Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (l-Awstrija) fl-20 ta’ Lulju 2018 – KL et vs UNIQA Österreich Versicherungen et

(Kawża C-479/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bezirksgericht für Handelssachen Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: KL, LK, MJ, NI

Konvenuti: UNIQA Österreich Versicherungen, DONAU Versicherung AG Vienna Insurance Group, Allianz Elementar Lebensversicherungs-Aktiengesellschaft

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE 2 , jew l-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE 3 , jew inkella l-Artikolu 185(1), moqri flimkien mal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE 4 għandhom jiġu interpretati fis-sens li – fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-effetti ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt – it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja ma jibdix jiddekorri jekk il-kumpannija ta’ assigurazzjoni ssemmi fl-informazzjoni pprovduta li r-rinunzja għandha tiġi fformulata bil-miktub, minkejja li r-rinunzja ma hija suġġetta għall-ebda forma partikolari taħt id-dritt nazzjonali?

(fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ assenza ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jibda jiddekorri mid-data li fiha d-detentur tal-polza jkun ġie informat – indipendentement mill-mod kif – bid-dritt ta’ rinunzja tiegħu?

L-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li – fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-effetti ta’ assenza ta’ informazzjoni jew ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt – id-dritt tad-detentur tal-polza li jirrinunzja għall-kuntratt jintemm mhux iktar tard mill-mument wara li l-valur ta’ xiri mill-ġdid ikun tħallas lilu minħabba x-xoljiment minnu tal-kuntratt u wara li l-partijiet kontraenti, b’dan il-mod, ikunu wettqu b’mod sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt?

(fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv u/jew fil-każ li t-tielet domanda tingħata risposta fin-negattiv:)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE jew l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, jew inkella l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-detentur tal-polza għandu jiġi rrimborsat, jekk huwa jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, il-valur ta’ xiri mill-ġdid (jiġifieri l-valur attwali tal-assigurazzjoni, ikkalkolat skont ir-regoli attwarji rrikonoxxuti)?

(fil-każ li r-raba’ domanda għandha tiġi eżaminata u li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv:)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE jew l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, jew inkella l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja, id-dritt għall-pagament ta’ interessi b’rata fissa fuq il-primjums irrimborsati jista’ jiġi limitat, minħabba l-preskrizzjoni, għall-parti relatata mal-perijodu tat-tliet snin li jippreċedu l-preżentata tar-rikors?

____________

1 Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat-8 ta’ Novembru 1990 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li tistipula d-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE, ĠU 1990, L 330, p. 50.

2 Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (“it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja”), ĠU 1992, L 360, p. 1.

3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3.

4 Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), ĠU 2009, L 335, p. 1.