Language of document : ECLI:EU:F:2013:81

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

18 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑143/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ċaħda mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ talba għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura — Rikors għal annullament li għandu l-istess suġġett bħal talba għall-intaxxar tal-ispejjeż — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad it-talba tiegħu tas-16 ta’ Awwissu 2011, kif ukoll il-ħlas tas-somma ta’ EUR 3 316.31, miżjuda bl-interessi minħabba dewmien u b’pagamenti ta’ penalità, għal parti mill-ispejjeż esposti għall-finijiet tal-proċedura fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑81/09, iktar ’il quddiem is‑“sentenza tal‑15 ta’ Frar 2011”, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑238/11 P).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Kundizzjonijiet — Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt — Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Preżentata ta’ rikors li għandu l-istess suġġett bħal talba għal intaxxar — Inammissibbiltà

(Artikolu 270 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Artikolu 92(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1. Skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta rikors ikun, totalment jew parzjalment manifestament inammissibbli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, mingħajr ma jkompli bil-proċedura, jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

F’dan ir-rigward, meta, wara li jinqara’ l-proċess ta’ kawża, il-formazzjoni ġudikanti, wara li tqis li tinsab informata biżżejjed mill-atti tal-imsemmi proċess, tkun kompletament konvinta dwar l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors u tqis barra minn hekk li ż-żamma ta’ seduta ma tkunx tali li toffri l-iċken element ġdid f’dan ir-rigward, iċ-ċaħda tar-rikors permezz ta’ digriet motivat, abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, mhux biss tikkontribwixxi għall-ekonomija tal-ġudizzju, iżda tiffranka wkoll lill-partijiet l-ispejjeż li tikkomporta ż-żamma ta’ seduta.

(ara l-punti 16 u 17)

Referenza:

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ April 2012, Oprea vs Il‑Kummissjoni, F‑108/11, punt 12, u l-ġurisprudenza ċċitata

2. Id-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea jipprovdi proċedura speċifika ta’ intaxxar tal-ispejjeż meta l-partijiet ma jaqblux fuq l-ammont u n-natura tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru wara deċiżjoni li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun temm tilwima u ddeċieda fuq ir-responsabbiltà għall-ispejjeż. Għalhekk, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, jekk ikunu qed jiġu kkontestati n-natura u l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat fuq it-talba tal-parti kkonċernata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

Barra minn hekk, il-proċedura speċifika, prevista fl-imsemmi Artikolu 92(1) tar-Regoli tal‑Proċedura, relatata mal-intaxxar tal-ispejjeż, teskludi talba għall-istess somom, jew għal somom sostnuti għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ kawża mressqa konformement mal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, rikorrent ma jistax jippreżenta b’mod ammissibbli, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament li, fir-realtà, għandu l-istess suġġett bħal talba għall-intaxxar tal-ispejjeż. Dan huwa l-każ ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba li permezz tagħha r-rikorrent jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra l-ħlas lura ta’ somma għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet ta’ proċedura.

(ara l-punti 19, 20 u 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, punt 297

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑70/07, punt 17; 20 ta’ Ġunju 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑67/10, punt 21, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑475/11 P