Language of document : ECLI:EU:F:2011:103

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBLLIKU (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Lulju 2011

Kawża F-38/11

Gianluigi Alari

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2009 — Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni li matulha l-uffiċjal kien ġie promoss fl-istituzzjoni tiegħu ta’ oriġini — Istituzzjoni kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tal-uffiċjal ittrasferit”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Alari jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li ma tippromovihx għall-grad AD 7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Il-Parlament Ewropew għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni — Kompetenza tal-istituzzjoni ta’ oriġini sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

Skont l-eżiġenzi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta uffiċjal ikun jista’ jiġi promoss matul is-sena li matulha jiġi ttrasferit, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tiegħu hija dik tal-istituzzjoni ta’ oriġini.

L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-promozzjoni ssir wara eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni u li, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rapporti dwar l-uffiċjali.

Issa, sabiex tiddeċiedi jekk uffiċjal għandux jiġi promoss b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar tas-sena N (u anki b’mod iktar ġenerali matul is-sena N), l-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni li lejha sar it-trasferiment tista’ biss, fil-prattika, tagħmel eżami komparattiv tal-merti passati tal-uffiċjali, b’mod partikolari matul is-sena N-1 (u fid-dawl tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ kif dawn l-uffiċjali wettqu x-xogħol tagħhom matul is-snin N-1 u dawk preċedenti). F’dan ir-rigward, fil-fatt huwa neċessarju li jsir paragun tal-merti tal-uffiċjali ttrasferiti ma’ dawk tal-uffiċjali li kienu għadhom kollegi tagħhom matul is-sena li ppreċediet it-trasferiment tagħhom, liema evalwazzjoni tista’ ssir b’mod utli biss mill-istituzzjoni ta’ oriġini.

(ara l-punti 26, 27 u 31)