Language of document : ECLI:EU:F:2014:265

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

11  ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑103/13

DE

vs

Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju tal-EMA – Talba għal annullament – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Ksur tar-regoli proċedurali – Assenza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu DE jitlob, essenzjalment, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn il-15 ta’ Settembru 2010 u l-15 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2010/2012”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. DE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rikors għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ippreżentat minn membru tal-persunal temporanju wara t-tmiem tal-kariga tiegħu – Żamma tal-interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Evalwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu43)

1.      Sabiex rikorrent ikun jista’ jippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni, dan għandu jkollu interess personali, reali u attwali għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, anki wara l-preżentata tar-rikors tiegħu.

F’dak li jikkonċerna l-interess tar-rikorrent li jitlob l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkonċernat, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk dan ikunx ipprova l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li tiġġustifika interess personali u attwali li jinkiseb l-annullament, anki wara t-tmiem definittiv tal-kariga tiegħu.

Meta membru tal-persunal temporanju jindika f’rikors għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li l-konvenuta tkun iddeċidiet li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu abbażi, fost l-oħrajn, tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat u li kien ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-fatt li l-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent intemm ma għandux, fih innifsu, l-effett li jċaħħad lir-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat mill-utilità tiegħu u, konsegwentement, ma huwiex ta’ natura li jtellef lir-rikorrent l-interess ġuridiku tiegħu sabiex jikkontesta l-imsemmi rapport.

(ara l-punti 25 sa 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Digriet N vs Il-Kummisjsoni, T‑97/94, EU:T:1998:270, punt 26; sentenza Dionyssopoulou vs Il-Kunsill, T‑105/03, EU:T:2005:189, punt 20, u Digriet Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑46/08 P, EU:T:2009:362, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Sentenza Solberg vs OEDT, F‑148/12, EU:F:2013:154, punt 16

2.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva r-rapport ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u dettaljat u li tqiegħed lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet dwar din il-motivazzjoni, peress li r-rispett ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa iktar u iktar importanti meta l-evalwazzjoni tkun inqas favorevoli meta mqabbla ma’ l-evalwazzjoni preċedenti.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Sentenza: Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑16/03, EU:T:2004:283, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Sentenza Nastvogel vs Il-Kunsill, F‑4/10, EU:F:2011:134, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata