Language of document : ECLI:EU:C:2007:497

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Settembru 2007(*)

“Trade marks – Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) ta’ l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE – Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata li jopponi l-użu minn terza persuna ta’ sinjal identiku għat-trade mark – Użu tas-sinjal bħala isem ta’ kumpannija, isem kummerċjali jew sinjal ta’ ħanut – Dritt ta’ terza persuna li tagħmel użu minn isimha”

Fil-kawża C‑17/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d’appel de Nancy (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2006, fil-proċedura

Céline SARL

vs

Céline SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u R. Schintgen, Presidenti ta’ l-Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, J.-C. Bonichot u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Céline SA, minn P. de Candé, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn M. Tappin, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu (5)(1) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Céline SA u Céline SARL dwar l-użu min-naħa ta’ din ta’ l-aħħar ta’ l-isem ta’ kumpannija “Céline” u tas-sinjal ta’ ħanut “Céline”.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 5 tad-Direttiva, bit-titolu “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jiddisponi, fil-paragrafi (1), (3) u (5) tiegħu:

“1.      It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija [prodotti] jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

[…]

3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)      li jitwaħħal is-simbolu mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

ċ)      jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

d)      juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]

5.      Il-paragrafi 1 sa’ 4 m’għandhomx jaffettwaw id-disposizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru dwar protezzjoni kontra l-użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ minn, jew hu ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

4        L-Artikolu 6 tad-Direttiva, bit-titolu “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jiddisponi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

a)      l-isem jew l-indirizz tiegħu;

[…]

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5        Céline SA, kumpannija stabbilita b’dan l-isem fid-9 ta’ Lulju 1928, teżerċita bħala attività prinċipali l-kreazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ artikoli ta’ lbies kif ukoll ta’ aċċessorji tal-moda.

6        Fid-19 ta’ April 1948, din il-kumpannija ddepożitat it-trade mark verbali CÉLINE, li minn dakinhar ir-reġistrazzjoni tagħha ġiet imġedda b’mod kostanti, l-aħħar darba fis-6 ta’ Marzu 1998, biex tkopri l-prodotti kollha taħt il-klassijiet 1 sa 42 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, b’mod partikolari l-“ħwejjeġ u ż-żraben”.

7        Fil-25 ta’ Settembru 1950, is-Sur Grynfogel kien irreġistrat fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji ta’ Nancy, sabiex jopera negozju ta’ l-ilbies għall-irġiel u għan-nisa taħt is-sinjal ta’ ħanut “Celine” .

8        Céline SARL iddikjarat li d-dritt tagħha li tuża s-sinjal ta’ ħanut “Céline” oriġina mis-Sur Grynfogel, permezz ta’ l-operaturi suċċessivi ta’ dan in-negozju. Din il-kumpannija ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji fil-31 ta’ Jannar 1992, sabiex topera, taħt is-sinjal ta’ ħanut imsemmi, negozju li jikkummerċjalizza ħwejjeġ lesti, lingerie, ilbies lest, fêr, ħwejjeġ u aċċessorji diversi.

9        Peress li ġiet informata b’dan l-istat ta’ fatt, Céline SA bdiet proċedimenti kontra Céline SARL sabiex jiġu pprojbiti l-atti ta’ ksur tat-trade mark CÉLINE u dawk ta’ kompetizzjoni żleali bl-użu mhux awtorizzat ta’ l-isem ta’ kumpannija “Céline” u tas-sinjal ta’ ħanut “Céline”, kif ukoll għall-kumpens tad-danni kkaġunati lilha.

10      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2005, it-tribunal de grande instance ta’ Nancy laqa’ t-talbiet kollha ta’ Céline SA u impedixxa lil Céline SARL minn kull użu tat-terminu “Céline”, waħdu jew flimkien ma’ termini oħrajn taħt kwalunkwe forma, ordnalha li tibdel l-isem tal-kumpannija tagħha b’mod li tadotta terminu li ma jkunx kapaċi li joħloq konfużjoni mat-trade mark preċedenti CÉLINE kif ukoll mas-sinjal ta’ ħanut “Céline”, u ordnalha sabiex tħallas lil Céline SA l-ammont ta’ EUR 25 000 bħala danni.

11      Fl-4 ta’ Lulju 2005, Céline SARL ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel ta’ Nancy, billi sostniet li l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark verbali preċedenti bħala isem ta’ kumpannija jew sinjal ta’ ħanut ma jistax jammonta għall-ksur, peress li la isem ta’ kumpannija u lanqas sinjal ta’ ħanut m’għandhom il-funzjoni li jiddistingwu prodotti jew servizzi, u li, f’kull każ, ma jistax ikun hemm konfużjoni fil-fehma tal-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti in kwistjoni, minħabba l-pożizzjoni esklużiva ta’ Céline SA fis-suq tal-ħwejjeġ u ta’ l-aċċessorji ta’ lussu.

12      Il-Cour d’appel ta’ Nancy iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-adozzjoni, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ trade mark verbali rreġistrata, bħala isem ta’ kumpannija, isem kummerċjali jew sinjal ta’ ħanut fil-kuntest ta’ attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti identiċi, tikkostitwixxi użu ta’ din it-trade mark matul il-kummerċ, li l-proprjetarju huwa awtorizzat li jimpedixxi bis-saħħa tad-drittijiet esklużivi tiegħu?”

 Fuq id-domanda preliminari

13      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-użu bħala isem ta’ kumpannija, isem kummerċjali jew sinjal ta’ ħanut, minn terza persuna li ma kinitx awtorizzata tagħmel dan, ta’ sinjal identiku għal trade mark verbali preċedenti, fil-kuntest ta’ attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata, jikkostitwixxix użu li l-proprjetarju huwa awtorizzat jimpedixxi b’mod konformi ma’ l-Artikolu (5)(1) tad-Direttiva.

 Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva

14      Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu (5)(1) tad-Direttiva, it-trade mark reġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha drittijiet esklużivi. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5(1)(a) dawn id-drittijiet esklużivi jawtorizzaw lill-proprjetarju jimpedixxi lit-terzi persuni kollha, fin-nuqqas tal-kunsens tiegħu, milli jagħmlu użu, matul il-kummerċ, minn sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata. Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, bħall-Artikolu 6, jiddefinixxu ċerti limitazzjonijiet ta’ l-effetti tat-trade mark.

15      Sabiex jiġi evitat li l-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark tvarja minn Stat għall-ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti interpretazzjoni uniformi ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “użu” li jissemma fih (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, Ġabra p. I‑10273, punt 45, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel, C‑48/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).

16      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Arsenal Football Club, iċċitata iktar ’il fuq, Adam Opel, iċċitata iktar ’il fuq, u tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, Ġabra p. I‑10989), il-proprejatarju ta’ trade mark reġistrata jista’ jimpedixxi l-użu minn terzi persuni ta’ sinjal identiku għat-trade mark tiegħu, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, biss jekk l-erba’ kundizzjonijiet segwenti jkunu sodisfatti:

–        dan l-użu għandu jseħħ matul il-kummerċ;

–        għandu jsir mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark;

–        għandu jsir għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata u

–        għandu jaffettwa jew jista’ jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi lill-konsumaturi.

17      Fil-kawża prinċipali huwa stabbilit li l-użu tas-sinjal identiku għat-trade mark in kwistjoni jseħħ fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża għal profitt ekonomiku, u mhux f’kuntest privat. Konsegwentement, l-użu ta’ dan is-sinjal iseħħ matul il-kummerċ (ara, b’analoġija, is-sentenzi preċitati Arsenal Football Club, punt 40, u Adam Opel, punt 18).

18      Fit-tieni lok, huwa wkoll stabbilit li kien sar użu tas-sinjal imsemmi mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

19      Min-naħa l-oħra, Céline SARL tikkontesta li kien hemm użu tas-sinjal identiku għat-trade mark in kwistjoni għal “merkanzija”, skond l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva.

20      Mill-kliem ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva jirriżulta li l-użu ta’ sinjal għal prodotti jew servizzi, skond il-paragrafi (1) u (2) ta’ dan l-Artikolu, huwa użu għall-finijiet li ssir distinzjoni bejn il-prodotti jew servizzi msemmija, filwaqt li l-paragrafu (5) ta’ l-istess Artikolu min-naħa tiegħu jirrigwarda l-“użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija jew servizzi” (sentenza tat-23 ta’ Frar 1999, BMW, C-63/97, Ġabra p. I-905, punt 38).

21      Issa, isem ta’ kumpannija, isem kummerċjali jew sinjal ta’ ħanut, minnhom infishom, m’għandhomx l-iskop li jiddistingwu prodotti jew servizzi (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Robelco, C‑23/01, Ġabra p. I‑10913, punt 34, u Anheuser-Busch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Fil-fatt, isem ta’ kumpannija għandu l-iskop li jidentifika kumpannija, filwaqt li isem kummerċjali jew sinjal ta’ ħanut għandhom l-iskop li jindikaw negozju. B’hekk, meta l-użu ta’ isem ta’ kumpannija, ta’ isem kummerċjali jew ta’ sinjal ta’ ħanut huwa limitat sabiex jidentifika kumpannija jew jindika negozju, ma jistax jitqies li sar “għal merkanzija jew servizzi”, skond l-Artikolu (5)(1) tad-Direttiva.

22      Min-naħa l-oħra, hemm użu għal “merkanzija” skond l-Artikolu (5)(1) tad-Direttiva meta terza persuna twaħħal is-sinjal li jikkonsisti fl-isem tal-kumpannija tagħha, fl-isem kummerċjali tagħha jew fis-sinjal tal-ħanut tagħha fuq il-prodotti li tikkummerċjalizza (ara, f’dan is-sens, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arsenal Football Club, punt 41, u Adam Opel, punt 20).

23      Barra minn hekk, anki fin-nuqqas ta’ twaħħil, hemm użu “għal merkanzija jew servizzi” skond id-dispożizzjoni msemmija meta t-terza persuna tuża s-sinjal imsemmi b’tali mod li tiġi stabbilita rabta bejn is-sinjal li jifforma l-isem tal-kumpannija, l-isem kummerċjali jew is-sinjal tal-ħanut tat-terza persuna u l-prodotti kkummerċjalizzati jew is-servizzi pprovduti mit-terza persuna.

24      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-użu minn Céline SARL tas-sinjal “Céline” jikkostitwixxix użu għall-prodotti msemmija, skond l-Artikolu (5)(1) tad-Direttiva.

25      Fl-aħħar, Céline SARL issostni li ma jistax ikun hemm konfużjoni fil-fehma tal-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti in kwistjoni.

26      Kif ġie mfakkar fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, l-użu, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ sinjal identiku għal trade mark reġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata jista’ jiġi pprojbit, skond l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, biss jekk jikser jew jekk huwa kapaċi li jikser il-funzjonijiet tat-trade mark imsemmija u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi.

27      Dan huwa l-każ meta s-sinjal jiġi użat mit-terza persuna għall-prodotti jew is-servizzi tagħha b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jinterpretawh bħala li jindika l-provenjenza tal-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-użu tas-sinjal imsemmi jista’ jqiegħed f’perikolu l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, għaliex, sabiex it-trade mark tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha bħala element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat KE jipprova jistabbilixxi u jżomm, hija għandha tagħti l-granzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha li hija tindika ġew manifatturati jew fornuti taħt il-kontroll ta’ impriża unika li tista’ tiġi attribbwita lilha r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, sentenzi Arsenal Football Club, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punti 56 sa 59).

28      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-użu minn Céline SARL tas-sinjal “Céline” jaffettwax jew jistax jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark CÉLINE, u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha.

 Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva

29      Skond ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li hija jkollha quddiemha, kemm jekk din tkun għamlet referenza għalihom fid-domandi tagħha u kemm jekk le (sentenza Adam Opel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva d-dritt mogħti mit-trade mark ma jippermettix lil proprjetarju tagħha jipprojbixxi terza persuna milli tuża, matul il-kummerċ, isimha u l-indirizz tagħha, sakemm dan l-użu jsir b’mod konformi ma’ prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni mhijiex limitata għall-ismijiet ta’ persuni fiżiċi (sentenza Anheuser-Busch, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 sa 80).

32      Għaldaqstant, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li Céline SA hija awtorizzata timpedixxi l-użu tas-sinjal “Céline” minn Céline SARL b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, u sabiex din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha, għandu jiġi kkunsidrat jekk, f’sitwazzjoni tali bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva jipprekludix li proprjetarju ta’ trade mark jimpedixxi terza persuna milli tuża sinjal identiku għat-trade mark tiegħu bħala isem ta’ kumpannija jew isem kummerċjali.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ użu “b’mod konformi ma’ prattiċi onesti fl-oqsma industrijali u kummerċjali”, kif stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, essenzjalment tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ obbligu ta’ lealtà fir-rigward ta’ l-interessi leġittimi tal-proprjetarju ta’ trade mark (sentenza Anheuser-Busch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rispett ta’ l-imsemmija kundizzjoni ta’ użu onest għandu jiġi evalwat b’kunsiderazzjoni, min-naħa, ta’ safejn l-użu mit- terza persuna ta’ isimha jinftiehem mill-pubbliku rilevanti, jew minn ta’ l-anqas parti sinjifikanti ta’ dan il-pubbliku, bħala indikazzjoni ta’ rabta bejn il-prodotti jew is-servizzi tat-terza persuna u l-proprjetarju tat-trade mark jew ta’ persuna awtorizzata tuża t-trade mark u, min-naħa l-oħra, safejn it-terza persuna kien imissha kienet konxja ta’ dan. Fattur ieħor li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni meta tkun qiegħda ssir din l-evalwazzjoni huwa jekk hijiex involuta trade mark ta’ ċerta fama fl-Istat Membru fejn hija rreġistrata u fejn il-protezzjoni tagħha hija mitluba, li minnha t-terza persuna tkun tista’ tagħmel profitt għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew servizzi tagħha (sentenza Anheuser-Busch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

35      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża prinċipali sabiex tkun tista’ tevalwa, b’mod iktar partikolari, jekk Céline SARL tistax tiġi meqjusa bħala li qedha tipprattika kompetizzjoni żleali fil-konfront ta’ Céline SA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Anheuser-Busch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li l-użu, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ isem ta’ kumpannija, ta’ isem kummerċjali jew ta’ sinjal ta’ ħanut identiku għal trade mark preċedenti, fil-kuntest ta’ attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark, jikkostitwixxi użu li l-proprjetarju tat-trade mark imsemmija jista’ jimpedixxi skond l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, jekk ikun użu għal prodotti li jaffettwa jew li jista’ jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark.

Jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva jista’ jostakola tali projbizzjoni biss jekk l-użu mit-terza persuna ta’ l-isem tal-kumpannija tagħha, jew ta’ l-isem kummerċjali tagħha jsir b’mod konformi ma’ prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-użu, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ isem ta’ kumpannija, ta’ isem kummerċjali jew ta’ sinjal ta’ ħanut identiku għal trade mark preċedenti, fil-kuntest ta’ attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark, jikkostitwixxi użu li l-proprjetarju tat-trade mark imsemmija jista’ jimpedixxi skond l-Artikolu (5)(1)(a) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, jekk ikun użu għal prodotti li jaffettwa jew li jista’ jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark.

Jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jista’ jostakola tali projbizzjoni biss jekk l-użu mit-terza persuna ta’ l-isem tal-kumpannija tagħha, jew ta’ l-isem kummerċjali tagħha jsir b’mod konformi ma’ prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.