Language of document : ECLI:EU:F:2007:87

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Mejju 2007

Kawża F-99/06

Adelaida López Teruel

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Uffiċjali – Leave tal-mard – Assenza mhux awtorizzata – Proċedura ta’ arbitraġġ – Terminu għall-għażla ta’ tabib indipendenti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. López Teruel titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-UASI, ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, li tindikalha li mis-7 ta’ April 2005 l-assenza tagħha ma kinitx iġġustifikata u li tordnalha terġa’ tokkupa l-post tagħha mingħajr dewmien.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni ta’ l-UASI, ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, hija annullata safejn tittratta l-assenza tar-rikorrenti bħala assenza mhux iġġustifikata mit-8 sa l-20 ta’ Frar 2005 u mis-7 ta’ April sat-2 ta’ Awwissu 2005. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u terz mill-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Eżami mediku

(Regolamenti tal-Persunal, is-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 59(1))

2.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Eżami mediku

(Regolamenti tal-Persunal, il-ħames sas-seba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 59(1))

3.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Eżami mediku

(Regolamenti tal-Persunal, is-seba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 59(1))

4.      Uffiċjali – Prinċipji – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

1.      Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn it-tabib tal-uffiċjal, u l-uffiċjal mediku ta’ l-istituzzjoni, it-terminu ta’ ħamest ijiem, previst fis-subparagrafu 6 ta’ l-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li fih l-amministrazzjoni tista’ unilateralment tagħżel tabib indipendenti għall-arbitraġġ tal-konklużjonijiet ta’ l-eżami mediku fil-każ ta’ leave tal-mard, jibda jiddekorri mill-ewwel kuntatt bejn it-tabib li jirrappreżenta l-uffiċjal u dak magħżul mill-amministrazzjoni, madankollu mingħajr ma titħalla l-inizjattiva għal dan il-kuntatt f’idejn dan ta’ l-aħħar. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li wieħed isir jaf b’ċertezza l-intenzjoni tal-leġiżlatur wara dan it-terminu, jeħtieġ li ssir riferiment għar-ratio legis tiegħu, li huwa li jinsab ftehim li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-uffiċjal matul il-proċedura ta’ arbitraġġ, filwaqt li jiġi żgurat l-iżvolġiment mgħaġġel ta’ din il-proċedura, fejn il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ma jistax għaldaqstant jiddependi mill-inizjattiva ta’ waħda biss miż-żewġ partijiet.

Dan it-terminu mhuwiex ta’ natura indikattiva, iżda jorbot liż-żewġ partijiet, billi l-iskadenza tiegħu ma tagħtix biss il-possibbiltà lill-amministrazzjoni li tagħżel it-tabib għall-arbitraġġ minn lista ta’ tobba indipendenti, iżda tobbligaha li tagħmel dan. B’daqshekk mhuwiex terminu ta’ ordni pubbliku.

Peress li l-proċedura ta’ arbitraġġ tinbeda fuq l-inizjattiva ta’ l-uffiċjal, dan ma jistax jagħmel użu, sabiex jikkontesta d-deċiżjoni ta’ l-amministrazzjoni li unilateralment tagħżel tabib għall-arbitraġġ, mill-kunsiderazzjoni żbaljata tan-natura imperattiva ta’ l-imsemmi terminu mit-tabib li huwa għażel sabiex jirrappreżentah. Għalkemm huwa minnu li, fil-prattika, jista’ jkun utli li wieħed ifakkar lil tabib li mhuwiex parti mill-istituzzjoni dwar l-eżistenza ta’ terminu daqshekk qasir għall-għażla volontarja tat-tabib indipendenti, l-istituzzjoni ma tkunx qed twettaq kunsiderazzjoni żbaljata ta’ wieħda mill-obbligi tagħha meta tibqa’ lura milli tagħmel dan, peress illi t-tabib ta’ l-uffiċjal, billi jaċċetta li jirrappreżentah fil-proċedura ta’ arbitraġġ prevista fir-Regolamenti tal-Persunal, huwa kkunsidrat li jkun aċċetta wkoll il-qafas u t-termini ta’ din il-proċedura.

(ara l-punti 44, 46, 47, 50 sa 52, 54 u 97)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Diċembru 1967, Collignon vs Il‑Kummissjoni, 4/67, Ġabra p. 469, 479; Il-Qorti tal-Prim Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 41

2.      Meta l-opinjoni tat-tabib indipendenti tikkonferma l-konklużjonijiet ta’ l-eżami mediku organizzat mill-istituzzjoni fil-każ ta’ leave tal-mard ta’ uffiċjal, l-assenza ta’ dan l-aħħar ma tistax titqies bħala assenza mhux iġġustifikata qabel id-data ta’ l-imsemmi eżami, anki jekk, fl-imsemmija opinjoni, jitqies li l-assenza ma kinitx iġġustifikata sa minn data preċedenti. Fil-fatt, jekk huwa minnu li l-ewwel sentenza tas-seba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jattribwixxi natura vinkolanti lill-opinjoni tat-tabib indipendenti fl-elementi kollha tagħha, il-portata ta’ din in-natura hija madankollu ppreċiżata mill-aħħar żewġ sentenzi ta’ l-imsemmi paragrafu, li jgħidu li l-assenza titqies bħala assenza mhux iġġustifikata mid-data ta’ l-imsemmi eżami.

Madankollu, peress illi l-għan tat-termini qosra li fihom tista’ tintuża u tiżvolġi l-proċedura ta’ arbitraġġ mediku huwa li jiġi żgurat li l-eżami mediku ta’ arbitraġġ isir malajr kemm jista’ jkun wara l-eżami mediku organizzat mill-istituzzjoni, u fid-dawl ta’ l-obbligu ta’ diliġenza li d-dispożizzjonijiet mill-ħames sas-seba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jimponu kemm fuq l-amministrazzjoni kif ukoll fuq l-uffiċjal, meta l-amministrazzjoni ma tikkomunikax il-konklużjonijiet ta’ l-eżami mediku lill-uffiċjal fi żmien raġonevoli, l-assenza tiegħu tista’ titqies bħala mhux iġġustifikata biss mid-data ta’ din il-komunikazzjoni, peress li l-perijodu li matulu l-uffiċjal kien qiegħed jistenna din il-komunikazzjoni ma jistax jiġi meqjus bħala perijodu ta’ assenza mhux iġġustifikata.

(ara l-punti 61 sa 63 u 65 sa 67)

3.      L-hekk imsejħa evalwazzjonijiet mediċi mogħtija fl-opinjoni tat-tabib indipendenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mediku previst fil-każ ta’ leave tal-mard, bħal dawk mogħtija mill-kumitati mediċi u ta’ l-invalidità, għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jsiru taħt kundizzjonijiet regolari. Il-qorti Komunitarja, li ma teżerċitax stħarriġ fuq l-imsemmija evalwazzjonijiet mediċi, hija kompetenti biss sabiex teżamina jekk l-opinjoni medika tinkludix motivazzjoni li tippermetti l-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet li jinsabu fiha u jekk tistabbilixxix rabta li tinftiehem bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li fiha u l-konklużjonijiet li tasal għalihom.

(ara l-punti 74 sa 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Diċembru 1987, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 277/94, Ġabra p. 4923, punt 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Frar 1992, Plug vs Il-Kummissjoni, T‑165/89, Ġabra p. II‑367, punt 75; 15 ta’ Diċembru 1999, Nardone vs Il-Kummissjoni, T‑27/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1293, punt 30; 16 ta’ Ġunju 2000, C vs Il-Kunsill, T‑84/98, ĠabraSP p. I‑A‑113 u II‑497, punt 43; 12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il-Kummissjoni, T‑191/01, ĠabraSP p. I‑A‑147 u II‑659, punt 62; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Beau vs Il-Kummissjoni, F‑39/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑51 u II‑A‑1‑175, punt 35

4.      Skond il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu, meta tagħti deċiżjoni rigward is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, li tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u, b’hekk, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak ta’ l-uffiċjal ikkonċernat. Madankollu, il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba ma jagħtix, fih nnifsu, drittijiet lill-individwi, ħlief meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ drittijiet speċifiċi bħad-dritt għal trattament imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli ta’ dak kollu li jirrigwardaha, id-dritt għal smigħ, id-dritt għal aċċess għall-fajl, id-dritt għall-għoti ta’ raġunijiet għad-deċiżjonijiet, skond l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(ara l-punt 92)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Diċembru 2001, Area Cova et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑196/99, Ġabra p. II‑3597, punt 43; 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, GabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 42; 4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T‑193/04, Ġabra p. II-3995, punt 127