Language of document : ECLI:EU:F:2011:173

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2011


Kawża F-114/10


Carlos Bowles, Emmanuel Larue

u

Sarah Whitehead

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Aġġustament ġenerali tas-salarji — Metodu ta’ kalkolu — Data provviżorja — Kriżi ekonomika u finanzjarja — Ċirkustanzi speċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Rendikont tar-remunerazzjoni — Att provviżorju”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu C. Bowles, E. Larue u S. Whitehead jitolbu l-annullament tar-rendikonti tas-salarju tagħhom ta’ Jannar 2010 u tax-xhur sussegwenti sa fejn dawn jindikaw aġġustament ġenerali tas-salarji għall-2010 ta’ 2 %, kif ukoll il-kundanna tal-BĊE jħallashom danni li jikkorrispondu għaż-żieda ta’ 0.1 % tas-salarju tagħhom u tad-drittijiet finanzjarji dderivati l-oħra kollha minn Jannar 2010, minbarra l-interessi moratorji, għal ħsara ta’ telf ta’ setgħa ta’ akkwist, stabbilita ex æquo et bono fuq bażi provviżorja għas-somma ta’ EUR 5 000 għal kull wieħed minnhom, u għad-dannu morali tagħhom stmat ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 5 000 għal kull wieħed minnhom.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-BĊE li jiżdiedu bi 2 % ir-remunerazzjonijiet tar-rikorrenti mill-1 ta’ Jannar 2010, kif juru r-rendikonti tas-salarju tagħhom ta’ Jannar 2010 u tax-xhur sussegwenti, huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju


1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett

(Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36; Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 13)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Remunerazzjoni — Metodu ta’ kalkolu għall-aġġustament ġenerali tar-reumunerazzjonijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikorsi għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens adegwat għad-dannu morali

1.      Għalkemm ir-rendikonti tas-salarju, bħala tali, ma għandhomx il-karatteristiċi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma madankollu jirriflettu, f’termini finanzjarji, il-portata ta’ deċiżjonijiet ġuridiċi individwali meħuda mill-amministrazzjoni sabiex tapplika atti ta’ natura ġenerali adottati fil-qasam tar-remunerazzjoni.

Att provviżorju fil-qasam tar-remunerazzjoni adottat mill-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jikkawża preġudizzju jekk l-adozzjoni tiegħu hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali ta’ natura li jiġu affettwati l-interessi tal-persuni kkonċernati billi jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom matul il-perijodu li fih ikun japplika.

(ara l-punti 42 u 50)


Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Ġunju 2008, Cerafogli u Poloni vs Il‑BĊE, F‑116/05, punt 51; 28 ta’ Ottubru 2010, Cerafogli vs Il‑BĊE, F‑96/08, punti 33 u 34, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      In-nota tal-11 ta’ Ġunju 2008, bit-titolu “Metodoloġija applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-aġġustament ġenerali tas-salarji għall-perijodu minn Jannar 2009 sa Diċembru 2011”, ma tipprevedix il-possibbiltà għall-Bank Ċentrali Ewropew, ħlief fil-każ fejn ir-riżultat finali tal-applikazzjoni tal-metodu deskritt minnha ma jkunx konformi mal-politika tiegħu ta’ moderazzjoni tas-salarji, jinjora data provviżorja bħal dik ipprovduta mill-Eurostat u magħmula disponibbli mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Ottubru 2009 dwar l-iżvilupp tas-salarji fi ħdan il-grupp ta’ riferiment “istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni Ewropea”. Għall-kuntrarju, waħda min-noti ta’ qiegħ il-paġna, li tinsab fin-nota tal-11 ta’ Ġunju 2008, tipprovdi li, peress li d-data dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hija approvata mill-Kunsill fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena, tali data provviżorja hija aċċettata. Konsegwentement, il-Bank Ċentrali Ewropew kellu jieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ 3.6 % li kienet l-aħħar waħda magħmula disponibbli mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Ottubru 2009 u dan, mikejja li r-rata ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni adottata finalment mill-Kunsill hija differenti.

Sabiex ma tintilifx l-effettività kollha tal-proċedura speċifika li tippermetti lill-Kunsill Regolatorju jitbiegħed mir-riżultati tal-metodu ta’ kalkolu tal-aġġustament ġenerali tas-salarji, meta din il-proċedura tmur kontra l-orjentazzjoni politika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-moderazzjoni tas-salarji u fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjonijiet oħra speċifiċi jew derogatorji, ma jistax jiġi dedott min-nota tal-11 ta’ Ġunju 2008 li l-għan tagħha u l-ispirtu tagħha kienu jippermettu lill-Bank Ċentrali Ewropew jitbiegħed, fil-każ ta’ kriżi ekonomika serja, mit-termini ċari u mhux ambigwi tan-nota ta’ qiegħ il-paġna.

(ara l-punti 67 u 70)


3.      L-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens xieraq u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li huwa sofra dannu morali li huwa separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat totalment b’dan l-annullament.

(ara l-punt 81)


Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, punti 27 sa 29

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, punt 58