Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (Franza) fid-29 ta’ Ottubru 2018 – Procureur de la République vs X

(Kawża C-693/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Procureur de la République

Konvenut: X

Partijiet oħra: Partijiet ċivili

Domandi preliminari

Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ element tad-disinn

1-1 X’inhu kopert mill-kunċett ta’ element ta’ disinn imsemmi fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 1 , li jiddefinixxi t-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device)?

1-2 Programm integrat fil-kalkolatur li jikkontrolla magna jew b’mod iktar ġenerali li jaġixxi fuq dan il-kalkolatur jista’ jitqies bħala element ta’ disinn fis-sens ta’ dan l-artikolu?

Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet

2-1 X’inhu kopert mill-kunċett ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet imsemmi fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, li jiddefinixxi t-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device)?

2-2 Din is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tinkludi biss it-teknoloġiji u l-istrateġiji intiżi biex jittrattaw u jnaqqsu l-emissjonijiet (b’mod partikolari NOx) wara li dawn jinħolqu, jew tinkludi fiha wkoll it-teknoloġiji u strateġiji differenti li jippermettu li tiġi limitata l-produzzjoni tagħhom mill-bidu, bħat-teknoloġija EGR ?

Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device)

3-1 Dispożittiv li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 715/2007, għall-finijiet ta’ attivazzjoni jew ta’ aġġustament ’il fuq, matul dawn il-proċeduri, tal-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u b’hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, huwa tagħmir ta’ riduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007?

3-2 F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan it-tagħmir ta’ riduzzjoni huwa pprojbit, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007?

3-3 Dispożittiv bħal dak deskritt fid-domanda 3-1 jista’ jiġi kkwalifikat bħala “tagħmir ta’ riduzzjoni” jekk l-aġġustament ’il fuq tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tkun effettiva, mhux biss waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni, iżda anki f’ċirkustanzi speċifiċi, meta l-kundizzjonijiet eżatti identifikati biex is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tiġi aġġustata ’l fuq matul il-proċeduri ta’ approvazzjoni jerġgħu jiġu identifikati matul iċ-ċirkulazzjoni reali?

Interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5

4-1 X’inhu kopert mit-tliet eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tal-Kapitolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007?

4-2 Il-projbizzjoni tat-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device) li jattiva jew jaġġusta ’l fuq il-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet b’mod speċifiku waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni tista’ tiġi injorata għal xi waħda mit-tliet raġunijiet elenkati fl-Artikolu 5(2)?

4-3 It-tnaqqis tal-proċess li bih magna teqdiem jew tinstadd jifforma parti mir-rekwiżiti ta’ “protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti” jew ta’ “tħaddim fis-sigurtà tal-vettura” li jistgħu jiġġustifikaw il-preżenza ta’ “defeat device” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) ?

____________

1     Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, p. 1).