Language of document : ECLI:EU:C:2019:457

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur Ġenerali ta’ Stat Membru – Status – Garanzija ta’ indipendenza”

Fil-Kawża C‑509/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), b’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

PF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal PF, minn J. Ferry, BL, u R. Munro, SC, b’mandat minn D. Rudden u E. Rudden, solicitors,

–        għall-Minister for Justice and Equality, minn J. Quaney, M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn B. M. Ward, A. Hanrahan u J. Benson, BL, kif ukoll minn P. Caroll, SC,

–        għall-Gvern Daniż, minn P. Z. L. Ngo u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, J. Möller u M. Hellmann kif ukoll minn A. Berg, bħala aġenti, sussegwentement minn M. Hellmann u J. Möller kif ukoll minn A. Berg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Dubois kif ukoll minn E. de Moustier, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Faraci, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn V. Vasiliauskienė, J. Prasauskienė, G. Taluntytė u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Z. Wagner, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u K. Ibili kif ukoll minn J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u J. Tomkin kif ukoll minn S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-18 ta’ April 2014 mil-Lietuvos Respublikos generalinis prokuroras (il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja”) għall-finijiet tal-proċeduri kriminali mibdija fir-rigward ta’ PF fil-Litwanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 6, 8 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma redatti kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(8)      Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-priċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5        L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas jipprevedi l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari.

6        Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

 Id-dritt Irlandiż

7        L-Irish European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi Irlandiża dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew tal-2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EAW Act”), jittrasponi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt Irlandiż. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-EAW Act jipprevedi li:

“‘awtorità ġudizzjarja’ għandha tfisser l-imħallef, il-maġistrat jew kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat sabiex twettaq funzjonijiet li huma identiċi jew simili għal dawk imwettqa minn qorti [tal-Irlanda] skont l-Artikolu 33.”

8        L-Artikolu 20 tal-EAW Act jipprevedi:

“(1)      Fi proċeduri li għalihom tapplika din il-liġi, il-High Court [(il-Qorti Għolja, l-Irlanda)] tista’, jekk tqis li d-dokumenti jew l-informazzjoni pprovduta lilha ma humiex biżżejjed biex tkun tista’ jew tippermetti lill-High Court (il-Qorti Għolja) twettaq il-funzjonijiet tagħha skont din il-liġi, teħtieġ li l-awtorità ġudizzjarja emittenti jew l-Istat emittenti, jekk ikun il-każ, jipprovdulha d-dokumenti jew l-informazzjoni addizzjonali rilevanti, f’terminu li hija tispeċifika.

“(2)      L-awtorità ċentrali tal-Istat tista’, jekk tqis li d-dokumenti jew l-informazzjoni pprovduti lilha ma humiex biżżejjed sabiex tkun tista’ jew tippermetti lill-High Court (il-Qorti Għolja) twettaq il-funzjonijiet tagħha skont din il-liġi, teżiġi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti jew l-Istat emittenti, jekk ikun il-każ, jipprovdulha d-dokumenti jew l-informazzjoni addizzjonali rilevanti f’terminu li hija tispeċifika.[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fit-18 ta’ April 2014, intalbet il-konsenja ta’ PF, ċittadin Litwan, taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali għal fatti li PF allegatament wettaq matul l-2012 u li, skont dan il-Prosekutur, għandhom jiġu kklassifikati bħala “serqa bl-użu ta’ armi”.

10      PF ressaq rikors quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) biex jikkontesta l-validità ta’ dak il-mandat ta’ arrest Ewropew, b’riferiment b’mod partikolari għall-fatt li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja ma huwiex “awtorità ġudizzjarja” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

11      Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, PF ibbaża ruħu fuq parir legali mogħti minn avukat Litwan, li jindika b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 109 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja taqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-qrati f’dak l-Istat Membru. Il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja huwa l-prosekutur li jokkupa l-għola pożizzjoni fil-Litwanja. Huwa għandu l-istatus ta’ prosekutur u huwa indipendenti kemm mill-poter eżekuttiv kif ukoll mill-ġudikatura. Fir-rigward tal-prosekuturi, l-Artikolu 118 tal-Kostituzzjoni jipprevedi li l-prosekuturi huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ investigazzjonijiet kriminali, kif ukoll għall-prosekuzzjoni kriminali. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja), prosekutur ma huwiex responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u lanqas ma jassumi kompiti relatati mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja matul il-fażi istruttorja li għaliha huwa responsabbli.

12      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) indirizzat lill-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja, permezz tal-Awtorità Ċentrali Irlandiża, sabiex tikseb informazzjoni dwar il-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja” ta’ dan il-prosekutur, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858) u tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860).

13      Il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja wieġeb kif ġej:

Il-[Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja] huwa indipendenti mill-eżekuttiv, inkluż mill-Ministru tal-Ġustizzja.

Is-servizz tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Litwanja […] huwa kompost mill-[Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja] u l-prosekuturi responsabbli territorjalment; l-Uffiċċju tal-Prosekutur Litwan jorganizza u jidderieġi l-investigazzjoni u jiżgura l-prosekuzzjoni ta’ kawżi kriminali f’isem l-Istat. Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fl-Artikolu 118 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja.”

14      Fis-27 ta’ Frar 2017, il-High Court (il-Qorti Għolja) sostniet li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja kien “awtorità ġudizzjarja” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u ordnat il-konsenja ta’ PF.

15      Permezz tas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2017, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) ċaħdet l-appell ta’ PF mis-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) u kkonfermat li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja huwa “awtorità ġudizzjarja” skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni.

16      Il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) awtorizzat it-tressiq ta’ appell kontra s-sentenza tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell).

17      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483), tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858), tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860), u tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861), dik il-qorti tistaqsi jekk il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

18      B’mod partikolari, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li klassifikazzjoni bħal din tiddependi fuq jekk l-entità kkonċernata tikkostitwixxix awtorità msejħa sabiex tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ Stat Membru. Madankollu, l-imsemmija ġurisprudenza ma tipprovdix kriterji ċari sabiex jiġi ddeterminat jekk entità hijiex inkarigata bl-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew imsejħa tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl tal-fatt li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, jekk hemmx lok, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja jipparteċipax fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li wieħed jibbaża ruħu biss fuq id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li tkun responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għandux rabta suffiċjenti mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja sabiex prosekutur, li jiġi inkarigat b’dawn il-funzjonijiet, iżda li jkun indipendenti mill-ġudikatura f’konformità mad-dritt nazzjonali, ikun jista’ jitqies bħala “awtorità ġudizzjarja” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk prosekutur innominat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] huwiex awtorità ġudizzjarja fis-sens awtonomu msemmi f’din id-dispożizzjoni huma[, l-ewwel nett,] l-indipendenza tal-prosekutur fil-konfront tas-setgħa eżekuttiva u[, it-tieni nett,] il-fatt li l-prosekutur jitqies, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu stess, bħala responsabbli mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, liema huma l-kriterji li permezz tagħhom qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk prosekutur innominat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] huwiex awtorità ġudizzjarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

3)      Sa fejn il-kriterji jinkludu r-rekwiżit li l-prosekutur ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-istatus li huwa jokkupa fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu stess jew fid-dawl ta’ ċerti kriterji oġġettivi? F’dan il-każ tal-aħħar, liema huma l-kriterji oġġettivi rilevanti?

4)      Il-[Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja huwa awtorità ġudizzjarja fis-sens awtonomu msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda l-Prosekutur Ġenerali ta’ Stat Membru li, filwaqt li strutturalment indipendenti mill-ġudikatura, huwa għandu l-kompetenza li jwettaq il-prosekuzzjoni kriminali u huwa indipendenti mill-eżekuttiv.

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt [sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

23      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-premessa 6 jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew li hija tistabbilixxi huwa l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

24      Dan il-prinċipju huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-imsemmi prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas. L-awtoritajiet ġudizzjarji li jeżegwixxu jistgħu għalhekk, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat bħal dan biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tal-istess deċiżjoni qafas. Bl-istess mod, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tagħha. Minħabba f’hekk, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Madankollu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jippresupponi li l-mandati ta’ arrest Ewropej biss, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandhom jiġu eżegwiti konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, minn dak l-artikolu jirriżulta li mandat ta’ arrest bħal dan jikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja”, li teħtieġ li tingħata minn “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 28, u tal-10 ta’ Novembru 2016 Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 29).

26      Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dan l-Istat.

27      Jekk, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali l-Istati Membri jistgħu jindikaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, l-“awtorità ġudizzjarja” li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, is-sens u l-portata ta’ dak il-kunċett ma jistgħux jitħallew għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 30 u 31, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 31 u 32).

28      L-imsemmi kunċett jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi mfittxija filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kemm il-kuntest li jaqa’ fih, u kif ukoll l-għan intiż minn din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 32, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 33).

29      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-termini “awtorità ġudizzjarja” li jissemmew f’dik id-dispożizzjoni, ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda jinftiehmu li jkopru, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, b’mod differenti, b’mod partikolari, mill-ministeri jew mis-servizzi tal-pulizija, li huma taħt l-eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 33 u 35, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 34 u 36).

30      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, possibbilment jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu neċessarjament imħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dak l-Istat Membru.

31      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, minn naħa, mill-kuntest li jinsab fih l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar hija strument tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku mhux biss tad-deċiżjonijiet finali mogħtija mill-qrati kriminali, iżda wkoll tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-qafas tal-proċeduri kriminali, inkluża l-fażi ta’ dawn il-proċeduri relatata mal-prosekuzzjoni kriminali.

32      Fil-fatt, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, kif kienet prevista fl-Artikolu 31 UE, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri kemm fil-proċedura kif ukoll fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet.

33      It-terminu “proċedura”, li huwa ddefinit b’mod wiesa’, possibbilment ikopri l-proċedura kriminali kollha, jiġifieri l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess kriminali nnifsu u l-fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali kontra persuna kkundannata għal ksur kriminali.

34      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 82(1)(d) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE, u li issa jispeċifika li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali hija bbażata fuq il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet ekwivalenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċedimenti f’materji kriminali u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet.

35      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni preċedenti hija kkonfermata wkoll mill-għan segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’din tal-aħħar tirrigwarda, kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

36      Fil-fatt, l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, huwa li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C 571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ għalhekk, kif previst fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-deċiżjoni qafas, jirrigwarda żewġ għanijiet distinti. Dan il-mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ jew bil-għan li tiġi eżegwita prosekuzzjoni fl-Istat Membru emittenti jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni f’dak l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 49).

38      Għaldaqstant, sa fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jiffaċilita l-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, qabel is-sentenza, dwar l-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali, għandu jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet li, permezz tad-dritt nazzjonali, huma kompetenti biex jadottaw deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 29 sa 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li awtorità, bħal Prosekutur, li għandha l-kompetenza, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kontra persuna ssuspettata li wettqet ksur kriminali, għandha titqies li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Istat Membru kkonċernat.

40      F’dan il-każ, mill-provi fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Prosekutur Ġenerali Litwan għandu rwol essenzjali fit-tmexxija tal-proċeduri kriminali f’dak l-Istat Membru.

41      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Litwan iddikjara li, skont l-Artikolu 118 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, il-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jinkludu l-organizzazzjoni u d-direzzjoni tal-investigazzjoni u l-eżerċizzju tal-azzjoni pubblika. Skont il-ġurisprudenza tal-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja), din il-kompetenza hija rriżervata esklużivament għalih. Għalhekk, minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-Prosekutur Ġenerali Litwan huwa meħtieġ, fi proċeduri kriminali, li jistabbilixxi l-prekundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja mill-qrati kriminali ta’ dan l-Istat Membru.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-Istat Membru kkonċernat.

43      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ssimplifikata ta’ konsenja direttament bejn awtoritajiet ġudizzjarji, intiża sabiex tissostitwixxi sistema ta’ kooperazzjoni klassika bejn Stati sovrani, li timplika l-intervent u l-evalwazzjoni tas-setgħa politika, għall-finijiet li jiġi żgurat il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 41).

44      F’dan il-kuntest, meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u għall-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna mfittxija għall-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali, din il-persuna għandha tkun ibbenefikat, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-qrati tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 55).

45      Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi, għalhekk, protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxija, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 56).

46      Fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, imnaqqax fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni.

47      Minn dan isegwi li meta l-liġi tal-Istat Membru emittenti tagħti s-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex imħallef jew qorti, id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha, min-naħa tagħha, tissodisfa tali rekwiżiti.

48      L-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti għalhekk jippermetti li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali bbenefikat mill-garanziji kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, partikolarment dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

49      It-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata, imsemmi fil-paragrafu 45 ta’ din is-sentenza, jimplika li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, permezz tad-dritt nazzjonali, sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha, b’mod partikolari, tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-ħruġ u għandha teżamina l-punt ta’ jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 47).

50      Hija, fil-fatt, l-“awtorità ġudizzjarja emittenti” msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-entità li finalment tieħu d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, li għandha r-responsabbiltà li tiżgura dan it-tieni livell ta’ protezzjoni, anki meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq deċiżjoni nazzjonali mogħtija minn imħallef jew qorti.

51      Għalhekk, l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha tkun tista’ teżerċita dik il-funzjoni oġġettivament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il-poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C 477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 42).

52      Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din l-indipendenza teħtieġ li jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv.

53      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

54      F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Litwan jirriżulta li fil-Litwanja r-responsabbiltà għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija fl-aħħar mill-aħħar tal-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja, li jaġixxi fuq it-talba tal-prosekutur inkarigat mill-kawża li fiha hija meħtieġa l-konsenja tal-persuna kkonċernata. Fl-ambitu tas-setgħat tiegħu, il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja jivverifika jekk il-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġewx issodisfatti, b’mod partikolari jekk hemmx deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva ta’ miżura ta’ detenzjoni ta’ din il-persuna, liema deċiżjoni għandha, skont id-dritt tal-Litwanja, tittieħed minn imħallef jew qorti istruttorja.

55      Bl-istess mod, il-Gvern Litwan iddikjara fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-prosekuturi Litwani jgawdu minn indipendenza mogħtija mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, b’mod partikolari bit-tielet paragrafu tal-Artikolu 118 tagħha u bid-dispożizzjonijiet tal-Lietuvos Respublikos prokuratūros įstatymas (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Litwanja). Peress li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja għandu l-istatus ta’ prosekutur, huwa jgawdi minn din l-indipendenza, li tippermettilu jaġixxi mingħajr influwenza esterna, b’mod partikolari tal-poter eżekuttiv, fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, partikolarment meta jiddeċiedi, bħal fil-kawża prinċipali, li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-prosekuzzjoni. Bħala tali, dan il-prosekutur huwa wkoll responsabbli biex jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-persuni kkonċernati.

56      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja jista’ jkun deskritt bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn, minbarra dak li ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-istatus tiegħu f’dak l-Istat Membru mhux biss jiżgura l-oġġettività tal-missjoni tiegħu iżda jagħtih ukoll garanzija ta’ indipendenza mill-poter eżekuttiv fil-qafas tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Madankollu, il-provi fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li wieħed isir jaf jekk id-deċiżjonijiet ta’ dan il-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-Prosekutur Ġenerali ta’ Stat Membru li, filwaqt li strutturalment indipendenti mill-ġudikatura, huwa kompetenti sabiex jeżerċita l-prosekuzzjoni kriminali u li l-istatus tiegħu f’dak l-Istat Membru jagħtih garanzija ta’ indipendenza mill-poter eżekuttiv fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-Prosekutur Ġenerali ta’ Stat Membru li, filwaqt li strutturalment indipendenti mill-ġudikatura, huwa kompetenti sabiex jeżerċita l-prosekuzzjoni kriminali u li l-istatus tiegħu f’dak l-Istat Membru jagħtih garanzija ta’ indipendenza mill-poter eżekuttiv fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.