Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) (il-Portugall) fis-17 ta’ Lulju 2019 – ALLIANZGI-FONDS AEVN vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-545/19)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ALLIANZGI-FONDS AEVN

Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

L-Artikolu 56 [KE] (li sar l-Artikolu 63 TFUE) dwar il-moviment liberu tal-kapital, jew l-Artikolu 49 [KE] (li sar l-Artikolu 56 TFUE) dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jipprekludu skema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita mill-Artikolu 22 tal-EBF [Estatuto dos Benefícios Fiscais (l-Istatut tal-Benefiċċji Fiskali)] li jipprevedi t-taxxa f’ras il-għajn ta’ natura liberatorja fuq id-dividendi rċevuti minn kumpanniji Portugiżi favur l-OIC [Organismo de Investimento Coletivo (organu ta’ investiment kollettiv)] mhux residenti fil-Portugall u stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, fl-istess waqt li l-OIC ikkostitwiti bis-saħħa tal-leġizlazzjoni fiskali Portugiża u residenti fiskali fil-Portugall jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq tali dħul?

Billi pprovdiet taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lill-OIC mhux residenti u billi rriżervat għall-OIC residenti l-possibbiltà li jiksbu eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq trattament sfavorevoli fil-konfront tad-dividendi mħallsa lill-OIC mhux residenti, ladarba ma tingħata ebda possibbiltà lil dawn tal-aħħar ikollhom aċċess għal eżenzjoni simili?

Il-qafas fiskali tad-detenturi ta’ ishma tal-OIC huwa rilevanti għal skopijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni Portugiża, fid-dawl tal-fatt li din tipprevedi trattament fiskali awtonomu u distint (i) għall-OIC (residenti) u (ii) għad-detenturi ta’ ishma rispettivi tal-OIC? Jew, fid-dawl tal-fatt li s-sistema fiskali tal-OIC ma hijiex, għal kollox, immodifikata jew affettwata biċ-ċirkustanza dwar jekk il-parteċipanti rispettivi humiex residenti fil-Portugall jew le, l-evalwazzjoni tal-paragunibbiltà tas-sitwazzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni msemmija għandha sseħħ sempliċement b’riferiment għat-taxxa applikabbli fuq il-livell tal-istrument ta’ investiment?

Differenza fit-trattament bejn OIC residenti u mhux residenti fil-Portugall hija ammissibbli, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti fil-Portugall, sew jekk ikunu detenturi ta’ ishma ta’ OIC (residenti jew mhux residenti) huma, fiż-żewġ każijiet, suġġetti wkoll (bħala regola, ma humiex eżentati) għal taxxa fuq id-dħul iddistribwit mill-OIC, fejn id-detenturi ta’ ishma f’OIC mhux residenti huma suġġetti għal taxxa ogħla?

Fid-dawl tal-fatt li d-diskriminazzjoni analizzata f’din it-tilwima tirrigwarda differenza fit-taxxa fuq id-dħul relatat ma’ dividendi ddistribwiti mill-OIC residenti lid-detenturi rispettivi ta’ ishma fl-OIC, huwa leġittimu, b’effett tal-analiżi tal-paragunabbiltà tat-taxxa fuq id-dħul, li jittieħdu inkunsiderazzjoni taxxi, ħlasijiet jew kontribuzzjonijiet dovuti fl-ambitu tal-investimenti magħmula mill-OIC? B’mod partikolari, huwa leġittimu u ammissibbli, b’effett tal-analiżi tal-paragunabbiltà, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt assoċjat ma’ taxxa fuq il-patrimonju, fuq spejjeż jew oħrajn, u mhux strettament it-taxxa fuq id-dħul tal-OIC, inklużi eventwali taxxi speċifiċi?

____________