritt imqajjem mill-qorti nazzjonali huwa essenzjalment l-istess. Minħabba ż-żieda, fl-ewwel parti tagħha, tal-espressjoni “fiha nfisha” (6), id-domanda preliminari fil-kawża Securvita tidher iktar preċiża, għalkemm essenzjalment simili, minn dik magħmula fil-kawża Strigl. Għal din ir-raġuni, ser nibda mill-formulazzjoni tad-domanda fil-kawża Securvita għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet.

23.      Fil-kuntest tal-kawżi preżenti, il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi, essenzjalment, kif għandha tiġi evalwata, fir-rigward tar-raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2008/95, trade mark li minn naħa hija magħmula minn għaqda ta’ kliem deskrittiv u, min-naħa l-oħra, minn sekwenza ta’ ittri li tadotta l-ewwel ittri tal-kliem ta’ din l-għaqda ta’ kliem u li tista’, bħala tali, titqies bħala mhux deskrittiva.

2.      Dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja

24.      Fid-dawl tal-fatt li t-trade marks inkwistjoni huma magħmula kemm minn elementi deskrittivi, kif ukoll minn elementi li fihom infushom ma humiex deskrittivi, jeħtieġ li jiġi stabbilit paralleliżmu mas-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 37(2) tal-imsemmi regolament, l-UASI jista’ jissuġġetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-kundizzjoni li l-applikant jiddikjara li mhux ser jinvoka d-dritt esklużiv fir-rigward ta’ xi wieħed mill-elementi tat-trade mark li huwa nieqes mill-karattru distintiv (imsejjaħ ukoll “disclaimer”) meta l-inklużjoni ta’ dan l-element fit-trade mark tista’ toħloq dubji dwar il-firxa tal-protezzjoni ta’ din tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ rinunzja”) (7).

25.      Madankollu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, il-possibbiltà mogħtija lill-UASI li jitlob dikjarazzjoni ta’ rinunzja min-naħa tal-applikant tat-trade mark, bl-ebda mod ma timplika li din id-dikjarazzjoni jista’ jkollha effett fuq il-kwistjoni dwar jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat jew le. Bħala regola ġenerali, trade mark li tikkonsisti f’bosta elementi li xi wħud minnhom huma deskrittivi jew mhux deskrittivi, tiġi rrifjutata fir-reġistrazzjoni biss jekk fit-totalità tagħha tkun nieqsa mill-karattru distintiv (8).

26.      Għalkemm id-dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja jistgħu jkunu suxxettibbli li jkollhom impatt fuq fl-eżami tal-firxa tal-protezzjoni tat-trade mark fil-kuntest tal-kunflitti tat-trade marks, l-UASI ma jidhirx li jagħmel użu minn din il-possibbiltà konċessa mir-Regolament Nru 207/2009. Għall-kuntrarju, dan tal-aħħar jidher li japplika l-prinċipju li s-sinjali magħmula minn bosta elementi ma jistgħux ikunu protetti biss fir-rigward ta’ wieħed minnhom (9).

3.      Fuq l-interessi ġenerali li fuqhom huma msejsa r-raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità

27.      Fil-kuntest tal-eżami tar-raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, huwa meħtieġ li wieħed iqis kif jixraq l-għanijiet intiżi tagħhom u l-interessi ġenerali li huma msejsa fuqhom. Għal din ir-raġuni jidher li huwa utli li wieħed jagħmel xi osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

28.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-diversi raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, kif ukoll ir-raġunijiet assoluti għar-rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqu hija msejsa kull waħda minnhom (10).

29.      Fl-ewwel lok, għal dak li għandu x’jaqsam mal-għan aħħari tar-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità, stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, din id-dispożizzjoni hija intiża għat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali marbut mal-fatt li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom qed tintalab ir-reġistrazzjoni, jistgħu jiġu liberament użati minn kulħadd (11).

30.      Il-koeffiċjent li fuqu hija msejsa r-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità, stabbilit fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, jissarraf għalhekk fil-ħtieġa li tiġi ggarantita l-possibbiltà ta’ ċerti sinjali u biex b’hekk jiġi żgurat li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu liberament użati mill-operaturi kollha fis-settur inkwistjoni (12). Dan il-prinċipju, li joriġina mid-dritt Ġermaniż (“Freihaltebedürfnis”), jikkostitwixxi għalhekk element essenzjali għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din ir-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità (13).

31.      Minn dan l-obbligu ta’ disponibbiltà jirriżulta, li r-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 għandha timpedixxi għalhekk li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi fil-mira ta’ dan l-obbligu jiġu rriżervati għall-benefiċċju ta’ impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (14). Madankollu, b’differenza mid-duttrina Ġermaniża, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-applikazzjoni tar-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 ma tiddependix mill-eżistenza tal-obbligu konkret, attwali jew serju tad-disponibbiltà u li għalhekk huwa irrelevanti li wieħed ikun jaf in-numru ta’ konkorrenti li għandhom jew jista’ jkollhom interess li jużaw is-sinjal inkwistjoni (15).

32.      Fit-tieni lok, għal dak li għandu x’jaqsam mar-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità stabbilita fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interess ġenerali rilevanti huwa marbut mill-viċin mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li għandha l-għan li tippermetti lill-konsumatur jew lill-utent finali jiddistingi mingħajr konfużjoni potenzjali, il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark minn prodotti jew servizzi oħra bi provenjenza differenti (16).

33.      Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu dawn l-interessi ġenerali fl-eżami tad-domandi preliminari magħmula.

B –    L-evalwazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità

1.      Fuq ir-rabta bejn il-karattru deskrittiv u l-karattru distintiv tat-trade mark

34.      Preliminarjament, ta’ min wieħed jenfasizza li r-raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 huma marbuta mill-viċin. Fil-fatt, meta l-karattru esklużivament deskrittiv ikun ġie stabbilit skont l-imsemmi punt (c), huwa possibbli li wieħed jirrikorri għall-punt (b) tal-imsemmi artikolu. Fi kliem ieħor, l-assenza tal-karattru distintiv ta’ trade mark verbali jirriżulta mill-karattru deskrittiv tas-sinjal, u mhux bil-maqlub (17).

35.      Ser nipproċedi fl-analiżi tiegħi billi nibbaża ruħi fuq din l-ipotesi. F’dan il-kuntest, irid madankollu jitfakkar li sinjal jista’ jkun nieqes mill-karattru distintiv għal raġunijiet oħra għajr il-karattru potenzjalment deskrittiv (18) u li l-assenza tal-karattru distintiv tas-sinjal ma jistax jissejjes biss fuq il-karattru deskrittiv, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ġenerali differenti li fuqhom huma msejsa ż-żewġ raġunijiet għar-rifjut (19).

36.      Huwa wkoll importanti li jiġi nnutat, kuntrarjament għal dak li saħqet fuqu l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li għandha ssir distinzjoni bejn ir-raġunijiet differenti ta’ rifjut jew ta’ invalidità, stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95. Fil-fatt, skont ġurisprudnza stabbilita, anke jekk, sa ċertu punt, iż-żewġ kampijiet tal-applikazzjoni rispettiva tagħhom jikkoinċidu, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet hija indipendenti mill-oħrajn u titlob eżami separat (20).

37.      F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ, barra minn hekk, li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-karattru deskrittiv, kompost minn bosta kelmiet jew minn kelma waħda u minn numru, jista’ jiġi eżaminat, parzjalment, għal kull wieħed mill-elementi tiegħu, meħud separatament, iżda għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi ddikjarat ukoll fir-rigward tat-totalità li jikkomponu (21).

38.      Bħala regola ġenerali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi kombinazzjoni ta’ elementi li jiddeskrivu, individwalment, il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun qed tintalab ir-reġistrazzjoni, tibqa’ fiha nnifisha deskrittiva tal-imsemmija karatteristiċi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95. Madankollu, kombinazzjoni bħal din ma tistax tkun deskritiva, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li joħloq impressjoni li hija suffiċjentement imbegħda minn dik prodotta permezz tas-sempliċi għaqda tal-imsemmija elementi (22).

39.      Barra minn hekk, il-fatt li kull wieħed minn dawn l-elementi, meħud separatament, ikun nieqes mill-karattru distintiv ma jeskludix il-possibbiltà li l-kombinazzjoni ta’ dawn l-elementi jista’, madankollu, jkollu tali karattru (23).

40.      Għal dak li għandu x’jaqsam mat-trade marks verbali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, magħmula minn kliem deskrittiv marbut ma’ sekwenza ta’ ittri li tikkorrispondi għall-ewwel ittri tal-imsemmija kliem u li tista’, meħuda waħedha, titqies bħala mhux deskrittiva, il-kwistjoni hija waħda li jiġi stabbilit jekk iż-żieda ta’ taqsira li min-natura tagħha ma tiddeskrivix għaqda deskrittiva ta’ kliem, tistax twassal biex l-elementi verbali, meħuda flimkien, jiksbu karattru mhux deskrittiv, anki distintiv, meħtieġ għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark.

41.      Fi kliem ieħor, fil-kawżi prinċipali, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-istess sekwenza unika ta’ ittri għal prodotti u servizzi identiċi, għandhiex dejjem tiġi evalwata bl-istess mod, indipendentement mill-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk it-trade mark tikkonċernax din is-sekwenza bħala tali, jew il-kombinazzjoni ta’ sekwenza ma’ elementi oħra deskrittivi.

42.      F’dan il-kuntest, huwa utli li jiġi osservat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, trade mark verbali li tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, bilfors li hija nieqsa mill-karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi (24).

43.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li huwa meħtieġ li l-evalwazzjoni tat-trade marks inkwistjoni tibda bl-analiżi tal-elementi li minnhom huma magħmula dawn tal-aħħar, qabel ma wieħed jipproċedi għall-eżami globali tagħhom.

2.      Fuq l-elementi li jikkomponu t-trade marks

44.      Għal dak li għandu x’jaqsam, minn naħa, mal-kawża Strigl u mat-trade mark Multi Markets Fund MMF, il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li l-għaqda ta’ kliem “Multi Markets Fund” tikkostitwixxi indikazzjoni li sservi biex tidentifika s-servizzi li huma fil-mira tat-talba, jiġifieri s-servizzi pprovduti partikolarment fil-kuntest ta’ fond ta’ investiment fi swieq differenti. Tisħaq ukoll li l-pubbliku rilevanti jista’ faċilment jifhem il-kliem li minnu hija komposta l-għaqda ta’ kliem “Multi Markets Fund”, kemm meħud waħdu kif ukoll fit-totalità li jifforma.

45.      Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sekwenza tal-ittri “MMF”, meħuda weħedha, il-qorti tar-rinviju tindika li din tal-aħħar għandha titqies bħala kombinazzjoni ta’ ittri li bħala tali ma tistax tiġi attribwita sinjifikat deskrittiv. Madankollu, hija tgħid li din is-sekwenza ta’ ittri ssegwi direttament l-għaqda ta’ kliem “Multi Markets Fund”, li jwassalha biex tikkonkludi li din tal-aħħar hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala taqsira tal-imsemmija għaqda ta’ kliem. Tali perċezzjoni tikkorrispondi, skont hija, għal dik naturali u loġika tal-konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolemt attent u prudenti.

46.      Għal dak li għandu x’jaqsam, min-naħa l-oħra, mal-kawża Securvita u mat-trade mark NAI — Der Natur‑Aktien‑Index, l-espressjoni “Natur‑Aktien‑Index” tiddeskrivi, bl-istess mod bħall-espressjonijiet “Öko‑Aktien”, “Umweltaktien” jew “grüne Aktien”, l-azzjonijiet ta’ ċerti impriżi b’orjentazzjoni ekoloġika u, konsegwentement, ċerta kategorija ta’ titoli. Barra minn hekk, is-sinjal “Natur‑Aktie” huwa użat b’mod wiesa’ ħafna biex jiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ prodotti differenti fil-qasam finanzjarju. Skont il-qorti nazzjonali, l-għaqda ta’ kliem tiddeskrivi, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, il-karatteristiċi tas-servizzi fil-mira tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95.

47.      Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sekwenza tal-ittri “NAI”, li tinsab b’sing quddiem l-għaqda ta’ kliem “Der Natur‑Aktien‑Index”, il-qorti nazzjonali tgħid li din tal-aħħar ma tikkostitwixxix għaqda kurrenti u ġeneralment komprensibbli, suxxettibbli li titqies mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-karatteristiċi tas-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata. Konsegwentement, meħuda weħedha, is-sekwenza ta’ ittri “NAI” ma tistax tiddeskrivi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, karatteristika tas-servizzi li fir-rigward tagħhom it-trade mark ġiet irreġistrata.

3.      Fuq l-impressjoni ġenerali prodotta permezz tat-trade marks

48.      Irrid ngħid l-ewwel nett, li anke jekk is-sekwenzi tal-ittri, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom karattru distintiv, meta meħuda weħedhom, għal dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi fil-mira tat-trade marks inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma għandhiex tkun analizzata biss fir-rigward tal-elementi differenti li jikkomponu t-trade mark, iżda prinċipalment fir-rigward tal-impresssjoni tat-totalità li tipproduċi.

49.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-impressjoni tat-totalità li jipproduċu t-trade marks inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-tliet ittri kapitali inkwistjoni, “MMF” u “NAI” rispettivament, jikkorrispondu mat-tliet kelmiet fl-għaqda tal-kliem inkwistjoni, jiġifieri “Multi Markets Fund” u “Natur‑Aktien‑Index”. B’hekk, il-pubbliku jkun jista’ faċilment jirrikonoxxi s-sekwenza tal-ittri bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem li, skont il-każ, tiġi qabilha jew warajha.

50.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kompożizzjoni tat-trade mark NAI — Der Natur-Aktien-Index, għandu wkoll jiġi nnutat li s-sekwenza tal-ittri “NAI” hija segwita minn sing li jorbotha mal-għaqda ta’ kliem. Dan is-sing jista’ jitqies, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li jirrijinforza l-impressjoni tat-totalità, jiġifieri li dan huwa sempliċi taqsira tal-għaqda ta’ kliem li jiġi warajh. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tinnota li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li t-taqsira “NAI” ma fihiex l-ewwel ittra tal-artikolu ddefinit “Der” li jirriżulta mill-għaqda ta’ kliem sussegwenti, inkwantu l-artikolu “Der” huwa element aċċesorju meta mqabbel man-nomi li l-ewwel ittra tagħhom hija adottata fit-taqsira inkwistjoni.

51.      F’dan il-kuntest, nosserva, b’mod purament inċidentali, li l-motivazzjoni tar-Raba’ Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI fir-rigward tar-reġistrazzzjoni tat-trade mark NAI — Der Natur‑Aktien‑Index bħala trade mark Komunitarja, ftit li xejn jidhirli li hija konvinċenti. Skont l-UASI, is-sekwenza tal-ittri “NAI”, meħuda weħedha, ma għandha l-ebda sinjifikat deskrittiv u ż-żieda tal-għaqda tal-kliem “Der Natur‑Aktien‑Index” ma hija ser tbiddel xejn. Hija qieset li konklużjoni differenti jkollha l-konsegwenza li tali sekwenza ta’ ittri tista’ ssir “sussegwentement” deskrittiva fit-totalità tagħha wara ż-żieda tal-elementi verbali deskrittivi (25).

52.      Ċertament li lanqas ma huwa eskluż li tali sekwenzi ta’ ittri jistgħu, fihom infushom, jiksbu karattru distintiv, peress li huma suxxettibbli, bħala tali, li jirreferu għal taqsir ieħor u ma jiddeskrivux, fihom infushom, il-prodotti u s-servizzi fil-mira tat-trade marks inkwistjoni. Madankollu nixtieq nenfasizza li l-konsumatur medju jipperċepixxi, bħala regola ġenerali, it-trade mark bħala totalità u ma jeżaminax l-elementi differenti tagħha (26).

53.      Fil-fatt, l-opinjoni espressa fid-deċiżjoni tal-UASI tonqos milli tirrikonoxxi l-impressjoni ġenerali li, kif diġà indikajt, għandha titqies fl-evalwazzjoni tal-motivi għar-rifjut jew għan-nullità elenkati fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95. Fid-dawl tal-impressjoni ġenerali li jipproduċu t-trade marks komposti minn għaqda ta’ kliem deskrittivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll minn sekwenza ta’ ittri li tikkorrispondi għall-ewwel ittri tal-kliem li jiffurmaw l-imsemmija għaqda ta’ kliem, din tal-aħħar tidher li hija element dominanti ta’ tali trade marks. Fl-opinjoni tiegħi, is-sekwenza ta’ ittri li tikkorrispondi għall-ewwel ittri tat-tliet kelmiet fl-għaqda tal-kliem inkwistjoni, ma hijiex kapaċi tipproduċi impressjoni li hija suffiċjentement imbegħda minn dik maħluqa mis-sempliċi għaqda tal-elementi li jikkomponu t-trade mark.

54.      Inżid ngħid li sekwenza ta’ ittri li hija perċeputa mill-pubbliku rilevanti bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem li tinsab ma’ ġenbha, ma tistax tiddomina fuq l-elementi kollha tat-trade mark meħuda fit-totalità tagħhom, u dan minkejja li s-sekwenza tista’ titqies li tippreżenta, fiha nnifisha, karattru distintiv. Il-karattru deskrittiv ta’ wieħed mill-elementi tat-trade mark, jiġifieri dak tas-sekwenza tal-ittri, jirriżulta għalhekk mit-trade mark meħuda fit-totalità tagħha. B’hekk, pereżempju, l-impressjoni tat-totalità prodotta permezz tat-trade mark verbali fittizja Two for tea — 24T hija differenti minn dik prodotta permezz ta’ 24T.

55.      Ninsisti fuq il-fatt li s-sinjifikat tat-trade mark għandu jiġi ddeterminat b’mod globali. L-evalwazzjoni globali tat-trade mark tista’ twassalna, fil-każ ta’ trade mark li l-elementi tagħha huma strettament marbuta wieħed mal-ieħor u li żewġ elementi tagħha jitfissru reċiprokament, għal konklużjoni differenti minn dik li wieħed jasal għaliha bl-eżami individwali ta’ kull wieħed mill-elementi tagħha.

56.      Għal din ir-raġuni, filwaqt li nibbaża ruħi fuq l-evalwazzjoni globali tat-trade marks bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, inqis li l-pubbliku jatribwixxi lit-taqsira, li fiha nnifsha ma hijiex deskrittiva, sempliċement il-kontenut deskrittiv li jirriżulta mill-għaqda ta’ kliem li jinsab ma’ ġenbha, peress li l-elementi differenti li jinsabu biswit xulxin jitfissru permezz ta’ xulxin. Minn dan jirriżulta li sekwenza tal-ittri li tadotta l-ewwel ittra tal-kliem li jikkomponu l-għaqda ta’ kliem għandha biss, meta mqabbla ma’ din tal-aħħar, pożizzjoni aċċessorja, li jwassalni biex nikkonkludi li l-element li jikkonsisti f’tali sekwenza ta’ ittri huwa negliġibbli għal dak li għandu x’jaqsam mal-impressjoni tat-totalità prodotta permezz ta’ tali trade mark (27). Peress li l-għaqda ta’ kliem għandha karattru deskrittiv din b’hekk tikkonferixxi sinjifikat deskrittiv lit-trade mark meqjusa fit-totalità tagħha.

57.      Minkejja din il-konklużjoni, għad trid tingħata risposta għad domanda tal-qorti tar-rinviju relatata mal-kampijiet tal-applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet għar-rifjut jew għan-nullità stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ trade marks bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

4.      Fuq l-għażla bejn ir-raġunijiet għar-rifjut jew għan-nullità stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95

58.      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-distinzjoni li għandha ssir bejn l-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 fil-preżenza ta’ trade marks bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hemm lok li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-karattru deskritiv tat-trade marks inkwistjoni, li għandha tiġi stabbilita abbażi tal-impressjoni tat-totalità prodotta permezz ta’ dawn tal-aħħar, iżda wkoll l-interessi ġenerali li fuqhom jissejsu r-raġunijiet rispettivi għar-rifjut jew għall-invalidità. Jeħtieġ għalhekk, għal darb’oħra, li jiġu spjegati, minn naħa, l-obbligu tad-disponibbiltà marbut ma’ ċerti sinjali, u, min-naħa l-oħra, il-funzjoni distintiva tat-trade mark li għandha tippermetti li jiġu distinti l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks minn prodotti u servizzi oħra bi provenjenza differenti.

59.      Minn din il-perspettiva, l-aċċettazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark komposta esklużivament minn sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi li l-aċċessibbiltà tagħhom għandha tibqa’ żgurata, tkun kuntrarja anki għall-għan aħħari tar-raġuni għar-rifjut jew invalidità, stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95.

60.      Fil-fatt, biex jiġi ggarantit it-twettiq sħiħ ta’ dan l-għan ta’ użu liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex meħtieġ li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jikkomponu t-trade mark, stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 jkunu effettivament użati, fil-mument tat-talba għar-reġistrazzjoni, għall-finijiet deskrittivi ta’ prodotti jew servizzi bħal dawk li għalihom tkun saret it-talba għar-reġistrazzjoni jew ta’ karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu użati għal dawn il-finijiet (28). Minn dan isegwi li sinjal verbali għandu jipprekludi r-rifjut ta’ reġistrazzjoni, skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(c) tal-imsemmija direttiva, jekk, għallinqas f’waħda mis-sinjifikati potenzjali tiegħu, jidentifika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (29).

61.      Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 tirreferi għal trade marks komposti esklużivament minn sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi. Fil-kawżi prinċipali, it-trade marks inkwistjoni huma komposti minn elementi deskrittivi (it-tagħqid ta’ kliem), minn naħa, u elementi li fihom infushom ma humiex deskrittivi (is-sekwenzi tal-ittri), min-naħa l-oħra. Kif għidt iktar ’il fuq, f’każ ipotetiku bħal dan, is-sinjifikat deskrittiv tas-sekwenza tal-ittri, li fiha nnifisha ma hijiex deskrittiva, jirriżulta mill-evalwazzjoni globali tat-trade mark. Iktar preċiżament, il-karattru deskrittiv tal-imsemmija sekwenza ta’ ittri jirriżulta mill-kliem fl-għaqda ta’ kliem li l-ewwel ittri tagħha jikkomponu s-sekwenzi inkwistjoni.

62.      Ma teżisti l-ebda ħtieġa li tiġi ggarantita d-disponibbiltà ta’ dawn is-sekwenzi ta’ ittri meħuda separatament u lanqas tat-trade mark meħuda fit-totalità tagħha, peress li jekk din tal-aħħar għandha sens deskrittiv, ma hijiex komposta esklużivament minn tali sinjali jew tali indikazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, għall-finijiet tal-eżami tat-trade marks inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huwa meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-kriterju tal-karattru distintiv previst fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95.

63.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-eżami tal-karattru distintiv ta’ tali kombinazzjoni ta’ elementi fis-sens tal-punt (b) tal-imsemmi artikolu, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li jiġi vverifikat jekk globalment, it-trade marks kontenzjużi jistgħux jew le jiggarantixxu l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri d-distinzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din tal-aħħar, minn prodotti jew servizzi bi provenjenza differenti. Hawnhekk il-kwistjoni hija dik li jiġi stabbilit jekk il-kombinazzjoni ta’ elementi deskrittivi u ta’ element li fih innifsu ma huwiex deskrittiv, iżda li fil-kuntest tat-trade mark inkwistjoni huwa deskrittiv, jistax joħloq impressjoni li hija suffiċjentement imbegħda minn dik prodotta mis-sempliċi għaqda tal-imsemmija elementi (30).

64.      Bħala konklużjoni, għal dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni tat-totalità tat-trade mark, komposta minn għaqda ta’ kliem deskrittiv flimkien ma’ sekwenza ta’ ittri li jikkorrispondu għall-ewwel ittri tal-kliem fl-għaqda ta’ kliem, inqis li sekwenza ta’ ittri li fiha nnifisha ma hijiex deskrittiva tikseb karattru deskrittiv f’dan il-kuntest speċifiku. Madankollu, peress li trade mark iffurmata minn tali elementi ma hijiex esklużivament komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, huwa meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 biex tiġi evalwata l-possibbiltà tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ dan it-tip.

V –    Konklużjoni

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi s-segwenti bħala risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundespatentgericht:

“Trade mark verbali komposta minn għaqda ta’ kliem deskrittiv flimkien ma’ sekwenza ta’ ittri li fiha nnifisha ma hijiex deskrittiva, li tikkorrispondi għall-ewwel ittra ta’ kull kelma fl-għaqda ta’ kliem, li għaldaqstant hija perċepita mill-pubbliku bħala taqsira tal-imsemmija għaqda ta’ kliem, u li, meqjusa fit-totalità tagħha, tista’ tinftiehem bħala kombinazzjoni ta’ indikazzjonijiet jew taqsir deskrittiv li jitfisser reċiprokament, għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità stabbilita fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, u mhux fid-dawl tar-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c) ta’ din id-direttiva, peress li tali trade mark ma hijiex esklużivament komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi.”


1 —      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2—      ĠU L 299, p. 25.


3 — F’dan ir-rigward, irid jingħad li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


4 —      Barra minn hekk, il-kumpannija Securvita applikat lill-UASI għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal “Natur‑Aktien‑Index” (mingħajr it-taqsira “NAI”). L-eżaminatur ċaħad ir-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark fl-14 ta’ Frar 2007. L-appell ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fis-26 ta’ Mejju 2008 mir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI fil-Każ R 525/2007‑4. Ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat, sussegwentement, manifestament inammissibbli permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tat-30 ta’ Ġunju 2009, Securvita vs UASI (Natur-Aktien-Index) (T‑285/08, Ġabra p. II‑2171).


5 —      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-ġurisprudenza inkwistjoni tikkonċerna, fil-parti l-kbira tagħha, l-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 146, sostitwiti, rispettivament, bid-Direttiva 2008/95 u r-Regolament Nru 207/2009).


6 —      Fil-verżjoni Ġermaniża: “isoliert betrachtet”.


7 —      Id-Direttiva 2008/95 ma tipprevedix tali dikjarazzjoni ta’ rinunzja. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-kwistjonijiet proċedurali ma jiffurmawx parti mill-armonizzazzjoni stabbilita fl-imsemmija direttiva, il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu tali karatteristika. Ma neskludix għalhekk li l-eżistenza tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja fl-ordinament ġuridiku ta’ ċerti Stati Membri jista’ jkollha influwenza fuq l-evalwazzjoni tat-trade marks inkwistjoni.


8 —      Ara Study on the Overall Functioning of the European Trade Mark System, Max Planck Institute for Intellectual Property and Competition Law, Munich, 2011, li jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/docs/tm/20110308_allensbach-study_en.pdf.


9 —      Ara, f’dan is-sens, il-punt 73 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, Ġabra p. I‑8403).


10 —      Ara, f’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech (C‑273/05 P, Ġabra p. I‑2883, punt 74), u tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI (C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet għar-rifjut jew għall-invalidità elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie BV (C‑265/00, Ġabra p. I‑1699, punt 34 u l-ġuriprudenza ċċitata).


11 —      Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, Ġabra p. I‑1541, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata); Campina Melkunie, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley (C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, il-punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 —      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi tad-duttrina Ġermaniża, ara b’mod partikolari Frisch, A., Das Freihaltebedürfnis im Markenrecht, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden Baden, 2007.


13 —      L-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer diġà analizza b’mod approfondit il-firxa u l-oriġini tal-obbligu tad-disponibbiltà fid-dritt Ġermaniż (fil-punti 33 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ April 2008, adidas u adidas Benelux, C‑102/07, Ġabra p. I‑2439), b’mod li nista’ nillimita ruħi għal xi osservazzjonijiet introduttivi li jippermettu li wieħed jifhem aħjar ir-rwol ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni.


14 —      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi‑Werke vs UASI (C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata), UASI vs Celltech, iċċitata iktar ’il fuq (punt 75), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 25).


15 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 —      Fil-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet din l-idea, li tirreferi għall-funzjoni distintiva tat-trade mark, b’modi differenti. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora Inc. u Interflora British Unit (C‑323/09, Ġabra p. I-8625, punti 37 sa 39); tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal SA et vs eBay International AG et (C‑324/09, Ġabra p. I‑6011, punt 80); tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI (C‑304/06 P, Ġabra p. I‑3297, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, Ġabra p. I‑10273, punt 51).


17—      Ara l-punt 43 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV Deutsche Krankenversicherung vs UASI (C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561).


18 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19—      Sentenza Eurohypo vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq (punti 55 sa 62).


20—      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eurohypo vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 —      Ara, fost oħrajn, id-digriet tas-6 ta’ Frar 2009, MPDV Mikrolab vs UASI (C‑17/08 P, Ġabra p. I‑16, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 —      Sentenza Campina Melkunie, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39 u 40).


23 —      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2011, Media‑Saturn‑Holding vs UASI (C‑92/10 P, Ġabra p. I‑2, punt 36) kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eurohypo vs UASI (punt 41) u BioID vs UASI (punt 29).


24—      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 86).


25 —      Ara, b’mod partikolari, il-punti 12 u 16 tad-deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal-Bord tal-Appel tal-UASI, tal-15 ta’ Ottubru 2009, fil-Każ R 1630/2008-4, imsemmija iktar ’il fuq.


26 —      Ara, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ konfużjoni, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI (C‑254/09 P, Ġabra p. I‑7989, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27—      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57).


28—      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 —      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-5 ta’ Frar 2010, Mergel et vs UASI (C‑80/09 P, Ġabra p. I‑17, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Lancôme vs UASI (C‑408/08 P, Ġabra p. I‑1347, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).