Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2019 mill-European Federation of Public Service Unions (EPSU) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-24 ta’ Ottubru 2019 fil-Kawża T-310/18, EPSU u Goudriaan vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-928/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: European Federation of Public Service Unions (EPSU) (rappreżentanti: R. Arthur, Solicitor, K. Apps, Barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Jan Willem Goudriaan

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli;

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 2018;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li dan l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli għaliex il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi.

L-EWWEL AGGRAVJU: id-direttivi adottati bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE għandhom natura leġiżlattiva

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kklassifikat il-proċedura segwita skont l-Artikoli 154 u 155 TFUE bħala li ma tistax twassal għal atti ġuridiċi ta’ natura leġiżlattiva.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi li miżuri adottati permezz tat-tieni proċedura għandhom l-istess konsegwenzi bħal direttivi oħra.

It-Trattat ta’ Lisbona ma naqqasx ir-rwol tal-imsieħba soċjali jew biddel in-natura tal-miżuri adottati skont it-tieni proċedura.

Il-miżuri adottati permezz ta’ direttiva bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Kunsill iżommu n-natura leġiżlattiva tagħhom.

Il-miżuri adottati permezz ta’ direttiva bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Kunsill huma atti leġiżlattivi.

Sussidjarjament, jekk jiġi preżunt (liema fatt qed jiġi kkontestat) li d-direttivi adottati bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ma humiex atti leġiżlattivi:

Huma jikkostitwixxu forma ta’ lex specialis ta’ natura essenzjalment leġiżlattiva iktar milli eżekuttiva.

Huma jistgħu jipproduċu l-istess effetti legali li kellhom qabel l-2007.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-ewwel motiv tal-appellanti.

IT-TIENI AGGRAVJU: interpretazzjoni tal-Artikoli 154 u 155 TFEU

Il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fl-interpretazzjonijiet letterali, kuntestwali u teleoloġika tagħha tal-Artikoli 154 u 155(2) TFUE.

L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 155(2) TFUE ma ssegwix il-formulazzjoni espliċita tiegħu.

Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li, meta l-imsieħba soċjali rappreżentattivi jaslu għal ftehim bejn l-imsieħba soċjali u l-ftehim ma jkunx illegali, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipproponi t-test lill-Kunsill sabiex tiġi adottata deċiżjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE.

Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-għażla tal-metodu ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet bejn imsieħba soċjali taqa’ fuq l-imsieħba soċjali u mhux fuq il-Kummissjoni.

Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-Kunsill għandu s-setgħa jiddeċiedi li ma jadottax deċiżjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE, iżda li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa simili.

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod inkorrett il-bilanċ istituzzjonali tal-Artikoli 154 u 155 TFUE billi estendiet is-setgħat tal-Kummissjoni lil hinn mill-formulazzjoni espliċita tad-dispożizzjonijiet u billi interpretat b’mod inkorrett l-impatt tal-Artikoli 13 u 17 TUE.

L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-kuntest tat-Titolu X TFUE dwar il-politika soċjali u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod inkorrett is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża UEAPME vs Il-Kunsill, billi tat lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali iktar wiesgħa minn dik li għandha skont l-interpretazzjoni korretta.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tar-rwol tal-Parlament fil-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-ewwel motiv tal-appellanti.

IT-TIELET AGGRAVJU: l-approċċ preferenzjali għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali politika wiesgħa meta adottat id-deċiżjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali:

interpretat b’mod inkorrett l-Artikoli 154 u 155 TFUE u n-natura tal-proċess tal-imsieħba soċjali, u

wettqet żball meta indikat l-istanzi ta’ xebh mal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-tieni motiv tal-appellanti.

IR-RABA’ AGGRAVJU: l-approċċ fir-rigward tar-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat il-legalità tar-raġunament fil-qosor tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Marzu 2018 kienu legalment u fattwalment żbaljati.

Il-Kummissjoni ma setgħetx tispjega għalfejn tbiegħdet mill-aċċertamenti mogħtija fil-korrispondenza preċedenti tagħha u fil-komunikazzjonijiet ippubblikati tagħha.

Ir-raġunijiet mogħtija fl-ittra ma kinux dawk invokati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha jew waqt is-seduta. Dawn ir-raġunijiet kienu wkoll legalment u fattwalment żbaljati.

Il-Kummissjoni ma aġixxietx konformement mal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________