Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fl-4 ta’ Jannar 2021 – Fédération des entreprises de la beauté vs Agence nationale de sécurité du médicament et des produits de santé

(Kawża C-4/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Fédération des entreprises de la beauté

Konvenut: Agence nationale de sécurité du médicament et des produits de santé

Domandi preliminari

L-ittra tas-27 ta’ Novembru 2019 tal-Kap tad-diviżjoni “Teknoloġiji għall-konsumaturi, l-ambjent u s-saħħa” tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs tal-Kummissjoni għandha titqies bħala att preparatorju għad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea tiddetermina jekk miżura provviżorja ta’ Stat Membru hijiex iġġustifikata jew le abbażi tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi 1 , fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din l-ittra kif ukoll tal-assenza ta’ kull element li jiżvela li l-aġent li jiffirma jibbenefika minn delegazzjoni li tagħtih il-kompetenza sabiex jieħu deċiżjoni f’isem il-Kummissjoni, jew għandha titqies bħala tali deċiżjoni, li tesprimi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni?

Fl-ipoteżi fejn l-ittra tas-27 ta’ Novembru 2019 kellha titqies bħala att preparatorju għad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tiddetermina jekk miżura provviżorja ta’ Stat Membru hijiex iġġustifikata jew le abbażi tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, il-qorti nazzjonali, meta titressaq kawża quddiemha tal-legalità ta’ miżura provviżorja meħuda minn awtorità nazzjonali abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tista’, sakemm il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ din il-miżura provviżorja ma’ dan l-artikolu u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, sa fejn u dwar liema punti, jew għandha, sa fejn il-Kummissjoni ma ddikjarathiex mhux inġustifikata, iżżomm il-miżura provviżorja bħala konformi ma’ dan l-artikolu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jittieħdu miżuri provviżorji li japplikaw għal kategorija ta’ prodotti li fihom l-istess sustanza?

Fl-ipoteżi fejn l-ittra tas-27 ta’ Novembru 2019 kellha titqies bħala deċiżjoni li tesprimi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq il-miżura provviżorja inkwistjoni, il-validità ta’ din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali, minkejja li hija ma kinitx is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-fatt li l-formulazzjoni ta’ din l-ittra kienet tħalli wieħed x’jifhem li kienet tirrigwarda biss att preparatorju u li l-Aġenzija nazzjonali tas-sigurtà tal-mediċina u tal-prodotti tas-saħħa, destinatarja ta’ din l-ittra, kienet irrispondiet għaliha billi esprimiet in-nuqqas ta’ ftehim tagħha u billi indikat li kienet qiegħda żżomm il-miżura provviżorja tagħha sakemm il-Kummissjoni tagħti deċiżjoni definittivament, li hija stess ma rrispondietx?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-ittra tas-27 ta’ Novembru 2019 ġiet iffirmata minn aġent li kellu delega li tagħtih il-kompetenza biex jieħu d-deċiżjoni għan-nom tal-Kummissjoni u hija valida sa fejn tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-mekkaniżmu tal-klawżola ta’ salvagwardja previst f’dan l-artikolu “isemmi miżuri individwali li jikkonċernaw prodotti kosmetiċi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq u mhux miżuri ta’ portata ġenerali li japplikaw għal kategorija ta’ prodotti li fihom ċerta sustanza”, fid-dawl tal-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, magħqudin ma’ dawk tal-Artikolu 31 tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, jew jekk l-ittra tas-27 ta’ Novembru 2019 ma tistax iżjed tiġi kkontestata fl-okkażjoni ta’ din il-kawża, il-miżura provviżorja meħuda abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 għandha titqies li tmur kontra dan ir-regolament mill-oriġini tagħha jew biss b’effett min-notifika ta’ din l-ittra lill-Aġenzija nazzjonali tas-sigurtà tal-mediċina u tal-prodotti tas-saħħa, jew ukoll b’effett minn terminu raġonevoli li jiddekorri minn din in-notifika, iddestinata li tippermetti r-revoka tagħha, b’teħid inkunsiderazzjoni anki tal-inċertezza li torbot mal-portata ta’ din l-ittra u li mill-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx lill-Aġenzija li indikat li “iżżomm, bħala prekawzjoni, id-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2019, fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009”?

____________

1 ĠU 2009, L 342, p. 59 u rettifika fil-ĠU 2017, L 191, p. 12.