Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2012 – ZZ vs Il-Kummissjoni u l-EMA

(Kawża F-2/12)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: M. Ekimdzhiev, K. Boncheva u G. Chernicherska, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea dwar il-Mediċini

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tfassil u l-approvazzjoni tal-lista ta’ preselezzjoni li ġiet ippreżentata lill-Bord tat-Tmexxija tal-EMA fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv tal-imsemmija aġenzija, it-tieni nett, l-annullament tal-ħatra ta’ kandidat ieħor għall-imsemmi post u t-tielet nett, il-kumpens għad-dannu morali allegatament subit.

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tal-bord ta’ preselezzjoni li tiġi stabbilita lista ta’ kandidati sabiex jiġu ppreżentati lill-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea, ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Marzu 2011;

tannulla d-deċiżjoni preliminari tal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea, tal-14 ta’ Marzu 2011, li tibgħat għall-erba’ kandidati inklużi fil-lista tal-bord ta’ preselezzjoni għal intervista mal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet, ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Marzu 2011;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea, tal-14 ta’ Marzu 2011, li taċċetta l-opinjoni tal-bord ta’ preselezzjoni fir-rigward tal-mertu addizzjoni tal-erba’ kandidati inklużi fil-lista tal-bord ta’ preselezzjoni, ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Marzu 2011;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-20 ta’ April 2011, li tipprovdi lista tal-kandidati preselezzjonati;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-6 ta’ Ottubru 2011, li tiċħad l-ilment imressaq bħala rikors amministrattiv skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej u li telenka l-motivi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-20 ta’ April 2011, sabiex tiġi stabbilita lista ta’ kandidati preselezzjonati;

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-EMA, tas-6 ta’ Ottubru 2011, li taħtar direttur eżekuttiv tal-EMA, skont il-metodi previsti fl-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, li kienu s-suġġett ta’ lment imressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra skont l-Artikolu 90 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal;

tordna kumpens ġust għad-dannu morali subit;

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-EMA għall-ispejjeż.