Language of document : ECLI:EU:C:2019:456

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-prosekuzzjoni ta’ Stat Membru – Status – Eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ korp tal-poter eżekuttiv – Setgħat ta’ struzzjoni individwali tal-Ministru għall-Ġustizzja – Assenza ta’ garanzija ta’ indipendenza”

Fil-Kawżi magħquda C‑508/18 u C‑82/19 PPU,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa rispettivament mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), b’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2018, u mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), b’deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2019, fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

OG (C‑508/18),

PI (C‑82/19 PPU),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin u I. Jarukaitis, Imħallfin

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat it-talba tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal-4 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2019, sabiex tissottometti r-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑82/19 PPU għall-proċedura ta’ urġenza skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019 tar-Raba’ Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal OG, minn E. Lawlor, BL, u R. Lacey, SC, b’mandat minn M. Moran, solicitor,

–        għal PI, minn D. Redmond, barrister, u R. Munro, SC, b’mandat minn E. King, solicitor,

–        għall-Minister for Justice and Equality, minn J. Quaney, M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn B. M. Ward, A. Hanrahan u J. Benson, BL, kif ukoll minn P. Caroll, SC,

–        għall-Gvern Daniż, minn P. Z. L. Ngo u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, J. Möller u M. Hellmann kif ukoll minn A. Berg, bħala aġenti, sussegwentement minn M. Hellmann u J. Möller kif ukoll minn A. Berg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Dubois kif ukoll minn E. de Moustier, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Faraci, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn V. Vasiliauskienė, J. Prasauskienė, G. Taluntytė u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Z. Wagner, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u K. Ibili kif ukoll minn J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u J. Tomkin kif ukoll minn S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Dawn it-talbiet tressqu b’rabta mal-eżekuzzjoni fl-Irlanda ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa rispettivament, fil-Kawża C‑508/18, fit-13 ta’ Mejju 2016, mill-iStaatsanwaltschaft bei Landgericht Lübeck (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Reġjonali ta’ Lübeck, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck”), għall-finijiet tal-prosekuzzjoni ta’ OG, u fil-Kawża C‑82/19 PPU, fil-15 ta’ Marzu 2018, mill-iStaatsanwaltschaft Zwickau (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau, il-Ġermanja) għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kontra PI.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 6, 8 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma redatti kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(8)      Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5        L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas jipprevedi l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari.

6        Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

 Id-dritt Irlandiż

7        Il-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi Irlandiza dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew tal-2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EAW Act”), tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt Irlandiż. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-EAW Act jipprevedi li:

“‘awtorità ġudizzjarja’ għandha tfisser l-imħallef, il-maġistrat jew kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat biex twettaq funzjonijiet li huma identiċi jew simili għal dawk imwettqa minn qorti [tal-Irlanda] skont l-Artikolu 33.”

8        L-Artikolu 20 tal-EAW Act jipprevedi:

“(1)      Fi proċeduri li għalihom tapplika din il-liġi, il-High Court [(il-Qorti Għolja, l-Irlanda)] tista’, jekk tqis li d-dokumenti jew l-informazzjoni pprovduta lilha ma humiex biżżejjed biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha skont din il-liġi, teħtieġ li l-awtorità ġudizzjarja emittenti jew l-Istat emittenti, jekk ikun il-każ, jipprovdulha d-dokumenti jew l-informazzjoni addizzjonali rilevanti f’terminu li hija tispeċifika.

“(2)      L-awtorità ċentrali tal-Istat tista’, jekk tqis li d-dokumenti jew l-informazzjoni pprovduti lilha ma humiex biżżejjed sabiex tkun tista’ jew tippermetti lill-High Court [(il-Qorti Għolja)] twettaq il-funzjonijiet tagħha skont din il-liġi, teżiġi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti jew l-Istat emittenti, jekk ikun il-każ, jipprovdulha d-dokumenti jew l-informazzjoni addizzjonali rilevanti, f’terminu li hija tispeċifika. […]”

 Id-dritt Ġermaniż

9        Skont l-Artikolu 146 tal-Gerichtsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, iktar ’il quddiem il-“GVG”):

“L-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur iridu josservaw l-istruzzjonijiet uffiċjali tas-superjuri tagħhom.”

10      L-Artikolu 147 tal-GVG jipprovdi:

“Il-poter ta’ superviżjoni u ta’ kontroll huwa f’idejn:

1.      il-Bundesminister der Justiz und für Verbraucherschutz [(il-Ministru Federali għall-Ġustizzja u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi)] fir-rigward tal-Prosekutur Ġenerali Federali u l-Prosekuturi Federali;

2.      il-Landesjustizverwaltung [(l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Land)] fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Land ikkonċernat;

3.      l-ogħla uffiċjal tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti Reġjonali Superjuri u fil-Qrati Reġjonali f’dak li jirrigwarda l-uffiċjali kollha tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-distrett tal-qorti kkonċernata.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C508/18

11      Og huwa ċittadin Litwan residenti fl-Irlanda. Fit-13 ta’ Mejju 2016, il-konsenja tiegħu ntalbet skont mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ milll-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali għal fatti li OG allegatament wettaq matul l-1995, u li dan l-uffiċċju tal-prosekutur ikklassifika bħala “omiċidju volontarju, offiża gravi fuq persuna”.

12      OG adixxa lill-High Court (il-Qorti Għolja) b’rikors li huwa intiż li jikkontesta l-validità ta’ dak il-mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li invoka b’mod partikolari l-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck ma huwiex “awtorità ġudizzjarja” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

13      Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, OG ibbaża ruħu fuq parir legali mħejji minn avukat Ġermaniż, li minnu rriżulta, b’mod partikolari, li, taħt il-liġi Ġermaniża, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jgawdix mill-istatus awtonomu jew indipendenti ta’ qorti, iżda jaqa’ taħt ġerarkija amministrattiva mmexxija mill-Ministru għall-Ġustizzja, b’tali mod li hemm riskju ta’ ndħil politiku fil-proċeduri ta’ konsenja. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma huwiex awtorità ġudizzjarja bis-setgħa li tordna d-detenzjoni jew l-arrest ta’ persuna, għajr f’każijiet eċċezzjonali. Imħallef jew qorti biss għandhom din il-kompetenza. L-Uffiċċju tal-Prosekutur, min-naħa tiegħu, huwa kompetenti li jeżegwixxi mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn imħallef jew qorti, jekk meħtieġ, billi joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Għalhekk, l-ebda “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma kienet involuta fil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew kontra OG.

14      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) indirizzat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck, permezz tal-Awtorità Ċentrali Irlandiża, sabiex jikseb informazzjoni addizzjonali relatata mal-provi mressqa minn OG fir-rigward tal-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja” ta’ dik il-prosekuzzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858), u tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860).

15      Fit-8 ta’ Diċembru 2016, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck wieġeb għal din it-talba u indika li, skont il-liġi Ġermaniża, l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa korp tal-ġustizzja kriminali fuq l-istess livell tal-qrati nazzjonali u huwa responsabbli għall-prosekuzzjoni, kif ukoll għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri kriminali. B’mod partikolari, dan ikollu r-rwol li jiżgura l-legalità, ir-regolarità u t-tmexxija bla xkiel tal-proċedura ta’ investigazzjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur joħloq il-prekundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja u jeżegwixxi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għandu d-dritt li jibda proċeduri ta’ investigazzjoni, kuntrarjament għall-imħallfin.

16      Fir-rigward tar-rabtiet tiegħu max-Schleswig-Holsteinischer, Minister für Justiz (il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Land ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja), l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck indika li dan il-Ministru ma għandu l-ebda poter li jagħtih struzzjonijiet. Skont id-dritt nazzjonali, huwa biss l-iStaatsanwaltschaft Schleswig-Holsteinischen Oberlandesgericht (il-Prosekutur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti Reġjonali Superjuri tal-Land ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”), li huwa l-kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dan il-Land, jista’ jagħti struzzjonijiet lil-Leitenden Oberstatsanwalte der Staatsanwaltschaft Lübeck (il-Prosekutur Ewlieni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck, il-Ġermanja). Barra minn hekk, is-setgħa li jagħti struzzjonijiet tkun irregolata mil-Liġi Bażika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-prinċipju ta’ legalità li jirregola l-proċeduri kriminali, u dan il-prinċipju jirriżulta huwa nnifsu mill-Istat tad-dritt. Għalkemm l-imsemmi Ministru jista’, fejn xieraq, jeżerċita setgħa ta’ struzzjonijiet “esterna” fir-rigward tal-Prosekutur Ġenerali, huwa marbut li josserva dawn il-prinċipji. Barra minn hekk, fil-Land ta’ Schleswig-Holstein, huwa obbligat li jinforma lill-President tal-Landtag (il-Parlament Reġjonali, il-Ġermanja) meta jagħti struzzjoni lill-Prosekutur Ġenerali. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ OG, l-ebda struzzjonijiet ma kienu ngħataw mill-istess ministru lill-Prosekutur Ġenerali, u lanqas minn dan tal-aħħar lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck.

17      Fl-20 ta’ Marzu 2017, il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet l-argument ta’ OG ibbażat fuq il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck ma huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) ġiet adita b’appell minn din is-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja), li hija kkonfermat.

18      Il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), awtorizzat il-preżentata ta’ azzjoni kontra s-sentenza tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell).

19      Fid-dawl tal-provi għad-dispożizzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck jissodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza u l-kundizzjoni relatata mar-rwol fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483), tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858), tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860) u tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861), sabiex jiġi kkunsidrat bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

20      Skont din il-qorti, fid-dawl tas-sitwazzjoni istituzzjonali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Ġermanja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck jidher li huwa suġġett għall-awtorità u l-istruzzjonijiet tas-setgħa eżekuttiva. Hija għandha dubji dwar jekk dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur jissodisfax il-prinċipji stabbiliti f’din il-ġurisprudenza u li, fil-kawża li hija adita biha, l-indipendenza tiegħu tista’ tiġi stabbilita biss b’riferiment għall-fatt li ma ngħatat l-ebda ordni jew struzzjonijiet mill-poter eżekuttiv fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra OG.

21      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Ġermanja għandu rwol ewlieni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, huwa jwettaq funzjonijiet distinti minn dawk tal-qrati jew tal-imħallfin. Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-kundizzjoni ta’ indipendenza hija ssodisfatta, ma huwiex ċert li dan l-uffiċċju tal-prosekutur jissodisfa l-kundizzjoni dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew dwar il-parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja meħtieġa biex jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-indipendenza ta’ prosekutur pubbliku mill-poter eżekuttiv għandha tiġi deċiża skont il-pożizzjoni tiegħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali rilevanti? Fil-każ ta’ risposta negattiva, liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi deċiża l-indipendenza mill-poter eżekuttiv?

2)      Prosekutur pubbliku li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa suġġett għal ordni jew istruzzjoni, kemm direttament jew indirettament mill-Ministeru tal-Ġustizzja, huwa suffiċjentement indipendenti mill-poter eżekuttiv sabiex jiġi kkunsidrat bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584]?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-prosekutur pubbliku għandu jkun ukoll indipendenti fil-funzjonijiet tiegħu mill-poter eżekuttiv u liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi deċiża indipendenza tal-funzjonijiet?

4)      Jekk jitqies li huwa indipendenti mill-poter eżekuttiv, prosekutur pubbliku li l-funzjonijiet tiegħu huma limitati għal li jibda u jmexxi investigazzjonijiet u li jiżgura li tali investigazzjonijiet jitwettqu b’mod oġġettiv u legali, [li jagħti bidu għall-azzjoni pubblika], li jeżegwixxi deċizjonijiet ġudizzjarji u li jmexxi l-prosekuzzjoni ta’ reati, u li ma għandux kompetenza li joħroġ mandati ta’ arrest nazzjonali u lanqas ma jista’ jwettaq funzjonijiet ġudizzjarji, jista’ jitqies li huwa “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]?

5)      Il-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck huwa awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]?”

 Il-Kawża C82/19 PPU

23      Fil-15 ta’ Marzu 2018, PI, ċittadin Rumen, kien is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau (il-Ġermanja) fid-dawl tal-konsenja tiegħu għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali għal atti kklassifikati bħala “serq organizzat jew bl-użu ta’ armi”. Dan il-mandat kien kontroffirmat mill-qorti tar-rinviju, il-High Court (il-Qorti Għolja), fit-12 ta’ Settembru 2018 għall-eżekuzzjoni. PI ġie arrestat fil-15 ta’ Ottubru 2018 abbażi tal-imsemmi mandat u ilu f’detenzjoni minn dik id-data.

24      Il-qorti tar-rinviju tesponi li hija kkonfrontata bl-istess problema li tqajmet mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) fil-Kawża C‑508/18.

25      PI kkontesta l-konsenja tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau ma huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li huwa responsabbli għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew bħal dan.

26      Inostenn ta’ din l-allegazzjoni, PI kien ibbaża ruħu fuq l-istess parir legali bħal dak imsemmi fil-punt 13 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck, u fuq parir ta’ dan l-istess avukat fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau.

27      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju indirizzat l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau, permezz tal-Awtorità Ċentrali Irlandiża, sabiex tikseb iktar informazzjoni dwar il-provi ppreżentati minn PI dwar l-istatus ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur.

28      Fil-kuntest tar-risposta tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2019, dan tal-aħħar ittrażmetta lill-qorti tar-rinviju l-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-Amtsgericht Zwickau (il-Qorti Distrettwali ta’ Zwickau, il-Ġermanja) li fuqu kien ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda lil PI, u ddikjara li l-ewwel mandat kien inħareġ minn qorti indipendenti. Barra minn hekk, l-Uffiċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau ddikjara li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa kien l-awtorità kompetenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

29      Ġiet indirizzata talba ġdida lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau sabiex jiġi ddeterminat jekk adottax l-istess approċċ li ġie adottat milll-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck fil-Kawża C‑508/18. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau rrisponda b’dan il-mod fil-31 ta’ Jannar 2019:

“B’risposta għall-ittra tiegħek tat-28 ta’ Jannar 2019 li magħha inti hemiżt dokumenti mibgħuta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck [(il-Ġermanja)], nikkonferma li nikkondividi l-pożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck dwar l-istatus tal-prosekutur fl-ordinament ġuridiku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Nixtieq inżid li l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Zwickau dwar il-persuna akkużata jitwettqu b’mod indipendenti, mingħajr interferenza politika. Fl-ebda mument il-[Generalstaatsanwaltschaft Dresden (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Dresden, il-Ġermanja)] jew il-[Justiz des Freistes Sachsen (il-Ministru għall-Ġustizzja tal-Land ta’ Sachsen, il-Ġermanja)] ma kkomunikaw l-ebda struzzjonijiet.”

30      F’dan il-kuntest, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, bħalma għamlet is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) fil-kuntest tal-Kawża C‑508/18, dwar il-kriterji li qorti nazzjonali għandha tapplika biex tiddetermina jekk Uffiċċju tal-Prosekutur huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-indipendenza mill-poter eżekuttiv tal-prosekutur pubbliku għandha tiġi deċiża skont il-pożizzjoni tiegħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali rilevanti? Fil-każ ta’ risposta negattiva, liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi deċiża l-indipendenza mill-poter eżekuttiv?

2)      Prosekutur pubbliku li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa possibbilment suġġett għal ordni jew istruzzjoni, kemm direttament jew indirettament mill-Ministeru għall-Ġustizzja, huwa suffiċjentement indipendenti mill-poter eżekuttiv sabiex jiġi kkunsidrat bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584]?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-prosekutur pubbliku għandu jkun ukoll indipendenti fil-funzjonijiet tiegħu mill-poter eżekuttiv u liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi deċiża l-indipendenza tal-funzjonijiet?

4)      Jekk jitqies li huwa indipendenti mill-poter eżekuttiv, prosekutur pubbliku li l-funzjonijiet tiegħu huma limitati għal li jibda u jmexxi investigazzjonijiet u li jiżgura li tali investigazzjonijiet jitwettqu b’mod oġġettiv u legali, [li jagħti bidu għall-azzjoni pubblika], li jeżegwixxi deċizjonijiet ġudizzjarji u li jmexxi l-prosekuzzjoni ta’ reati, u li ma għandux kompetenza li joħroġ mandati ta’ arrest nazzjonali u lanqas ma jista’ jwettaq funzjonijiet ġudizzjarji, jista’ jitqies li huwa “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]?

5)      Il-Prosekutur Pubbliku ta’ Zwickau huwa awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 Il-Kawża C508/18

32      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑508/18 talbet li tiġi applikata l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33      Din it-talba ġiet miċħuda bid-Digriet tal-President tal-Qorti tal-20 ta’ Settembru 2018, Minister for Justice and Equality (C‑508/18 u C‑509/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:766).

34      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kawża C‑508/18 kienet suġġetta għal trattament prijoritarju

 Il-Kawża C82/19 PPU

35      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑82/19 PPU talbet li tiġi applikata l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli ta’ Proċedura.

36      Insostenn ta’ din it-talba, hija b’mod partikolari invokat il-fatt li PI attwalment jinsab imċaħħad mil-libertà tiegħu, pendenti l-konsenja effettiva tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

37      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tagħmel parti mill-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

38      Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-miżura ta’ detenzjoni li PI huwa s-suġġett tagħha ġiet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-persuna interessata.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-14 ta’ Frar 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑82/19 PPU jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

40      Barra minn hekk, ġie deċiż li din il-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata lill-Awla Manja.

41      Minħabba r-rabta bejn il-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, għandhom jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

42      Permezz tad-domandi tagħhom, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li huma kompetenti li jwettqu l-prosekuzzjoni kriminali u qegħdin f’rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ korp tal-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, bħalma huwa Ministru għall-Ġustizzja, u jistgħu jiġu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew struzzjonijiet individwali minn dan tal-aħħar fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

43      Preliminarjament, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-premessa 6 tagħha jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew li hija tistabbilixxi hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

45      Dan il-prinċipju huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-imsemmi prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas. L-awtoritajiet ġudizzjarji li jeżegwixxu jistgħu għalhekk, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat bħal dan biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tal-istess deċiżjoni qafas. Bl-istess mod, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tagħha. Minħabba f’hekk, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Madankollu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jippresupponi li l-mandati ta’ arrest Ewropej biss, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandhom jiġu eżegwiti konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, minn dak l-artikolu jirriżulta li mandat ta’ arrest bħal dan jikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja”, li teħtieġ li tingħata minn “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 28, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 29).

47      Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dan l-Istat.

48      Għalkemm, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali l-Istati Membri jistgħu jindikaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, l-“awtorità nazzjonali” li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, is-sens u l-portata ta’ dak il-kunċett ma jistgħux jitħallew għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 30 u 31, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 31 u 32).

49      L-imsemmi kunċett jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi mfittxija filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kemm il-kuntest li jaqa’ fih, u kif ukoll l-għan intiż minn din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 32, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 33).

50      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-termini “awtorità ġudizzjarja” li jissemmew f’dik id-dispożizzjoni ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda għandhom jinftiehmu li jkopru, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, b’mod differenti, b’mod partikolari, mill-ministeri jew mis-servizzi tal-pulizija, li huma taħt l-awtorità tal-poter eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 33 u 35, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 34 u 36).

51      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, possibbilment jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu neċessarjament imħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dak l-Istat Membru.

52      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, minn naħa, mill-kuntest li jinsab fih l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar hija strument tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, mhux biss tad-deċiżjonijiet finali mogħtija mill-qrati kriminali, iżda wkoll tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-qafas tal-proċeduri kriminali, inkluża l-fażi ta’ dawn il-proċeduri relatata mal-prosekuzzjoni kriminali.

53      Fil-fatt, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, kif kienet prevista fl-Artikolu 31 UE, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri kemm fil-proċedura kif ukoll fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet.

54      It-terminu “proċedura”, li huwa ddefinit b’mod wiesa’, possibbilment ikopri l-proċedura kriminali kollha, jiġifieri l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess kriminali nnifsu u l-fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali kontra persuna kkundannata għal ksur kriminali.

55      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 82(1)(d) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE, u li issa jispeċifika li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali hija bbażata fuq il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet ekwivalenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċedimenti f’materji kriminali u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet.

56      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni preċedenti hija kkonfermata wkoll mill-għan segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’din tal-aħħar tirrigwarda, kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

57      Fil-fatt, l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, huwa li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ għalhekk, kif previst fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-deċiżjoni qafas, jirrigwarda żewġ għanijiet distinti. Dan il-mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ jew bil-għan li jiġu eżegwiti proċeduri kriminali fl-Istat Membru emittenti jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni f’dak l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 49).

59      Għaldaqstant, sa fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jiffaċilita l-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, qabel is-sentenza, dwar l-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali, għandu jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet li, permezz tad-dritt nazzjonali, huma kompetenti biex jadottaw deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 50 sa 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li awtorità, bħal Prosekutur, li għandha l-kompetenza, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kontra persuna ssuspettata li wettqet ksur kriminali, għandha titqies li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Istat Membru kkonċernat.

61      F’dan il-każ, mill-provi fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-Ġermanja, l-uffiċċji tal-prosekutur għandhom rwol essenzjali fit-tmexxija tal-proċeduri kriminali.

62      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż iddikjara li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jirregola l-proċedura kriminali, l-iskattar tal-azzjoni pubblika jinbeda mill-uffiċċji tal-prosekutur, u dan b’tali mod li huma biss huma kompetenti biex jagħtu bidu għall-prosekuzzjoni kriminali. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ legalità, dawn l-uffiċċji tal-prosekutur fil-prinċipju huma suġġetti għall-obbligu li jagħtu bidu għal investigazzjoni li tirrigwarda kull persuna ssuspettata li wettqet ksur kriminali. Għalhekk, minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li, bħala regola ġenerali, l-imsemmija uffiċċji tal-prosekutur huma meħtieġa, fi proċeduri kriminali, li jistabbilixxu l-prekundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja mill-qrati kriminali ta’ dan l-Istat Membru.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali uffiċċji tal-prosekutur jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-Istat Membru kkonċernat.

64      Fit-tieni lok, billi jirreferu għar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, il-qrati tar-rinviju għandhom dubji dwar jekk l-uffiċċji tal-prosekutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx dak ir-rekwiżit, peress li huma jappartjenu għal struttura ġerarkika li tiddependi fuq il-Ministru għall-Ġustizzja tal-Land ikkonċernat u li fiha dan il-ministru għandu poter ta’ kontroll u ta’ amministrazzjoni, jew saħansitra ta’ struzzjoni, fir-rigward tal-entitajiet li, bħal dawn l-uffiċċji tal-prosekutur, huma subordinati għalih.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ssimplifikata ta’ konsenja direttament bejn awtoritajiet ġudizzjarji, intiża sabiex tissostitwixxi sistema ta’ kooperazzjoni klassika bejn Stati sovrani, li timplika l-intervent u l-evalwazzjoni tas-setgħa politika, għall-finijiet li jiġi żgurat il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 41).

66      F’dan il-kuntest, meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u għall-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna mfittxija għall-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali, din il-persuna għandha tkun ibbenefikat, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-qrati tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 55).

67      Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi, għalhekk, protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxija, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 56).

68      Fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, imnaqqax fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni.

69      Minn dan isegwi li meta l-liġi tal-Istat Membru emittenti tagħti s-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex imħallef jew qorti, id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha, min-naħa tagħha, tissodisfa tali rekwiżiti.

70      L-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti għalhekk jippermetti li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali bbenefikat mill-garanziji kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, partikolarment dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

71      It-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata, imsemmi fil-paragrafu 67 ta’ din is-sentenza, jimplika li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, permezz tad-dritt nazzjonali, sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha, b’mod partikolari, tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-ħruġ u għandha teżamina l-punt ta’ jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 47).

72      Hija, fil-fatt, l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-entità li finalment tieħu d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, li għandha r-responsabbiltà li tiżgura dan it-tieni livell ta’ protezzjoni, anki meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq deċiżjoni nazzjonali mogħtija minn imħallef jew qorti.

73      Għalhekk, l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha tkun tista’ teżerċita dik il-funzjoni oġġettivament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il-poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 42).

74      Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din l-indipendenza teħtieġ li jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorita ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv.

75      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

76      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet fid-deċiżjonijiet tar-rinviju li ġew ikkonfermati mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi huma marbuta bl-oġġettività u għandhom jinvestigaw mhux biss biex jinkriminaw iżda ukoll biex jiskaġunaw. Madankollu, skont l-indikazzjonijiet imsemmija, konformement mal-Artikoli 146 u 147 tal-GVG, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu setgħa li jagħti struzzjonijiet “esterni” fir-rigward ta’ dawn l-uffiċċji tal-prosekutur.

77      Kif ġie kkonfermat minn dan il-gvern waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-setgħa li jagħti struzzjonijiet tagħti lil dak il-Ministru s-setgħa li jinfluwenza direttament id-deċiżjoni ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ jew, fejn xieraq, li ma joħroġx mandat ta’ arrest Ewropew. L-imsemmi gvern speċifika li din is-setgħa li jagħti struzzjonijiet tista’ tiġi eżerċitata, b’mod partikolari, fl-istadju tal-eżami tal-proporzjonalità tal-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew.

78      Huwa minnu li, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż, il-liġi Ġermaniża tipprovdi salvagwardji biex tirregola s-setgħa li jagħti struzzjonijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, sabiex is-sitwazzjonijiet li fihom din is-setgħa tkun tista’ tiġi eżerċitata jkunu rari ħafna.

79      B’hekk, minn naħa, dan il-gvern iddikjara li l-prinċipju ta’ legalità li japplika għall-azzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jiżgura li kwalunkwe struzzjoni individwali li jista’ jirċievi mill-Ministru tal-Ġustizzja ma tista’ fi kwalunkwe każ teċċedi l-limiti tal-liġi u tad-dritt. Il-membri tal-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Land ta’ Schleswig-Holstein u tal-Land ta’ Sachsen huma, barra minn hekk, uffiċjali li ma jistgħux jitneħħew mill-kariga minħabba sempliċi nuqqas ta’ konformità ma’ struzzjoni. Min-naħa l-oħra, il-gvern imsemmi indika li fil-Land ta’ Schleswig-Holstein l-istruzzjonijiet tal-Ministru lill-Uffiċċji tal-Prosekutur għandhom jiġu fformulati bil-miktub u kkomunikati lill-President tal-Parlament Reġjonali. Fil-Land ta’ Sachsen, il-kuntratt ta’ koalizzjoni tal-gvern ta’ dan il-Land jipprevedi li s-setgħa tal-Ministru għall-Ġustizzja li jagħti struzzjonijiet ma tibqax tiġi eżerċitata f’għadd ta’ każijiet individwali sakemm dan il-kuntratt ikun fis-seħħ.

80      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-garanziji, anki jekk jiġu ppruvati, fi kwalunkwe każ ma jippermettux li jiġi eskluż b’mod sħiħ li d-deċiżjoni ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, tista’, f’każ individwali, tkun suġġetta għal struzzjoni mill-Ministru għall-Ġustizzja tal-Land ikkonċernat.

81      L-ewwel nett, għalkemm, skont il-prinċipju ta’ legalità, struzzjoni tal-Ministru li hija manifestament illegali ma għandhiex, fil-prinċipju, tiġi segwita mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 76 ta’ din is-sentenza, is-setgħa li jagħti struzzjonijiet ta’ dak il-ministru hija rrikonoxxuta mill-GVG u li l-GVG ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tiġi eżerċitata dik is-setgħa. Għalhekk, l-eżistenza ta’ dak il-prinċipju ma hijiex fiha nfisha biżżejjed biex tipprekludi lill-Ministru għall-Ġustizzja tal-Land milli jinfluwixxi fuq is-setgħa diskrezzjonali li jgawdu l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ dik il-Land meta jiddeċiedu li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew, fatt li, barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

82      Sussegwentement, għalkemm f’ċerti Länder, bħal-Land ta’ Schleswig-Holstein, l-istruzzjonijiet tal-Ministru għandhom ikunu bil-miktub, jibqa’ l-fatt li, kif ġie indikat fil-punt preċedenti, huma jibqgħu awtorizzati mill-GVG. Barra minn hekk, jirriżulta mit-trattazzjoni li saret waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-kliem ġenerali tal-imsemmija liġi, ma seta’, fl-ebda każ, jiġi eskluż li dawk l-istruzzjonijiet setgħu jingħataw oralment.

83      Fl-aħħar, fir-rigward tal-Land ta’ Sachsen, jekk, bħalissa, il-poter eżekuttiv iddeċieda li ma jużax is-setgħa li jagħti struzzjonijiet f’ċerti każijiet individwali, għandu jiġi kkonstatat li din il-garanzija ma tidhirx li tkopri l-każijiet kollha. Fi kwalunkwe każ, il-garanzija msemmija mhix miktuba fil-liġi, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel fil-futur b’deċiżjoni politika.

84      Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, ir-riskju li l-poter eżekuttiv jista’ jeżerċita tali influwenza fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur f’każ individwali ma jiżgurax li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għall-finijiet tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur jissodisfa l-garanziji msemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza.

85      Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni tal-Uffiċċji tal-Prosekutur, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun suġġett għal rimedju mill-persuna kkonċernata quddiem il-qrati Ġermaniżi kompetenti.

86      Fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti minn dan il-gvern, fil-fatt ma jidhirx li l-eżistenza ta’ dak ir-rimedju fih innifsu huwa ta’ natura li tipproteġi lill-Uffiċċji tal-Prosekutur mir-riskju li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu suġġetti għal struzzjoni individwali mill-Ministru tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

87      Fil-fatt, jekk tali rimedju jagħmilha possibbli li jiġi żgurat li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jiġi suġġett għall-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori, eventwali struzzjoni individwali mill-Ministru għall-Ġustizzja fir-rigward tal-Uffiċċji tal-Prosekutur meta joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tibqa’, fi kwalunkwe każ, permessa mil-liġi Ġermaniża.

88      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, sa fejn l-Uffiċċji tal-Prosekutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma f’riskju li jiġu influwenzati mill-poter eżekuttiv fid-deċiżjoni tagħhom li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew, dawn l-Uffiċċji tal-Prosekutur ma jidhrux li jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti sabiex jiġu kklassifikati bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri dak li tingħata l-garanzija ta’ aġir indipendenti fil-kuntest tal-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest.

89      F’dan il-każ, huwa irrilevanti, għar-raġunijiet esposti fil-punt 73 ta’ din is-sentenza li, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau ma ntbagħtitilhom l-ebda struzzjoni individwali mill-Ministri għall-Ġustizzja tal-Länder ikkonċernati.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat bħala li ma jirreferix għall-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li huma esposti għar-riskju li, b’mod dirett jew indirett, jiġu suġġetti għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, bħalma huwa Ministru għall-Ġustizzja, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

 Fuq l-ispejjeż

91      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi C508/18 u C82/19 PPU huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat bħala li ma jirreferix għall-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li huma esposti għar-riskju li, b’mod dirett jew indirett, jiġu suġġetti għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, bħalma huwa Ministru għall-Ġustizzja, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.