Language of document : ECLI:EU:T:2018:138

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla)

14 ta’ Marzu 2018 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Korea ta’ Fuq bl-għan ta’ prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari – Lista tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti – Prova tal-fondatezza tal-iskrizzjoni fil-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑533/15 u T‑264/16,

Il-Su Kim, residenti fi Pjongjang (il-Korea ta’ Fuq), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn M. Lester, S. Midwinter, QC, T. Brentnall u A. Stevenson, solicitors,

rikorrenti fil-Kawża T‑533/15,

Korea National Insurance Corporation, stabbilita fi Pjongjang, irrappreżentata minn M. Lester, S. Midwinter, T. Brentnall u A. Stevenson,

rikorrenti fil-Kawża T‑264/16,

vs

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn A. de Elera-San Miguel Hurtado u A. Vitro, sussegwentement minn F. Naert u A.Vitro, bħala aġenti,

u

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑533/15, minn L. Havas, S. Bartelt u D.Gauci, bħala aġenti, u, fil-Kawża T‑264/16, minn L. Havas u S. Bartelt, bħala aġenti, sussegwentement, fil-Kawża T‑533/15, minn L. Havas, u D. Gauci, bħala aġenti, u, fil-Kawża T‑264/16, minn L. Havas, bħala aġent,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn V. Kaye, sussegwentement minn S. Brandon, sussegwentement minn S. Brandon u C. Crane u fl-aħħar nett minn S. Brandon, bħala aġenti.

intervenjent fil-Kawża T‑533/15,

li għandha bħala suġġett, fil-Kawża T‑533/15, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1066 tat-2 ta’ Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (ĠU 2015, L 174, p. 25), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1062 tat-2 ta’ Lulju 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU 2015, L 174, p. 16), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/475 tal-31 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU 2016, L 85, p. 34), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/659 tas-27 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU 2016, L 114, p. 9), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tal-27 ta’ Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU 2016, L 141, p. 79), u kull regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat magħhom, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u, fil-Kawża T‑264/16, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/475, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/659, tad-Deċiżjoni 2016/849 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill relatati magħhom, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz u N. Półtorak (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑264/16, Korea National Insurance Corporation (“KNIC”) hija impriża mill-Korea ta’ Fuq attiva fil-qasam tal-assigurazzjoni.

2        Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, Kim Il–Su u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, żammew rabtiet ma’ KNIC jew ma’ waħda mill-fergħat tagħha.

 Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea

3        Dawn il-kawżi jaqgħu fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi stabbiliti bil-għan li ssir pressjoni fuq ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

4        Dawn l-attivitajiet ġew ikklassifikati bħala theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“KSNU”) f’għadd ta’ riżoluzzjonijiet, b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 1695 (2006), 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013) u 2094 (2013).

5        Fl-20 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 15 TUE, il-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 200M, p. 192) sabiex, b’mod partikolari, jiġu implimentati r-Riżoluzzjonijiet 1695 (2006) u 1718 (2006) tal-KSNU. L-Artikoli 1 u 2 kienu jipprojbixxu, essenzjalment, il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment diretti jew indirett lejn il-Korea ta’ Fuq, miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew bi transitu jew mit-territorju tal-Istati Membri ta’ ċerti teknoloġiji u ta’ oġġetti ta’ lussu. Skont l-Artikolu 3 tagħha, l-Istati Membri kellhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom jew tal-passaġġ bi transitu minnhom, tal-persuni, kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom, iddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-KSNU, li l-lista tagħhom kienet tidher fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2006/795, bħala li kienu responsabbli għall-politiki mmexxija mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, inkluż permezz ta’ appoġġ jew promozzjoni tagħhom, fir-rigward ta’ programmi relatati ma’ armi nukleari, missili ballistiċi u armi oħra tal-qerda tal-massa. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tagħha kien jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni jew tal-entitajiet iddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-KSNU bħala li kienu qegħdin jintużaw jew jipprovdu appoġġ, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti oħra, għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi u armi oħra tal-qerda tal-massa jew ta’ persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew fuq ordnijiet tagħhom, kif ukoll il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li dawn il-persuni jew entitajiet kellhom pussess tagħhom, kienu jżommu jew kienu jikkontrollaw, direttament jew indirettament.

6        Peress li kienet meħtieġa azzjoni tal-Komunità Ewropea sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2006/795, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikoli 60 u 301 KE, adotta, fis-27 ta’ Marzu 2007, ir-Regolament (KE) Nru 329/2007, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU 2007, L 88, p. 1), li l-kontenut tiegħu kien essenzjalment identiku għal dak ta’ din il-pożizzjoni komuni.

7        Fis-27 ta’ Lulju 2009, abbażi tal-Artikolu 15 TUE, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2009/573/PESK li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/795 (ĠU 2009, L 197, p. 111).Minn naħa, dan it-test kellu l-għan li jimplimenta r-Riżoluzzjoni 1874 (2009) tal-KSNU. Min-naħa l-oħra, dan it-test kien jipprevedi estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, mill-premessi 13 u 14 ta’ dan it-test jirriżulta li kellhom japplikaw restrizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ persuni ddeżinjati mill-Unjoni Ewropea u li ffriżar ta’ fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi kellu jiġi applikat għall-persuni u għall-entitajiet iddeżinjati mill-Unjoni. L-Artikoli 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/795 kellhom, konsegwentement, jiġu emendati. Barra minn hekk, minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal-punt 8 tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2009/573 jirriżulta li l-lista tal-persuni msemmija fl-Anness I ta’ dan it-test kienet stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-KSNU, filwaqt li l-lista tal-persuni elenkati fl-Annessi II u III ta’ dan it-test kienet stabbilita mill-Kunsill. Fit-22 ta’ Diċembru 2009, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/1002/PESK, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/795 (ĠU 2009, L 346, p. 47). Din id-Deċiżjoni kienet temenda, b’mod partikolari, l-Annessi II u III tal-Pożizzjoni Komuni 2006/795.

8        Konsegwentement, fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 1283/2009, li jemenda r-Regolament Nru 329/2007 (ĠU 2009, L 346, p. 1).

9        Fit-22 ta’ Diċembru 2010, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/800/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK (ĠU 2010, L 341, p. 32). Għalkemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-test kienu essenzjalment identiċi għal dawk tal-Pożizzjoni Komuni 2006/795, dawn kienu maħsuba wkoll li jinkludu fil-listi li jinsabu fl-Anness l-ismijiet ta’ persuni u entitajiet oħra identifikati mill-Kunsill u li għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi kif ukoll li jbiddlu l-proċedura ta’ emenda tal-Annessi I u II tagħha, sabiex il-persuni u l-entitajiet iddeżinjati jingħataw ir-raġunijiet għaliex iddaħħlu fil-lista, jingħataw opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet u li, fil-preżenza ta’ osservazzjonijiet jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill ikun jista’ jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu billi jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna jew lill-entità kkonċernata dwarhom.

10      Konsegwentement, fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) Nru 1251/2010, li jemenda r-Regolament Nru 329/2007 (ĠU 2010, L 341, p. 15).

 Miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrenti

11      Fit-22 ta’ April 2013, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/183/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/800 (ĠU 2013, L 111, p. 52). Dan it-test kellu l-għan b’mod partikolari li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 2094 (2013) tal-KSNU.

12      Skont l-Artikolu 15(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni 2013/183 għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni u lill-entitajiet, kif ukoll il-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha, fejn hemm pussess tagħhom, huma miżmuma jew ikkontrollati direttament jew indirettament, mill-persuni jew entitajiet li “jagħtu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew li jinvolvu ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massiva, persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom” (iktar ’il quddiem il-“kriterji ta’ iskrizzjoni”).

13      Minn qari flimkien tal-Artikoli 15 u 19 sa 21 tad-Deċiżjoni 2013/183 jirriżulta li l-lista ta’ persuni ddeżinjati fl-Anness I ta’ dan it-test kienet stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-KSNU filwaqt li l-lista ta’ persuni ddeżinjati fl-Anness II ta’ dan it-test kienet stabbilita mill-Kunsill.

14      Konsegwentement, fit-22 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, adotta r-Regolament (UE) Nru 696/2013, li jemenda r-Regolament Nru 329/2007 (ĠU 2013, L 198, p. 22). L-Artikolu 6(2)(b), tar-Regolament Nru 329/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 696/2013, kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni, entitajiet u l-korpi li l-lista tagħhom kienet tidher fl-Anness V, l-istess bħall-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li dawn il-persuni, entitajiet u korpi kellhom pussess tagħhom, kienu jżommu jew jikkontrollaw. Dan kien jippreċiża li l-Anness V kien jinkludi l-persuni, l-entitajiet u l-organi li ma kinux inklużi fl-Anness IV u li, f’konformità mal-Artikolu 15(1)(b) tad-Deċiżjoni 2013/183, ġew rikonoxxuti mill-Kunsill bħala “li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’, jew mit-territorju tal-Unjoni, jew li jinvolvu ċittadini ta’ Stati Membri jew entitajiet organizzati taħt il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi oħrajn jew riżorsi li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva jew ma’ missili ballistiċi, kif ukoll persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom jew persuni, entitajiet jew korpi li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom”.

15      Fit-2 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1066, li temenda d-Deċiżjoni 2013/183 (ĠU 2015, L 174, p. 25), u, konsegwentement, il-Kummissjoni, fl-istess jum, adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1062, li jemenda r-Regolament Nru 329/2007 (ĠU 2015, L 174, p. 16) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ewwel atti kkontestati”).

16      Permezz tad-Deċiżjoni 2015/1066, l-ismijiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 kienu mniżżla fil-lista, stabbilita mill-Kunsill, ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi kif stipulat fl-Anness II, punt II A tad-Deċiżjoni 2013/183. Din l-iskrizzjoni kienet ibbażata fuq il-motivi li ġejjin (iktar ’il quddiem “l-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15”):

“Kim Il-Su – Rahlstedter Straße 83 a, 22149 Hamburg – Data tat-twelid: 2.9.1965 – Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK – Rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat ta’ KNIC GmbH deżinjata mill-UE, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

Kang Song-Nam – Rahlstedter Straße 83 a, 22149 Hamburg – Data tat-twelid: 5.7.1972 – Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK – Rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat ta’ KNIC GmbH deżinjata mill-UE, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

Choe Chun-Sik – Rahlstedter Straße 83 a, 22149 Hamburg – Data tat-twelid: 23.12.1963 – Post tat-Twelid: Pyongyang, RDPK – Nru tal-passaport 745132109, validu sat-12.2.2020 – Rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat ta’ KNIC GmbH deżinjata mill-UE, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

Sin Kyu-Nam – Data tat-twelid: 12.9.1972 – Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK – Nru tal-passaport PO472132950 – Kap tad-dipartiment tal-kwartieri ġenerali ta’ KNIC fi Pyongyang u eks rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat ta’ KNIC GmbH Hamburg. Jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

Pak Chun-San – Data tat-twelid: 18.12.1953 – Post tat-Twelid: Phyongan, RDPK – Nru tal-passaport PS 472220097 – Kap tad-dipartiment tal-kwartieri ġenerali ta’ KNIC fi Pyongyang u ex rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat ta’ KNIC GmbH Hamburg. Jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

So Tong Myong – Data tat-twelid: 10.9.1956 – Direttur Maniġerjali ta’ KNIC GmbH Hamburg, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha”.

17      Sabiex jiġu riflessi l-emendi għad-Deċiżjoni 2013/183, l-ismijiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ġew inklużi wkoll fl-Anness V, punt C, tar-Regolament Nru 329/2007, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1062, għal raġunijiet essenzjalment identiċi għal dawk li jinsabu fil-punt 16 iktar ’il fuq.

18      Fil-31 ta’ Marzu 2016, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/475, li temenda d-Deċiżjoni 2013/183 (ĠU 2016, L 85, p. 34) u, konsegwentement, fis-27 ta’ April 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/659, li jemenda r-Regolament Nru 329/2007 (ĠU 2016, L 114, p. 9) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “it-tieni atti kkontestati”).

19      Permezz tad-Deċiżjoni 2016/475, l-isem tal-KNIC ġie inkluż fil-lista, stabbilita mill-Kunsill, ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi u li tinsab fl-Anness II, punt IIB tad-Deċiżjoni 2013/183. Din l-iskrizzjoni kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin (iktar ’il quddiem il-“motivi relatati mal-KNIC”):

“Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC) u l-fergħat tagħha (magħrufa wkoll bħala Korea Foreign Insurance Company) – Haebangsan-dong, Central District, Pyongyang, RDPK – Rahlstedter Strasse 83 a, 22149 Hamburg. – Korea National UInsurance Corporation of Alloway, Kidbrooke Park Road, Blackheath, – London SE30LW – Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC), li hija kumpannija tal-Istat u kkontrollata minnu, qed tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija li tista’ tikkontribwixxi għal programmi tar-RDPK relatati man-nuklear, relatati mal-missili ballistiċi jew relatati ma’ armi oħra tal-qerda massiva. – Barra minn hekk, il-kwartieri ġenerali tal-KNIC fi Pyongyang huma konnessi mal-Uffiċċju 39 tal-Partit tal-Ħaddiema Koreani, li huwa entità deżinjata”.

20      Ir-Regolament Nru 2016/659 żied l-isem tal-KNIC fl-Anness V, punt D tar-Regolament Nru 329/2007. L-iskrizzjoni ta’ isem KNIC kienet, essenzjalment, ibbażata fuq raġunijiet identiċi għal dawk riprodotti fil-punt 19 iktar ’il fuq.

21      Permezz tad-Deċiżjoni 2016/475, l-entrati li jikkonċernaw lir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fl-Anness II, punt IIA tad-Deċiżjoni 2013/183 ġew emendati kif ġej (iktar ’il quddiem it-“tieni motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15”):

“Kim Il-Su – Data tat-twelid: 2.9.1965 – Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK – Manager fid-dipartiment tar-riassigurazzjoni tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC) ibbażat fil-kwartieri ġenerali fi Pyongyang u ex-kap rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew fuq id-direzzjoni tagħha.

Kang Song-Sam – Data tat-twelid: 5.7.1972 – Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK – Ex-rappreżentant awtorizzat tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC) f’Hamburg, jibqa’ jaġixxi f’isem il-KNIC jew fuq id-direzzjoni tagħha.

Choe Chun-Sik – Data tat-twelid: 23.12.1963 – Post tat-Twelid: Pyongyang, RDPK – Numru tal-passaport: 745132109 – Validu sat-12.2.2020 – Direttur fid-dipartiment tar-riassigurazzjoni tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC) ibbażat fil-kwartieri ġenerali fi Pyongyang li jaġixxi f’isem il-KNIC jew fuq id-direzzjoni tagħha.

Sin Kyu-Nam – Data tat-twelid: 12.9.1972 – Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK – Numru tal-passaport: PO472132950 – Direttur fid-dipartiment tar-riassigurazzjoni tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC) ibbażat fil-kwartieri ġenerali fi Pyongyang u ex-rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew fuq id-direzzjoni tagħha.

Pak Chun-San – Data tat-twelid: [18.12.1953] – Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK – Numru tal-passaport: PS 472220097 – Direttur fid-dipartiment tar-riassigurazzjoni tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC) ibbażat fil-kwartieri ġenerali fi Pyongyang sa mill-anqas Diċembru 2015 u ex-kap rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, ikompli jaġixxi għal jew f’isem il-KNIC jew fuq id-direzzjoni tagħha.

So Tong Myong – Data tat-twelid: 10.9.1956 – President tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Korea (KNIC), li jaġixxi f’isem il-KNIC jew fuq id-direzzjoni tagħha”.

22      Sabiex jiġu riflessi l-emendi għad-Deċiżjoni 2013/183, l-entrati li jikkonċernaw lir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fl-Anness V, punt C tar-Regolament Nru 329/2007 ġew emendati bir-Regolament Nru 2016/659. Dawn l-entrati kienu, essenzjalment, identiċi għal dawk riprodotti fil-punt 21 iktar ’il fuq.

23      Fis-27 ta’ Mejju 2016, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU 2016, L 141, p. 79). Konsegwentement, fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2016/841, li jemenda r-Regolament Nru 329/2007 (ĠU 2016, L 141, p. 36).

24      Permezz tad-Deċiżjoni 2016/849, f’konformità mar-riżoluzzjoni 2270 (2016) tal-KSNU adottata b’reazzjoni għat-test nukleari mwettaq mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea fis-6 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi ġodda.

25      Skont l-Artikolu 27(1)(b) tad-Deċiżjoni 2016/849 (iktar ’il quddiem il-“kriterji ta’ iskrizzjoni emendati”):

“1.Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn, il-persuni u l-entitajiet li ġejjin għandhom jiġu ffriżati:

[…]

b)      il-persuni u entitajiet mhux koperti bl-Anness I, kif elenkat fl-Anness II: […]

(ii) jagħtu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew li jinvolvu ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħra ta’ qerda tal-massiva, persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom.”

26      Jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 27 u 33 sa 35 tad-Deċiżjoni 2016/849 li l-lista ta’ persuni ddeżinjati fl-Anness I kienet stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-KSNU filwaqt li l-lista tal-persuni ddeżinjati fl-Anness II kienet stabbilita mill-Kunsill.

27      L-isem ta’ KNIC kien ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness II, punt II B tad-Deċiżjoni 2016/849. L-iskrizzjoni tal-isem ta’ KNIC kienet ibbażata fuq raġunijiet essenzjalment identiċi għal-motivi relatati mal-KNIC, imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, li tidher fid-Deċiżjoni 2016/475.

28      L-ismijiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ġew inklużi fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness II, punt II A tad-Deċiżjoni 2016/849. L-iskrizzjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 kienet ibbażata fuq raġunijiet essenzjalment identiċi għat-tieni motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T-533/15 imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, li tidher fid-Deċiżjoni 2016/475 (iktar ’il quddiem it-“tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ippreżentaw rikors għal annullament kontra l-ewwel atti kkontestati.

30      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ippreżentaw talba sabiex jintlaqa’ l-benefiċċju tat-talbiet tagħhom u tingħata sentenza fil-kontumaċja skont l-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sa fejn ir-risposta tal-Kunsill u dik tal-Kummissjoni kienu ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ dawn in-noti.

31      Mistoqsija f’dan ir-rigward permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Marzu 2016, irtiraw it-talba sabiex jintlaqgħu t-talbiet tagħhom f’dak li jikkonċerna lill-Kummissjoni.

32      Fil-15 ta’ Marzu 2016, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġie ammess bħala parti intervenjenti sabiex isostni t-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 2016, dan l-Istat Membru rrinunzja għall-preżentata tan-nota ta’ intervent.

33      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Kawża T‑533/15 ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid.

34      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2016, il-KNIC ippreżentat rikors għal annullament fil-Kawża T‑264/16 kontra t-tieni atti kkontestati.

35      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 kienu adattaw, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors bil-għan li jinkludi wkoll l-annullament tat-tieni atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernawhom.

36      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 adattaw ir-rikors għat-tieni darba, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jinkludi wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2016/849, sa fejn din tikkonċernahom, kif ukoll “kull regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat ma’ din id-deċiżjoni”.

37      B’ittra tat-3 ta’ Ġunju 2016, il-KNIC, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adattat ir-rikors, fil-Kawża T‑264/16, sabiex jinkludi wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2016/849, sa fejn din tikkonċernaha, kif ukoll ta’ “kull regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat magħha”.

38      Il-Kunsill u l-Kummissjoni fformulaw osservazzjonijiet fil-Kawża T‑533/15, dwar l-adattamenti tar-rikors permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2016.

39      F’dawn l-osservazzjonijiet, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu s-sospensjoni tal-proċedura fil-Kawża T‑533/15 u li din tingħaqad mal-Kawża T‑264/16.

40      B’ittra tat-18 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 irrikonoxxew l-eżistenza ta’ rabta bejn il-Kawżi T‑533/15 u T‑264/16 li setgħet tiġġustifika li l-imsemmija kawżi jingħaqdu. Min-naħa l-oħra, huma ma ddikjarawx il-pożizzjoni tagħhom dwar jekk għandhiex tiġi sospiża l-Kawża T‑533/15.

41      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2016, il-KNIC ippreżentat osservazzjonijiet tagħha dwar it-tgħaqqid u s-sospensjoni eventwali tal-proċedura fil-Kawża T‑533/15.

42      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ippreżentaw kummenti addizzjonali flimkien ma’ ittri indirizzati lill-Kunsill li bihom huma kienu kkontestaw il-veraċità tal-provi li fuqhom kienu bbażati l-ewwel atti kkontestati.

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Awwissu 2016, il-Kunsill ifformula osservazzjonijiet dwar l-adattament tar-rikors fil-Kawża T‑264/16.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2016, il-President tat-Tmien Awla ddeċieda li ma jissospendix il-proċedura fil-Kawża T‑533/15.

45      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, li lilha dawn il-kawżi ġew assenjati.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2017 tal-President tat-Tielet Awla, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

47      Fit-13 ta’ Marzu 2017, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet fil-Kawżi T‑533/15 u T‑264/16 ġew mistiedna jesprimu opinjoni dwar it-tgħaqqid tal-kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

48      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 u l-KNIC (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti”) indikaw li kienu jippreferu li l-kawżi ma jingħaqdux. Permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill u l-Kummissjoni rispettivament indikaw li kienu favur t-tgħaqqid tal-kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza u biex ma tingħatax opinjoni f’dan ir-rigward.

49      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit irrinunzja li jipparteċipa fis-seduta.

50      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2017 tal-President tat-Tielet Awla, il-Kawżi T‑533/15 u T‑264/16 ingħaqdu għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

51      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017.

52      Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jitolbu sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2015/1066, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/1062, id-Deċiżjoni 2016/475, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/659, id-Deċiżjoni 2016/849 u kull regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat ma’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, sa fejn dawn jikkonċernawhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

53      Fil-Kawża T‑264/16, il-KNIC titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2016/475, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2016/659, id-Deċiżjoni 2016/849 u kull regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat magħha, sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

54      Fil-Kawżi magħquda T‑533/15 u T‑264/16, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

55      Fil-Kawżi magħquda T‑533/15 u T‑264/16, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

56      Waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 indikaw li l-espressjoni “kull regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat ma’ din id-Deċiżjoni” li tidher fit-tieni adattament tar-rikors tat-3 ta’ Ġunju 2016 kienet tfisser li huma kienu qegħdin jikkontestaw unikament l-atti espliċitament imsemmija, u mhux il-miżuri marbuta ma’ dawk l-atti, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta.

57      Ukoll bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 irtiraw, matul is-seduta, it-talba sabiex jingħataw il-benefiċċju tat-talbiet tagħhom f’dak li jikkonċerna lill-Kunsill, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta.

58      Fil-Kawża T‑264/16, KNIC indikat, waqt is-seduta, li l-espressjoni “kull regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat magħha” li tidher fl-adattament tar-rikors tat-3 ta’ Ġunju 2016 kienet tfisser li hija kienet qed tikkontesta unikament l-atti speċifikament imsemmija, u mhux il-miżuri marbuta ma’ dawk l-atti, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta.

 Id-dritt

 Fuq il-konsegwenzi proċedurali tat-tħassir u tat-tibdil tad-Deċiżjoni 2013/183

59      Kif jirriżulta mir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu rispettivament, fil-Kawża T‑533/15, l-annullament tad-Deċiżjonijiet 2015/1066 u 2016/475, u fil-Kawża T‑264/16, l-annullament tad-Deċiżjoni 2016/475.

60      Hekk kif jirriżulta mill-fatti preċedenti tal-kawża, id-Deċiżjoni 2013/183 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Deċiżjoni 2016/849.

61      Fit-3 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti adattaw ir-rikorsi tagħhom fiż-żewġ kawżi, sabiex jinkludu wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2016/849 sa fejn kienet tikkonċernahom.

62      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ta’ rikorsi ppreżentati kontra miżuri suċċessivi ta’ ffriżar ta’ fondi, ir-rikorrent iżomm interess li jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi mħassra u ssostitwita b’deċiżjoni restrittiva sussegwenti, sa fejn it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, bid-differenza ta’ sentenza ta’ annullament, li bis-saħħa tagħha l-att annullat huwa eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 35, u tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 45 sa 48).

63      Minn dan isegwi li r-rikorrenti jżommu interess ġuridiku li jitolbu l-annullament tad-Deċiżjonijiet 2015/1066 u 2016/475 u li, għaldaqstant, ir-rikorsi fil-Kawżi T‑533/15 u T‑264/16 iżommu l-iskop tagħhom fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

 Dwar l-ordni tat-trattament tal-Kawżi T533/15 u T264/16

64      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li l-ewwel nett, jiġi eżaminat ir-rikors fil-Kawża T‑264/16 u fit-tieni lok, ir-rikors fil-Kawża T‑533/15.

 Fuq ir-rikors fil-Kawża T264/16

65      KNIC tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq il-ksur tal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data u fuq il-limitazzjoni sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali.

66      Issa, sa fejn, minn naħa, dawn il-motivi jirrigwardaw b’mod indiskriminatorju l-atti kkontestati kollha f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, il-kriterji li fuqhom ġiet ibbażata l-iskrizzjoni tal-isem tal-KNIC fil-listi kontenzjużi li jinsabu fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2013/183, fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 329/2007 u fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 2016/849 huma essenzjalment identiċi, bħall-motivi għall-iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina flimkien il-motivi allegati fil-konfront tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849, inkluża wara l-adattament tar-rikors tat-3 ta’ Ġunju 2016.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

67      KNIC issostni li l-Kunsill u l-Kummissjoni naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jagħtu raġunijiet ċari, univokali u speċifiċi li jippermettu l-iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi. Hija tikkontesta globalment kull motivazzjoni insostenn tal-iskrizzjoni tagħha.B’mod partikolari, KNIC issostni li l-iskrizzjoni tagħha hija bbażata fuq żewġ provi nieqsa fost il-kriterji ta’ iskrizzjoni, jiġifieri fuq il-kontroll allegat mill-Istat tal-Korea ta’ Fuq u fuq ir-rabta mad-Diviżjoni 39 tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea (iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni 39”).

68      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat-18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat, C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 74, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il‑Kunsill, C-459/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:646, punt 23).

70      Fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, mingħajr ma tiġi imposta l-ħtieġa li tingħata tweġiba ddettaljata għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fi kwalunkwe każ li din il-motivazzjoni tidentifika mhux biss il-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-persuna kkonċernata kellha tkun suġġetta għal tali miżuri restrittivi. Il-qorti tal-Unjoni għandha, għalhekk, b’mod partikolari tivverifika n-natura biżżejjed preċiża u konkreta tal-motivi invokati (ara s-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat, C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Petropars Iran et vs Il‑Kunsill, T‑433/13, EU:T:2015:255, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Il-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn is-suffiċjenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għandu jitfakkar ukoll li att li jikkawża preġudizzju huwa mmotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din il-persuna tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat, C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tkun distinta mill-kwistjoni dwar il-fondatezza tal-motivi, li tirriżulta mill-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Għalkemm dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il‑Kunsill T‑174/12 u T‑80/13, EU:T:2014:52, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-każ, KNIC targumenta li t-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849 ma humiex immotivati b’mod suffiċjenti fil-dritt sa fejn hija kkonċernata l-iskrizzjoni tagħha, peress li l-motiv ikkontestat huwa vag u infondat.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 1 sa 12 tad-Deċiżjoni 2013/183 ifakkru l-elementi rilevanti tal-ambjent politiku li fih ġew adottati l-miżuri restrittivi inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-ewwel premessa tar-Regolament Nru 329/2007 jirriżulta li, minħabba t-test nukleari tad-9 ta’ Ottubru 2006, il-KSNU ddeterminat li kienet teżisti theddida manifesta għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Dawk l-atti, li t-tieni atti kkontestati għandhom bħala għan li jemendaw u li għalhekk huma parti minn kuntest magħruf mill-KNIC, jindikaw għaldaqstant is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u l-għanijiet ġenerali li jipproponu li jilħqu. Bl-istess mod, rigward is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/849, il-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni tfakkar b’mod partikolari li l-aġir tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea fil-bidu tas-sena 2016 hija meqjusa bħala theddida serja għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu.

76      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-motivi li ġġustifikaw l-iskrizzjoni tal-isem tal-KNIC fil-listi inkwistjoni għandhom jinqraw flimkien u fid-dawl tal-kriterji ta’ iskrizzjoni stipulati fl-Artikolu 15(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni 2013/183, l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 329/2007 kif ukoll l-Artikolu 27(1)(b) tad-Deċiżjoni 2016/849. Għalhekk, mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni u lill-entitajiet elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/183, fil-punt D tal-Anness V tar-Regolament Nru 329/2007 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2016/849 għandhom jiġu ffriżati. Issa, il-KNIC issemmiet fil-punt II B tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/183, kif emendata bid-Deċiżjoni 2016/475, u fil-punt D tal-Anness V tar-Regolament Nru 329/2007, fil-verżjoni emendata tiegħu bir-Regolament Nru 2016/659, kif ukoll fil-punt IIB tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2016/849.

77      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-titoli tal-Annessi inkwistjoni jirreferu b’mod ċar għal dawn id-dispożizzjonijiet li fihom jinsabu mingħajr ambigwitajiet il-kriterji li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-iskrizzjoni tal-isem tal-KNIC fil-listi kontenzjużi.

78      Il-motivi invokati insostenn tal-iskrizzjoni tal-isem tal-KNIC fil-listi kontenzjużi huma dawk esposti fil-punt 19 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li KNIC ġiet iskritta peress li hija impriża pubblika li tappartjeni lill-Istat, li tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija li jista’ jikkontribwixxi għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew mal-armi oħra tal-qerda tal-massa (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”). Minn dan jirriżulta wkoll li s-sede tal-KNIC, li tinsab fi Pjongjang, hija marbuta mad-Diviżjoni 39, entità deżinjata.

79      Għalhekk, minkejja n-natura konċiża ta’ din il-motivazzjoni, il-KNIC kienet b’mod ċar f’pożizzjoni li tifhem l-essenzjal tal-fatti kkunsidrati fir-rigward tagħha mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u li tiddefendi ruħha b’mod xieraq, li huwa kkonfermat mill-argument tagħha mressaq fil-kuntest tat-tieni motiv. Fil-fatt, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreċiżaw ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huma qiesu li l-kriterji ta’ iskrizzjoni kienu applikabbli għall-KNIC.

80      Fil-fatt, minn naħa, din il-motivazzjoni hija bbażata fuq bażi legali identifikata b’mod ċar u li tirreferi għall-kriterji ta’ iskrizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija motivazzjoni tinkludi motivi direttament relatati mal-KNIC li jippermettulha tifhem ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

81      Bl-istess mod, il-motivi mogħtija u espressi mill-Kunsill u mill-Kummissjoni jippermettu lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tal-atti kkontestati mill-KNIC.

82      F’dak li jikkonċerna l-argument tal-KNIC li permezz tiegħu tinvoka l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għall-allegata rabta bejn is-sede tagħha u d-Diviżjoni 39, jirriżulta, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-motivi relatati mal-KNIC, li l-elementi fir-rigward tar-rabta bejn il-KNIC u d-Diviżjoni 39 huma ppreżentati b’mod komplementari. It-tieni nett, ir-riferiment għar-rabta bejn is-sede tal-KNIC u d-Diviżjoni 39 hija marbuta mal-kriterji ta’ iskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2013/183 u fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 329/2007 kif ukoll fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Deċiżjoni 2016/849. It-tielet nett, ma kienx neċessarju li l-Kunsill u l-Kummissjoni jispjegaw fid-dettall in-natura ta’ din ir-rabta, peress li l-KNIC setgħet, minn qari tal-motivi u fid-dawl tal-kuntest li ta lok għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, tifhem il-motivazzjoni kkontestata. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Il-kwistjoni dwar jekk din ir-rabta hijiex ipprovata b’mod suffiċjenti fid-dritt ser tkun is-suġġett tal-analiżi tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv tar-rikors fil-Kawża T‑264/16 għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

84      Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-KNIC issostni li l-Kunsill u l-Kummissjoni wettqu żball meta kkunsidraw li l-kriterji ta’ iskrizzjoni kienu ssodisfatti fir-rigward tagħha. Skont il-KNIC, l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-entitajiet suġġetti għal sanzjonijiet ma tibbaża fuq ebda bażi fattwali. Il-KNIC takkuża lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’insuffiċjenza ta’ provi.

85      Għalhekk, KNIC issostni li hija ma tipprovdix servizzi finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi ta’ armi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea kif imsemmija fil-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni. Hija ssostni li hija kumpannija tal-assigurazzjoni li tipprovdi assigurazzjoni lil klijenti bl-imnut fil-Korea ta’ Fuq. Il‑KNIC ma hijiex ikkontrollata minn dan l-Istat, iżda tikkostitwixxi impriża pubblika indipendenti. Il‑KNIC ma tiġġenerax dħul sostanzjali f’munita barranija.

86      Bl-istess mod, skont il-KNIC, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma pproduċew ebda prova biex jissostanzjaw il-fatt li d-dħul tagħha kien jew ser jintuża b’rabta ma’ programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea dwar il-proliferazzjoni nukleari, u lanqas ma ressqu argument li jispjega kif somom “iġġenerati” minnha jistgħu jikkontribwixxu materjalment għal dawn il-programmi. Hija tenfasizza li hija tittrasferixxi lill-Gvern unikament somom li jikkorrispondu mal-“ħlasijiet ta’ taxxi ordinarji”, li fi kwalunkwe każ ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-indikazzjoni tagħha.

87      F’dan il-kuntest, skont il-KNIC, ir-referiment għal “kontribuzzjoni” għall-programmi ta’ armi previst mill-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ jew pagament dirett jew pagamenti ta’ importanza tali li, mingħajrhom, il-programm ta’ armi jiġi materjalment affettwat.Il-KNIC tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2016, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, C‑358/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:338), u tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678).

88      Barra minn hekk, il-KNIC tikkritika lill-Kunsill li assimila b’mod żbaljat din il-kawża ma’ każ li fih kien suffiċjenti li jiġi stabbilit li l-entità msemmija ssostni lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea biex tiġi ġġustifikata l-indikazzjoni tagħha. Hija tirreferi għas-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2016, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑63/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:264). Barra minn hekk, il-KNIC tikkontesta li għandha rabta mad-Diviżjoni 39.

89      Fl-aħħar nett, hija tikkontesta kemm il-valur probatorju kif ukoll ir-realtà tal-provi prodotti dwar l-allegati attivitajiet frawdolenti, billi tikkwalifikahom bħala “allegazzjonijiet foloz u seksik malizzjuż fl-internet”.

90      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-KNIC.

91      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, abbażi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u tas-sigurtà komuni, jikkostitwixxu miżuri preventivi mmirati, li huma intiżi għall-ġlied kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. L-adozzjoni tagħhom taqa’ taħt il-kuntest strett tal-kundizzjonijiet legali stabbiliti minn deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE u minn regolament ibbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE li jimplimenta din id-deċiżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE. Minħabba n-natura kawtelatorja tagħhom kif ukoll minħabba l-iskop preventiv tagħhom, dawn il-miżuri huma differenti b’mod partikolari mis-sanzjonijiet kriminali (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessi tad-Deċiżjoni 2013/183 u tad-Deċiżjoni 2016/849, il-Kunsill stabbilixxa miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea b’reazzjoni għal diversi testijiet nukleari li dan l-Istat wettaq u li kienu kkundannati mir-riżoluzzjonijiet tal-KSNU u kkunsidrati bħala theddida serja għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali fir-reġjun u lil hinn minnu. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza għall-Unjoni tal-għan taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

93      Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ elementi fi ħdan att li jirrigwarda miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża. Tali att huwa kompost, minn naħa, minn regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi stabbiliti minnu, u, min-naħa l-oħra, ġabra ta’ atti ta’ applikazzjoni tar-regoli ġenerali msemmija iktar ’il fuq għal entitajiet speċifiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 44).

94      F’dak li jirrigwarda r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, b’konformità ma’ deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, b’mod partikolari l-Artikolu 29 TUE. Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri magħmula mill-Kunsill ma’ dik tagħha, l-istħarriġ li hija teżerċita għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati tali miżuri (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14 u T‑408/13, EU:T:2016:689, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Madankollu, għalkemm il-Kunsill għaldaqstant għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna partikolari jiġi inkluż jew jinżamm f’lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali biżżejjed solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, tal-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex jissostanzja din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (sentenzi tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 41 u 45, tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punt 38, u tat-30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 71).

96      Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12P, EU:C:2013:775, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fil-fatt, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġu evalwati n-natura, il-mod u l-intensità tal-prova li tista’ tintalab mill-Kunsill, għandhom jitqiesu n-natura u l-portata speċifika tal-miżuri restrittivi, kif ukoll l-għan tagħhom (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il‑Kunsill, T‑224/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:375, punt 138; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punti 74 sa 85, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawżi Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P u C‑630/13 P, EU:C:2015:1, punt 111).

99      Fl-aħħar, hemm lok li jitfakkar ukoll li, f’każ fejn il-Kunsill jiddefinixxi b’mod astratt il-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw l-iskrizzjoni tal-isem ta’ persuna, jew ta’ entità, fil-lista tal-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikoli 75 u 215 TFUE, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika, abbażi tal-motivi mqajma jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, jekk il-każ tagħha jikkorrispondix mal-kriterji astratti ddefiniti mill-Kunsill (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Georgias et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑168/12, EU:T:2014:781, punt 74).

100    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li hemm lok li tiġi vverifikata, minn naħa, il-klassifikazzjoni adottata mill-Kunsill fil-motivi relatati mal-KNIC fit-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849 u r-rilevanza tal-imsemmija motivi fir-rigward tal-kriterji ta’ iskrizzjoni u tal-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati u, min-naħa l-oħra, in-natura suffiċjenti tal-provi prodotti mill-Kunsill insostenn ta’ dawn il-motivi.

101    Sa fejn, permezz tat-tieni motiv tagħha, il-KNIC tfittex li tikkontesta l-klassifikazzjoni adottata mill-Kunsill fil-motivi li jirrigwardawha fir-rigward tal-kriterji ta’ iskrizzjoni u tal-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

102    Fir-rigward tal-argument li bih KNIC tikkritika r-rilevanza ta’ motiv ibbażat fuq il-kontroll statali fir-rigward tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kontroll statali ma jikkostitwixxix raġuni ta’ iskrizzjoni separata, iżda wieħed mill-motivi relatati mal-KNIC li huwa marbut mal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, huwa ċar li l-kriterji ta’ iskrizzjoni kif ukoll il-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati jirrigwardaw lill-entitajiet kollha li jiżguraw it-trasferiment ta’ fondi jew ta’ assi finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari, indipendentement mill-istatus tagħhom bħala impriża statali jew mill-istruttura kapitalistika tagħhom. Għaldaqstant, il-motivi relatati mal-KNIC sa fejn jirreferu għall-kunċett ta’ kontroll mill-Istat huma konsistenti mal-kriterji ta’ iskrizzjoni.

103    Fir-rigward tal-argument li bih KNIC targumenta li hija ma tipprovdix servizzi finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi ta’ armi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea kif intiżi mill-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kriterji ta’ iskrizzjoni u l-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati, li l-formulazzjoni tagħhom hija ġenerali ħafna, ikopru mhux biss l-entitajiet li jipprovdu servizzi finanzjarji, iżda wkoll dawk li jiżguraw it-trasferiment lejn, permezz jew mit-territorju tal-Istati Membri tal-assi finanzjarji kollha jew assi ekonomiċi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

104    Issa, it-terminu “servizzi finanzjarji” ma ntużax fil-motivi relatati mal-KNIC, li kienu jirreferu għall-fatt li KNIC tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija. Dan l-argument tal-KNIC ma jistax jintlaqa’.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ rilevanza tal-motivi relatati mal-KNIC fir-rigward tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni ma jistgħux jiġu aċċettati. Il-kontestazzjoni tal-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ iskrizzjoni, ippreżentata mill-KNIC fil-kuntest tal-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-insuffiċjenza tal-provi, se tiġi analizzata iktar ’il quddiem bi tweġiba għal dawn l-allegazzjonijiet.

106    Sa fejn, permezz tat-tieni motiv tagħha, KNIC takkuża lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’insuffiċjenza ta’ provi, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi li l-Kunsill u l-Kummissjoni huma obbligati jissostanzjaw f’dan il-każ, fid-dawl tal-kriterji ta’ iskrizzjoni, huma dawk dwar, l-ewwel nett, in-natura statali tal-KNIC, it-tieni nett, dwar il-fatt li KNIC tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija u, it-tielet nett, il-fatt li l-imsemmi dħul jista’ jikkontribwixxi għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

107    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li, fl-assenza ta’ setgħat investigattivi f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, stqarrijiet tal-istampa, rapporti tas-servizzi sigrieti jew sorsi ta’ informazzjoni simili oħrajn.

108    Issa, skont il-ġurisprudenza, l-istqarrijiet għall-istampa jistgħu jintużaw għall-finijiet biex tiġi kkorroborata l-eżistenza ta’ ċerti fatti meta jkunu konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed fir-rigward tal-fatti deskritti fihom (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-Kunsill u l-Kummissjoni pproduċew diversi dokumenti pubbliċi u artikoli tal-istampa internazzjonali li jistabbilixxu l-attivitajiet ta’ KNIC b’mod iddettaljat.

110    Fl-ewwel lok, jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li l-KNIC hija impriża pubblika li tappartjeni lill-Istat.

111    Kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, skont l-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, il-posta u t-telekomunikazzjoni, kif ukoll il-fabbriki, l-impriżi, il-banek u l-portijiet ewlenin huma l-proprjetà esklużiva tal-Istat. Skont din l-istess dispożizzjoni, l-Istat jagħti l-prijorità lill-protezzjoni u lill-espansjoni tal-proprjetà tiegħu li għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.

112    Issa, f’dan il-każ, mill-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-KNIC hija f’sitwazzjoni ta’ monopolju fil-qasam tal-assigurazzjoni u li, għaldaqstant, hija impriża ta’ daqs kbir.

113    Fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni u li tinsab fis-sit internet tal-KNIC, din hija l-“uniku assiguratur fil-[Korea ta’ Fuq]” u “[h]ija għandha aktar minn 10 fergħat provinċjali u iktar minn 200 uffiċċju muniċipali (distrettwali) u kantonali, immexxija mill-uffiċċji Koreani u mir-rappreżentanti tagħha barra mill-pajjiż”.

114    Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta mill-KNIC, li hija l-iktar waħda li tista’ tressaq elementi li jikkontestaw il-provi prodotti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, ma tikkontradixxix, iżda, għall-kuntrarju, tikkonferma l-konstatazzjoni tan-natura tagħha bħala impriża pubblika li tappartjeni lill-Istat.

115    F’dan ir-rigward u preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-legalità tal-atti li permezz tagħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw miżuri restrittivi ma tistax, bħala prinċipju, tiġi evalwata ħlief abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom l-imsemmija atti ġew adottati, xorta jibqa’ l-fatt li element ikkomunikat bħala element li jiskaġuna mill-persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni sabiex tikkonferma l-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti kkontestati bbażata fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom l-imsemmija atti ġew adottati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2016, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, T‑63/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:264, punt 109, u tat-3 ta’ Mejju 2016, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑68/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:263).

116    Għalhekk, f’dan il-każ, mid-dokument ippreżentat lill-Qorti Ġenerali bl-isem “Statuti u r-regolamenti tal-kumpannija” jirriżulta li din tinsab f’pożizzjoni ta’ monopolju fis-suq tal-assigurazzjoni fil-Korea ta’ Fuq. Skont in-“Nota ta’ spjegazzjoni dwar il-ġestjoni interna”, ippreżentata wkoll mill-KNIC, “il-profitti tal-kumpannija jiġu investiti f’kumpanniji oħra tal-Istat u s-suppliment jitħallas fil-Fond ta’ Riżerva”. Dawn il-profitti “jistgħu jintużaw ukoll biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-gvern, bħala kollateral ta’ bonds, għall-iżvilupp ulterjuri tal-kumpannija u għall-benesseri tal-poplu kollu tal-[Korea ta’ Fuq]”.

117    Bl-istess mod, skont l-imsemmija “Nota ta’ spjegazzjoni dwar il-ġestjoni interna”, il-KNIC hija miżmuma mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea. Il-punt A tal-istess dokument jindika li “Korea Insurance kull sena tippreżenta r-rapport ta’ attività tagħha lill-gvern”, li “[m]a hemm l-ebda laqgħa ġenerali tal-azzjonisti peress li ma hemmx azzjonisti” u li “[l-]kumpanija tappartjeni lill-poplu kollu tal-[Korea ta’ Fuq]”. Bl-istess mod, fil-punt E ta’ dan id-dokument, huwa ppreċiżat li l-kotba tal-kontabbiltà kollha tal-kumpannija jiġu vverifikati kull sena mill-Gvern.Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rappreżentanti tal-KNIC ma kinux f’pożizzjoni li jwieġbu għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar min jaħtar il-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-KNIC.

118    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kunsill ma wettaq ebda żball ta’ fatt meta indika li l-KNIC kienet “impriża pubblika li tappartjeni lill-Istat”.

119    Fit-tieni lok, KNIC issostni li l-Kunsill u l-Kummissjoni wettqu wkoll żball meta affermaw li “tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija”. Il-KNIC ma tiġġenera l-ebda munita barranija. L-uniċi tranżazzjonijiet f’munita barranija li pparteċipat fihom huma, minn naħa, il-ġbir ta’ primjums f’euro ta’ ammont baxx mill-ambaxxati fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea għall-assigurazzjonijiet tal-karozzi tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-programm ta’ riassigurazzjoni tagħha, li jiswilha fi primjums ta’ euro iktar milli ddaħħal.

120    Mid-dokument Coreu CFSP/0229/15 tal-11 ta’ Novembru 2015 jirriżulta, li, skont informazzjoni sigrieta meqjusa bħala affidabbli mill-Kunsill, il-KNIC hija inkarigata biex tikseb munita barranija sabiex tappoġġja u tistabbilizza r-reġim tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea. Jirriżulta wkoll li dawn huma somom kunsiderevoli.

121    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-KNIC ma tikkontestax il-profitabbiltà ġenerali tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-fatt li parti minn dan il-profitt huwa ġġenerat f’munita barranija permezz tal-attivitajiet tar-riassigurazzjoni tagħha.

122    Issa, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li regolament li jipprevedi miżuri restrittivi għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, imsemmija fl-Artikolu 215(2) TFUE, iżda wkoll tal-kuntest storiku li jagħmlu parti minnu d-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni u li jagħmel parti minnhom dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 75, kif ukoll id-digriet tal-1 ta’ Diċembru 2015, Georgias et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑545/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:791, punt 33). L-istess japplika għal deċiżjoni adottata fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li tagħmel parti minnu (sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 78, u tat-12 ta’ Mejju 2016, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, C‑358/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:338, punt 50).

123    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2013/183 li r-Riżoluzzjoni tal-KSNU (2013) tistabbilixxi li l-Istati għandhom jipprevjenu l-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorji tagħhom ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi ekonomiċi oħrajn, inkluż flus kontanti, fir-rigward tal-attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi nukleari jew ta’ missili ballistiċi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea jew kwalunkwe attività oħra pprojbita mir-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013) jew 2094 (2013), jew għall-evażjoni tal-miżuri imposti minn dawn ir-riżoluzzjonijiet.

124    Bl-istess mod, mill-premessi 14 u 15 tad-Deċiżjoni 2016/849 jirriżulta li r-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2270 (2016) twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri applikabbli għas-settur finanzjarju. Fil-kuntest tal-miżuri applikabbli għas-settur finanzjarju, il-Kunsill iqis li huwa xieraq li jiġu pprojbiti t-trasferimenti tal-fondi lejn u ta’ provenjenza mill-Korea ta’ Fuq sakemm ma jkunux ġew speċifikament awtorizzati minn qabel, kif ukoll l-investimenti tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea fit-territorji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u l-investimenti minn ċittadini jew minn entitajiet tal-Istati Membri fil-Korea ta’ Fuq.

125    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-motivi relatati mal-KNIC għandhom ukoll jinqraw fid-dawl tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni, li huma fformulati b’mod ġenerali ħafna u jirreferu għall-kunċetti ta’ “kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn”. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni huma bbażati wkoll fuq it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri u dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-frażi “tiġġenera dħul f’munita barranija” li tinsab fil-motivi ta’ iskrizzjoni tal-KNIC.

126    Konsegwentement, l-espressjoni “tiġġenera dħul f’munita barranija” li tinsab fil-motivi relatati mal-KNIC għandha tiġi interpretata konformement mal-kliem u mal-iskop tagħha, mhux bħala li tkopri l-profitti miksuba mill-KNIC f’munita barranija, iżda li tirreferi għal kwalunkwe riżorsa ekonomika f’munita barranija ġġenerata mill-entità kkonċernata minħabba l-attivitajiet tagħha.

127    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-espressjoni li tidher fil-motivi relatati mal-KNIC u li skont din il-KNIC tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija, il-Kunsill u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq sorsi aċċessibbli pubblikament rigward attivitajiet tal-KNIC, bħas-sit internet tagħha, l-estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ fir-rigward tal-Korea National Insurance Corporation Zweigniederlassung Deutschland (iktar ’il quddiem il-“KNIC ZD”), fergħa tal-KNIC fil-Ġermanja, kif ukoll fuq artikoli tal-istampa. Mill-imsemmija informazzjoni jirriżulta li l-KNIC twettaq attivitajiet fit-territorju tal-Unjoni, b’mod partikolari, billi tikkonkludi kuntratti ma’ operaturi ekonomiċi kbar fil-qasam tal-assigurazzjoni u li huwa fil-kuntest ta’ din l-aħħar attività li l-KNIC tiġġenera dħul f’munita barranija.

128    Skont l-informazzjoni estratta mill-imsemmi sit internet u ppreżentata mill-Kummissjoni, il-KNIC hija attiva fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-ħajja u mhux għall-ħajja u fil-qasam tar-riassigurazzjoni, fost attivitajiet oħra, bħal operazzjonijiet kummerċjali. Minn dan is-sit internet jirriżulta li l-KNIC tiġġenera profitt annwali kunsiderevoli. [11.5 biljun won (KPW) Nord Koreani (madwar EUR 80.5 miljun) għas-sena 2014 biss].

129    Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, peress li l-flus huma funġibbli, anki jekk, kif issostni l-KNIC, il-fergħa tagħha tar-“riassigurazzjoni” hija f’sitwazzjoni ta’ defiċit, hija dejjem tikkostitwixxi sors ta’ munita barranija għaliha u, fir-rigward tat-telf, dan jista’ faċilment jiġi paċut bil-profitti magħmula f’oqsma oħra ta’ attività tal-KNIC.

130    It-tielet nett, l-informazzjoni pprovduta mill-KNIC ma tikkontradixxix il-konstatazzjoni li din tiġġenera dħul f’munita barranija.

131    Filwaqt li tafferma li l-programm ta’ riassigurazzjoni jiswiha iktar fi primjums milli tirċievi f’benefiċċji ta’ assigurazzjoni, KNIC tispjega, filwaqt li tipprovdi wkoll insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha analiżi kkwantifikata, li, matul l-aħħar ħames snin, hija ħallset total ta’ EUR 441 060 102 ta’ primjums lir-riassiguraturi u rċeviet total ta’ EUR 324 412 306 ta’ ħlas ta’ riassigurazzjoni.

132    B’dan il-mod, il-KNIC stess tammetti li rċeviet ammonti f’munita barranija li jaqbżu EUR 300 000 000. Din is-somma għandha titqies bħala sinjifikanti.

133    Barra minn hekk, il-KNIC ma tikkontestax l-informazzjoni tal-Kummissjoni li hija twettaq attivitajiet ta’ riassigurazzjoni ma’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni internazzjonali, li wħud minnhom jinsabu fit-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, fir-replika, il-KNIC tikkonferma li twettaq tranżazzjonijiet f’munita barranija.Mill-ittra tal-KNIC tas-16 ta’ Ġunju 2016 jirriżulta wkoll li hija jkollha “tibdel f’euro parti mid-dħul tagħha f’won Koreani […] sabiex tħallas primjums lir-riassiguraturi tagħha”.

134    KNIC tinsisti wkoll fuq iċ-ċirkustanza li hija kienet is-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fir-Renju Unit dwar allegati talbiet foloz għal ħlas ta’ riassigurazzjoni. Issa, fir-rigward tal-artikolu tal-Washington Post ippreżentat mill-Kunsill, fi tmiem l-imsemmija proċeduri quddiem il-qrati tar-Renju Unit, KNIC kienet irċeviet 58 miljun dollaru.

135    Il-KNIC tikkritika bil-qawwa l-informazzjoni dwar frodi possibbli fil-kuntest tar-riassigurazzjoni.

136    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ frodi hija estranja kemm għall-kriterji ta’ iskrizzjoni kif ukoll għall-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati. Il-kwistjoni ta’ frodi lanqas ma tinsab fost il-motivi relatati mal-KNIC. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-KNIC dwar din il-kwistjoni.

137    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li l-KNIC tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija.

138    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritika fil-konfront tal-KNIC sa fejn id-dħul li hija tiġġenera ma jistax jikkontribwixxi għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ elementi fl-argumenti tal-KNIC.

139    Minn naħa, il-KNIC tallega li l-espressjoni “jikkontribwixxi għall-programmi” li tinsab fost il-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata bħala li teħtieġ jew pagament dirett jew pagament ta’ kwantitajiet kbar, b’tali mod li mingħajrhom il-programm tal-armi ikun affettwat materjalment.

140    F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-KNIC bl-ebda mod ma qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, minħabba n-natura allegatament sproporzjonata tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, permezz tal-argumenti tagħha, il-KNIC tikkritika l-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

141    Issa, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-modalitajiet ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120, u tad-29 ta’ April 2015, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, T‑10/13, EU:T:2015:235, punti 75 sa 80, 83, 84 u 88).

142    F’dan il-każ, la l-kriterji ta’ iskrizzjoni, u lanqas il-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati ma jeżiġu li pagamenti diretti jew kwantitajiet kbar ta’ pagamenti jitħallsu lill-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

143    Fil-fatt, it-termini użati fil-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ huma b’mod ċar dawk tar-riżorsi u assi ekonomiċi “li jistgħu jikkontribwixxu” għal dawk il-programmi.

144    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-KNIC, il-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni ma jkoprux lill-entitajiet kollha li għandhom rabtiet mar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, jew saħansitra lill-persuni taxxabbli Nord Koreani kollha, iżda, essenzjalment, lill-persuni u lill-entitajiet li jipprovdu servizzi finanzjarji jew li jiżguraw it-trasferiment lejn jew mit-territorju tal-Istati Membri, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi ekonomiċi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Poplolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

145    Fil-fatt, fid-dawl tal-iskop, tan-natura u tas-suġġett stess tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-kriterju “jistgħu jikkontribwixxu” għandu jiġi interpretat kif previst mill-kriterji ta’ iskrizzjoni u l-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati bħala li jkopri lill-persuni u lill-entitajiet li l-attivitajiet tagħhom, anki jekk ma għandhom, bħala tali, l-ebda rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dan il-għan fir-rigward tal-istatus tagħhom fir-reġim inkwistjoni.

146    Issa, kif jirriżulta mill-punti 130 sa 137 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, il-KNIC tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija u l-profittabbiltà globali tagħha taqbeż EUR 80 miljun fis-sena. Għaldaqstant, hija ma taqax, fi kwalunkwe każ, taħt il-kategorija ta’ persuni taxxabbli ordinarji li tirreferi għaliha.

147    Barra minn hekk, l-argumenti tal-KNIC ibbażati fuq is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2016, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, C‑358/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:338), u tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678), u li jsostnu li r-riferiment għal “kontribuzzjoni” għall-programmi tal-armi koperta mill-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni għandu jiġi interpretata bħala li jeħtieġ jew pagament dirett jew pagamenti ta’ importanza tali li, mingħajrhom, il-programm tal-armi jkun affettwat materjalment ma jistgħux jikkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet.

148    Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni kif proposta f’dan il-każ tibqa’ preċiżament konformi mal-indikazzjonijiet fil-qasam ta’ interpretazzjoni mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128). Għalhekk, ġie deċiż li regolament li jipprevedi miżuri restrittivi għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, prevista fl-Artikolu 215(2) TFUE, iżda wkoll fil-kuntest storiku li jagħmlu parti minnu d-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni u li jagħmel parti minnhom dan ir-regolament. L-istess japplika għal deċiżjoni adottata fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li tagħmel parti minnu (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 78).

149    Issa, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 92 iktar ’il fuq, il-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea ġew stabbiliti b’reazzjoni għal diversi testijiet nukleari li għamlet ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, li ġew ikkundannati permezz tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU u meqjusa bħala theddida serja għal għan importanti tal-Unjoni, jiġifieri ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

150    F’dan il-kuntest, jekk, kif issostni l-KNIC, il-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu jirrigwardaw biss l-entitajiet jew il-persuni li għandhom rabta diretta mal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari u li jikkontribwixxu direttament għal dawn l-attivitajiet, u mhux ukoll l-entitajiet u persuni “li jistgħu jikkontribwixxu” għall-imsemmija attivitajiet, il-kisba tal-għanijiet imfittxija mill-Kunsill tista’ għalhekk ma tirnexxix, peress li jista’ faċilment jiġi pprovdut appoġġ, b’mod partikolari finanzjarju, lill-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari permezz ta’ entitajiet jew persuni oħra b’rabta indiretta ma’ dawn l-attivitajiet.

151    Minn dan isegwi li l-Kunsill seta’ jqis b’mod leġittimu li l-formulazzjoni tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni u l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-KNIC kienu ta’ natura li jikkontribwixxu biex issir pressjoni fuq ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq, li tista’ ttemm l-attivitajiet tal-proliferazzjoni nukleari jew il-mitigazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punti 147 u 148).

152    Min-naħa l-oħra, sa fejn il-KNIC tinvoka l-insuffiċjenza tal-provi u tikkontesta l-fatt li d-dħul li hija tiġġenera jikkontribwixxi għall-attivitajiet tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni, il-Kunsill ma huwiex obbligat jipproduċi l-provi li jistabbilixxu li r-riżorsi ta’ entità kkonċernata kienu ntużaw direttament għall-finijiet tal-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari, iżda huwa għandu jsostni d-deċiżjoni tiegħu bl-iktar mod plawżibbli possibbli permezz ta’ sensiela ta’ provi li skont dawn, dawn ir-riżorsi jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punt 53).

153    Interpretazzjoni differenti tkun f’kontradizzjoni mhux biss mal-formulazzjoni tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni, iżda fuq kollox mas-suġġett u l-iskop tas-sistema ta’ miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni fl-Istati terzi, il-ġbir tal-provi tal-kontribuzzjoni tanġibbli għall-attivitajiet nukleari f’dan l-Istat huwa, tal-inqas, eċċessivament diffiċli.

154    F’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-KNIC ammettiet li hija ħallset it-taxxi ordinarji lill-Istat Nord Korean mingħajr ma għaldaqstant ippreċiżat l-ammont.

155    Sussegwentement, għandu jitfakkar li mill-elementi ta’ analiżi li jidhru fil-punti 112 sa 114, 120 sa 121 u 130 sa 137 iktar ’il fuq jirriżulta li l-KNIC hija impriża li tiġġenera profitt, f’sitwazzjoni ta’ monopolju fis-suq tal-assigurazzjoni, li tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija.

156    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-elementi ta’ analiżi li jidhru fil-punti 110 sa 118 iktar ’il fuq, il-KNIC hija entità statali, proprjetà tal-Istat tal-Korea ta’ Fuq.

157    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li l-KNIC hija entità statali donnu tindika li d-dħul f’munita barranija ġġenerat minnha jista’ jikkontribwixxi għall-programm statali ta’ proliferazzjoni nukleari, sa fejn l-Istat Nord Korean jista’ jiddeċiedi kif jintuża d-dħul iġġenerat mill-KNIC. Għaldaqstant, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma wettqu l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta qiesu li d-dħul iġġenerat mill-KNIC jista’ jikkontribwixxi għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

158    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit b’kull probabbiltà li l-KNIC hija impriża pubblika li tappartjeni lill-Istat u li tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija li jista’ jikkontribwixxi għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma wettqu ebda żball ta’ evalwazzjoni meta indikaw, fil-motivi relatati mal-KNIC, li din tal-aħħar hija impriża pubblika li tappartjeni lill-Istat u li tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija li jista’ jikkontribwixxi għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

160    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta bejn il-KNIC u d-Diviżjoni 39, li l-KNIC tikkontesta, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali, li fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni jew prova fir-rigward tan-natura u tal-eżistenza ta’ din ir-rabta, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ssostanzjawx biżżejjed dan l-element tal-motivi.

161    Madankollu, il-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma ssostanzjawx biżżejjed dan l-element tal-motivi kontenzjużi quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax iqajjem dubju dwar il-legalità tal-imsemmija motivi. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm, tal-inqas, wieħed mill-motivi msemmija fl-espożizzjoni tal-motivi pprovduta huwa biżżejjed preċiż u konkret, huwa sostnut u jikkostitwixxi fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex isostni dan l-att, iċ-ċirkustanza li motivi oħrajn ma jkunux l-istess ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-imsemmi att (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑127/09 RENV, EU:T:2015:4, punt‑68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Issa, f’dan il-każ, il-konstatazzjoni li l-KNIC hija impriża pubblika li tappartjeni lill-Istat, li tiġġenera dħul sostanzjali f’munita barranija li jista’ jikkontribwixxi għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari, tikkostitwixxi fiha nnifisha bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-iskrizzjoni tal-isem tal-KNIC fil-listi kontenzjużi.

163    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data

164    Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-KNIC issostni li l-Kunsill u l-Kummissjoni huma obbligati, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), li jiżguraw li kwalunkwe data personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u legali, li tkun eżatta u aġġornata u, fin-nuqqas ta’ dan, tiġi mħassra jew irrettifikata. Fir-rigward tal-Artikoli 14 u 16 tal-imsemmi regolament, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt għar-rettifika ta’ data mhux eżatta mingħajr dewmien u għat-tħassir tagħha jekk l-ipproċessar tagħha jkun illegali.

165    Issa, skont il-KNIC, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppubblikaw data mhux eżatta f’din il-kawża, li timplika li hija involuta f’attività illegali marbuta mal-iżvilupp illegali tal-armi ta’ qerda tal-massa, bi ksur ta’ dawn l-artikoli. Din il-pubblikazzjoni għandha impatt serju fuq il-KNIC. L-effett negattiv fuq ir-reputazzjoni tagħha huwa, jew għandu jkun, evidenti. Il-fatt li jsiru allegazzjonijiet infondati ta’ aġir ħażin serju ta’ dan it-tip jista’ jkollu wkoll konsegwenzi prattiċi.

166    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-KNIC billi jenfasizzaw li dawn ma jistgħux jippreġudikaw il-legalità tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849.

167    Permezz ta’ dan il-motiv, il-KNIC essenzjalment takkuża lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi ksur tal-Artikoli 4, 10, 14 u 16 tar-Regolament Nru 45/2001.

168    Għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li llimitat ruħha li telenka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 kif ukoll siltiet minn opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-KNIC issostni globalment li l-Kunsill u l-Kummissjoni ppubblikaw data mhux eżatta u li timplika l-parteċipazzjoni tal-KNIC f’attivitajiet illegali.

169    Skont il-KNIC, sakemm il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jistabbilixxux li l-iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni hija fondata, l-iskrizzjoni tagħha twassal għal ksur tal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data.

170    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fir-rigward tal-eżami tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, il-motivi relatati mal-KNIC ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ evalwazzjoni u li, għalhekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ppubblikawx data mhux eżatta u li timplika l-parteċipazzjoni tal-KNIC f’attivitajiet illegali.

171    Għaldaqstant, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

172    Fi kwalunkwe każ, dan il-motiv huwa ineffettiv.

173    Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu pproċessaw data personali dwar il-KNIC b’mod mhux konformi mar-Regolament Nru 45/2001, din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal għall-annullament tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849. Min-naħa l-oħra, kieku l-KNIC kienet fil-pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ tali pproċessar, hija tista’ tinvoka l-ksur ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 140, u tat-22 ta’ Novembru 2017, HD vs Il‑Parlament, T‑652/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:828, punti 33 u 34).

174    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-limitazzjoni sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali

175    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, il-KNIC tinvoka limitazzjoni sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Hija tfakkar li d-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tar-reputazzjoni tagħha huma mħarsa mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Il-KNIC f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

176    Skont il-KNIC, it-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849 jirrestrinġu bil-kbir il-kapaċità tagħha li tamministra l-beni tagħha. Kif turi x-xhieda ta’ Paek Ju Hyok, l-effett prattiku ta’ dawn l-atti huwa li t-terzi joqogħdu lura milli jagħmlu negozju mal-KNIC. Dan ikollu l-konsegwenza li din ma tkunx tista’ tibqa’ tissottoskrivi kopertura ta’ riassigurazzjoni, tirkupra d-djun dovuti mingħand l-imsieħba barranin tagħha, ikollha aċċess għall-assi internazzjonali tagħha jew twettaq attivitajiet mal-imsieħba internazzjonali tagħha.

177    Id-dannu kkawżat mit-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849 huwa, f’kull rigward, totalment sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet tagħhom, sa fejn il-KNIC ma tiġġenera ebda dħul għar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea. Għalhekk, la huwa xieraq u lanqas neċessarju li jiġu ffriżati l-assi tal-KNIC sabiex jiġi segwit l-għan li r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea tiġi prekluża milli tiżviluppa l-programmi tagħha ta’ proliferazzjoni nukleari.

178    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

179    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, il-KNIC tinvoka, essenzjalment, il-limitazzjoni sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà tagħha u tal-libertà ta’ intrapriża tagħha. Peress li r-riferiment għall-ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma ġie ssostanzjat b’ebda argument, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.

180    Fl-ewwel lok, fl-ipoteżi fejn, permezz ta’ dan l-argument ġenerali ħafna, il-KNIC tikkontesta l-proporzjonalità tal-kriterji ta’ iskrizzjoni billi tallega li l-iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni u d-dannu kkawżat mit-tieni atti kkontestati u mid-Deċiżjoni 2016/849 huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet ta’ dawn l-atti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-KNIC ma qajmet ebda eċċezzjoni ta’ illegalità, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, fir-rigward tal-kriterji ta’ iskrizzjoni u tal-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati.

181    Issa, il-KNIC ma tistax tikkontesta l-proporzjonalità tal-kriterji ta’ iskrizzjoni mingħajr ma tinvoka l-illegalità tagħhom permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2013, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑492/10, EU:T:2013:80, punti 58 u 59, u tal-20 ta’ Marzu 2013, Bank Saderat vs Il‑Kunsill, T‑495/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:142, punti 53 sa 59).

182    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti invokati mill-KNIC fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tal-imsemmija kriterji ta’ iskrizzjoni. Fil-fatt, dawn l-argumenti huma bbażati fuq ċirkustanzi partikolari tal-KNIC, sa fejn ġew ifformulati b’riferiment għas-sitwazzjoni konkreta tagħha u huma bbażati fuq id-dannu allegat ikkawżat mill-iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni u mhux fuq l-assenza ta’ proporzjonalità tal-imsemmija kriterji bħala tali.

183    Fit-tieni lok, il-KNIC tibbaża l-argument tagħha bbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha fuq il-premessa li hija ma tiġġenera ebda dħul għar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea. Minn dan hija tiddeduċi li ma jistax ikun xieraq u neċessarju li jiġu ffriżati l-assi tagħha sabiex ikun segwit l-għan li r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea tiġi prekluża milli tiżviluppa programmi ta’ proliferazzjoni nukleari.

184    Issa, hekk kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-motivi relatati mal-KNIC ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

185    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

186    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-rikors tal-KNIC fil-Kawża T‑264/16 jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-rikors fil-Kawża T533/15

 Fuq ir-rikors tar-rikorrenti fil-Kawża T533/15 f’dak li jirrigwarda l-ewwel atti kkontestati

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

187    Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 isostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jesponu r-raġunijiet ċari, univokali u speċifiċi li jippermettu l-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi kkonċernati.

188    Skont ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 l-ewwel atti kkontestati ma jindikawx liema element preċiż tal-kriterji ta’ iskrizzjoni li jinsab fl-ewwel atti kkontestati huwa invokat fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom. Barra minn hekk, Kang Song-Sam isostni li, peress li jindikaw persuna li ma teżistix, jiġifieri Kang Song-Nam, l-ewwel atti kkontestati jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni.

189    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jikkontestaw il-konstatazzjoni li huma kienu aġixxew “f’isem il-KNIC”. Fil-fatt, tqum il-kwistjoni dwar jekk din l-espressjoni tirreferix għal entità eżistenti bħall-KNIC ZD jew għall-KNIC. Issa, f’din l-aħħar ipoteżi, din hija entità mhux deżinjata li ma tistax tkun rilevanti fir-rigward tal-ewwel kriterji ta’ iskrizzjoni. Għall-kuntrarju, għalkemm din l-espressjoni tirreferi għall-entità ineżistenti, jiġifieri l-“KNIC GmbH”, dan huwa aġir f’isem entità li ma teżistix. Barra minn hekk, l-ismijiet ta’ Sin Kyu-Nam u Pak Chun-San huma inklużi fil-listi kkkonċernati, b’mod żbaljat, abbażi tal-fatt li huma “ex” rappreżentanti plenipotenzjarji awtorizzati tal-KNIC GmbH.

190    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15.

191    Il-Kunsill itenni li l-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 tevoka l-fatt li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD u jaġixxu f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li huwa suffiċjenti għall-Kunsill u għall-Kummissjoni li jispjegaw il-funzjoni li permezz tagħha, bħala rappreżentanti tal-KNIC ZD, dawn il-persuni kienu aġixxew f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

192    Kif tfakkar qabel, għalkemm il-motivazzjoni mitluba fl-Artikoli 296 TFUE għandha tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha, tali motivazzjoni għandha, madankollu, tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn is-suffiċjenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jiġi mmotivat b’mod suffiċjenti meta jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din il-persuna tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 1 sa 12 tad-Deċiżjoni 2013/183 ifakkru l-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni politika li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew adottati fiha. Barra minn hekk, mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 329/2007 jirriżulta li, fid-dawl tat-test nukleari mwettaq fit-9 ta’ Ottubru 2006, il-KSNU ddetermina li kienet teżisti theddida ċara għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Dawn l-atti, li l-ewwel atti kkontestati għandhom l-għan li jemendaw u li għalhekk jaqgħu taħt kuntest magħruf mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, jindikaw għaldaqstant is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u l-għanijiet ġenerali li jipproponu li jilħqu.

194    L-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 huma esposti fil-punt 16 iktar ’il fuq.

195    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jikkritikaw lill-Kummissjoni talli tissostitwixxi taċitament ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-ewwel atti kkontestati sabiex tittratta l-motivi invokati fir-rigward tal-KNIC GmbH bħallikieku kienu ġew invokati fir-rigward tas-sede tal-KNIC. Huma jenfasizzaw li huma obbligati jaqtgħu xi jfissru l-motivi invokati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill insostenn tal-indikazzjoni tagħhom u fuq liema bażi qiegħed jiġi allegat li dawn il-motivi jissodisfaw il-kriterji ta’ iskrizzjoni.

196    Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel motivi huma vvizzjati b’ċertu grad ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni sa fejn isemmu l-entità “KNIC GmbH” bħala l-entità li magħha r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 kienu mistennija li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Issa, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, meta tissemma l-entità “KNIC GmbH” dan huwa żball fid-denominazzjoni tal-entità li l-Kunsill xtaq jindika, jiġifieri l-KNIC ZD, fergħa tal-KNIC li topera f’Hamburg, il-Ġermanja. Ir-riferiment għall-“KNIC GmbH” għandu għaldaqstant jitqies li jirreferi għall-KNIC ZD.

197    Madankollu, l-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ippermettulhom jifhmu li l-Kunsill, sabiex jiġġustifika l-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni, ibbaża ruħu fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD. Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-entità msejħa KNIC GmbH ma teżistix. It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li r-riferiment “KNIC GmbH” kien akkumpanjat minn riferiment għal Hamburg jew għall-indirizz tal-entità “KNIC GmbH” f’Hamburg li kien jikkorrispondi mal-istess indirizz tal-KNIC ZD. It-tielet nett, fid-dawl tal-funzjonijiet okkupati mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fi ħdan il-KNIC jew fil-fergħa tal-KNIC fil-Ġermanja, dawn ma setgħux jinjoraw li l-KNIC twettaq l-attività ekonomika tagħha fil-Ġermanja permezz tal-fergħa tagħha, jiġifieri l-KNIC ZD. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 setgħu jifhmu, minkejja l-iżball ta’ denominazzjoni, li r-referenza “KNIC GmbH” kienet tikkorrispondi mal-KNIC ZD.

198    F’dak li jirrigwarda lil Kim Il-Su, Choe Chun-Sik, Sin Kyu-Nam, Pak Chun-San u So Tong Myong, kif jirriżulta mix-xhieda tagħhom u mill-argumenti esposti fil-kuntest tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-impreċiżjonijiet tal-ewwel atti kkontestati ma żammewhomx milli jifhmu li kienu ġew indikati minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet fi ħdan il-KNIC fil-Ġermanja u minħabba l-aġir tagħhom f’isem jew taħt id-direzzjoni tal-KNIC.

199    Fir-rigward tal-persuna identifikata mill-ewwel atti kkontestati bħala “Kang Song-Nam”, hekk kif issostni l-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-transliterazzjoni mill-Korean għall-Ingliż spiss twassal għal bosta traduzzjonijiet possibbli u aċċettabbli. Għaldaqstant, dan l-iżball bl-ebda mod ma jimpedixxi lil Kang Song-Sam milli jifhem l-ewwel atti kkontestati li permezz tagħhom il-Kunsill kien indikah minħabba l-funzjonijiet tiegħu, jiġifieri bħala ex rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC ZD, li huwa, barra minn hekk, ikkonfermat kemm permezz tal-preżentata ta’ dan ir-rikors minn Kang Song-Sam, kif ukoll mill-fatt li huwa jibbaża ruħu fuq, fil-kuntest tat-tieni motiv, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

200    L-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jippreċiżaw għal kull rikorrent in-natura tar-relazzjoni li għandu mal-entitajiet iddeżinjati, fejn dawn il-motivi jippermettulhom jifhmu dak li effettivament qed jiġu akkużati bih, b’mod li jkunu f’pożizzjoni li jivverifikaw il-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni u li jikkontestawha bi preċiżjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni hija ta’ natura suffiċjenti.

201    Minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-fondatezza tal-motivi mogħtija mill-Kunsill fl-ewwel atti kkontestati mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tieni motiv.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

202    Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 isostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu manifestament wettqu żball meta kkunsidraw li l-kriterji ta’ iskrizzjoni inizjali kienu ġew issodisfatti fir-rigward tagħhom.

203    Huma jtennu l-argument tagħhom li l-KNIC GmbH ma teżistix. L-aġenzija tal-KNIC fil-Ġermanja hija l-KNIC ZD, li hija fergħa, mhux sussidjarja, tal-KNIC. Minħabba l-ineżistenza tal-KNIC GmbH, il-motivi pprovduti fl-ewwel atti kkontestati ma jistgħux japplikaw fir-rigward tagħhom jew ikunu fondati.

204    Essenzjalment, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 isostnu li ma jirrappreżentawx iktar jew qatt ma rrappreżentaw lil KNIC ZD jew lil KNIC.

205    Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD u jaġixxu f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.Skont il-Kummissjoni, huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni tal-KNIC jew jaqgħu taħt il-kontroll tagħha.

206    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-istħarriġ tal-fondatezza tal-iskrizzjoni tal-isem ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fil-listi annessi mal-ewwel atti kkontestati għandu jsir billi jiġi evalwat jekk is-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom jikkostitwixxux ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija rikorrenti jissodisfaw il-kriterji ġenerali stabbiliti mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni 2013/183, sabiex jiġi ddefinit iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri. Evalwazzjoni bħal din għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li minnu jagħmlu parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207    F’termini ġenerali, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati bil-għan li ssir pressjoni fuq ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, il-kriterji ta’ iskrizzjoni li jinsabu fil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel atti kkontestati kienu jkopru l-involviment dirett fil-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea bbażati fuq il-parteċipazzjoni jew fuq is-sostenn lill-programmi relatati mal-proliferazzjoni nukleari [Artikolu 15(1)(a) tad-Deċiżjoni 2013/183]; ir-responsabbiltà għal dawn il-programmi [Artikolu 15(1)(b)(i) tad-Deċiżjoni 2013/183]; il-provvista tas-servizzi finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea [Artikolu 15(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni 2013/183] u l-provvista ta’ armi [Artikolu 15(1)(b)(iii) tad-Deċiżjoni 2013/183]. Il-leġiżlazzjoni applikabbli kienet tiddefinixxi wkoll, fl-Artikolu 15(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni 2013/183, kriterji ta’ iskrizzjoni li jistgħu jikkostitwixxu l-bażi legali tal-iskrizzjoni tal-entitajiet jew tal-persuni fiżiċi li kienu bbażati fuq ir-rabtiet li saru ma’ persuna jew ma’ entità li tipprovdi servizzi finanzjarji jew li tiżgura t-trasferiment ta’ fondi, assi jew riżorsi ekonomiċi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea.

208    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ persuni li jaġixxu f’isem jew fuq struzzjonijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet fis-sens tal-Artikolu 15(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni 2013/183 u tal-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 329/2007 kif emendat bir-Regolament Nru 696/2013.

209    Għalhekk, f’dan il-każ, hemm lok li tiġi eżaminata l-validità tal-iskrizzjoni tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fid-dawl tar-rabtiet tagħhom mal-entitajiet li f’isimhom huma mistennija li jaġixxu.

210    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, fl-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, il-Kunsill saħaq fuq ir-rabta bejn l-imsemmija rikorrenti u l-KNIC GmbH, kif ukoll fuq ir-rabta bejn dawn ir-rikorrenti u l-KNIC.

211    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-eżerċizzju mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ta’ funzjonijiet differenti fi ħdan il-KNIC GmbH, mill-punti 196 u 197 iktar ’il fuq jirriżulta li l-iżball fid-denominazzjoni tal-entità li l-Kunsill xtaq jindika ma żammhomx milli jagħrfu s-sens u l-portata tal-ewwel motivi. B’hekk, mill-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 mressqa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jirriżulta li r-riferiment għall-“KNIC GmbH” għandu jinftiehem, u ġie mifhum bħala jirreferi għall-KNIC ZD, entità ddeżinjata.

212    Fi kwalunkwe każ, l-iskrizzjoni tal-entità msejħa “KNIC GmbH”, li għandha tinftiehem bħala li tkopri l-attivitajiet imwettqa mill-fergħa tal-KNIC fil-Ġermanja, ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

213    It-tieni nett, fir-rigward tal-aġir f’isem jew fuq l-ordnijiet ta’ KNIC, huwa paċifiku li din l-aħħar entità ma hijiex entità ddeżinjata mill-ewwel atti kkontestati.

214    Madankollu, għandu jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda l-KNIC, l-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ma humiex ibbażati fuq l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet preċiżi, iżda fuq il-fatt li huma “jaġixx[u] f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha”. Fil-fatt, il-Kunsill isostni li l-ewwel motivi huma bbażati fuq il-fatt li r-rikorrenti fil-Kawża T-533/15 jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD u jaġixxu f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li huwa biżżejjed għall-Kunsill u għall-Kummissjoni li jispjegaw il-funzjoni li biha, bħala rappreżentanti tal-KNIC ZD, dawn il-persuni kienu aġixxew f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

215    Issa, mir-reġistru Ġermaniż tal-kumpanniji ppreżentat mill-Kunsill u li jinsab fl-Anness B.4 tar-risposta jirriżulta li l-KNIC ZD hija fergħa tal-KNIC, kumpannija rregolata mid-dritt tal-Korea ta’ Fuq. Hekk kif jirriżulta mix-xhieda ta’ Paek Ju Hyok, Viċi President tal-KNIC li tinsab fl-Anness A.10 tar-rikors, il-KNIC ZD hija uffiċċju rappreżentant tal-KNIC fil-Ġermanja, li għandu l-għan li jistabbilixxi punt ta’ kuntatt għall-kumpanniji ta’ riassigurazzjoni.

216    F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, ir-riferiment għall-KNIC fl-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 għandu jinftiehem bħala li jsaħħaħ l-espożizzjoni tal-motivi li jistabbilixxu r-rabta bejn l-attivitajiet ta’ dawn ir-rikorrenti u l-KNIC fil-kwalità tagħha bħala entità li tikkontrolla l-attivitajiet tal-KNIC ZD fil-Ġermanja. Fi kliem ieħor, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill waqt is-seduta, il-KNIC ZD ġiet iddeżinjata sabiex jiġu inklużi l-attivitajiet imwettqa mill-KNIC fil-Ġermanja permezz tal-fergħa tagħha. Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-formulazzjoni tat-tieni atti kkontestati, li jsemmu speċifikament lill-KNIC u lill-fergħat tagħha.

217    Fi kwalunkwe każ, kif dan ġie kkonfermat mill-partijiet kollha waqt is-seduta, fir-rigward tal-iskop, tan-natura u tas-suġġett stess tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jkun possibbli li jiġi iskritt l-isem ta’ entità jew ta’ persuna fiżika “li taġixxi f’isem jew fuq l-istruzzjonijiet” tal-entitajiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 15(1)(b) tad-Deċiżjoni 2013/183 u tal-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 329/2007 kif emendat bir-Regolament Nru 696/2013, mingħajr ma dawn l-entitajiet ikunu ġew iddeżinjati huma stess.

218    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex isostni l-fatt li persuna tkun ġiet iddeżinjata korrettament bħala li taġixxi “f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tal-KNIC”, il-Kunsill kien obbligat jipproduċi prova tar-rabtiet bejn ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 u l-KNIC jew il-KNIC ZD, skont it-termini tal-ewwel motivi relatati mal-imsemmija rikorrenti.

219    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-provi relatati mar-rabtiet bejn ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 u l-KNIC jew il-KNIC ZD, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

220    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat l-ewwel nett li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 innifishom jikkonfermaw ir-rabtiet tagħhom mal-KNIC ZD u mal-KNIC filwaqt li jenfasizzaw li qatgħu dawn ir-rabtiet qabel l-adozzjoni tal-ewwel atti kkontestati jew minħabba l-adozzjoni tagħhom.

221    F’dak li jirrigwarda lil Kim Il-Su, dan ġie ddeżinjat mill-ewwel atti kkontestati minħabba l-kwalità tiegħu bħala rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat mal-KNIC GmbH, iddeżinjata mill-Unjoni, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

222    Kim Il-Su jenfasizza li ħadem għall-KNIC ZD minn Frar 2009 sa Ġunju 2015. Huwa għadu jaħdem għall-KNIC iżda ma huwiex rappreżentant plenipotenzjarju jew mod ieħor, tal-KNIC ZD, kif tispjega x-xhieda tiegħu.

223    Mill-estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ relatat mal-KNIC ZD li jġib id-data tat-30 ta’ Ġunju 2015 u li jinsab fl-Anness B.4 tar-risposta tal-Kunsill, jirriżulta li Kim Il-Su kien il-persuna awtorizzata biex tirrappreżenta lil KNIC ZD. Huwa nħatar, wara Pak Chun-San, bħala rappreżentant tal-KNIC ZD permezz ta’ ċertifikat tal-KNIC indirizzat lill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) tat-28 ta’ Lulju 2009, mehmuż mal-Anness B.7 għar-risposta tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fix-xhieda tiegħu, mehmuża fl-Anness A.4 tar-rikors, huwa ma jikkontestax li fl-2009 kompla bil-funzjoni ta’ rappreżentant tal-KNIC ZD li qabel kienet okkupata minn Pak Chun-San, iżda, għall-kuntrarju, jikkonferma dan.

224    Fir-rigward tax-xhieda ta’ Kim Il-Su, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex kredibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

225    Issa, għandu jiġi osservat li x-xhieda ta’ Kim Il-Su saret speċifikament għal dan ir-rikors u li l-fatt li ġejja minn persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni jfisser li din ix-xhieda għandha biss valur probatorju dgħajjef. Il-Kunsill u l-Kummissjoni setgħu għalhekk validament jibbażaw ruħhom fuq l-estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ fir-rigward tal-KNIC ZD, tat-30 ta’ Ġunju 2015, u ċ-ċertifikat tal-KNIC indirizzat lill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg), li kienu dokumenti pubbliċi disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel atti kkontestati u jużawhom bħala prova tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet minn Kim Il-Su.

226    Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni ta’ Kim Il-Su li huwa kien temm jeżerċita din il-funzjoni f’Jannar 2015 hija kontradetta mill-estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ tas-16 ta’ Marzu 2016 ippreżentat mill-Kummissjoni, fl-Anness F.1 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ adattament, li minnu jirriżulta li s-Sur Kim Il-Su kien jidher f’dan l-estratt bħala l-persuna awtorizzata biex tirrappreżenta l-KNIC ZD.

227    Il-motivi għall-iskrizzjoni tiegħu għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

228    Rigward is-sitwazzjoni ta’ Kang Song-Sam, ġie indikat mill-ewwel atti kkontestati minħabba l-kwalità tiegħu bħala rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC GmbH, entità ddeżinjata mill-Unjoni, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

229    Kang Song-Sam jafferma li għadu jaġixxi bħala rappreżentant tal-KNIC ZD, u mhux ta’ KNIC GmbH, li ma teżistix. L-istatus tiegħu bħala rappreżentant tal-kumpannija ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika l-iskrizzjoni tiegħu fil-lista inkwistjoni.

230    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, kif ukoll permezz tax-xhieda tiegħu, mehmuża fl-Anness A.5 tar-rikors, Kang Song-Sam ma jikkontestax u ma jqajjimx dubju dwar l-affermazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li skonthom kien rappreżentant tal-KNIC, fi ħdan il-fergħa ta’ Hamburg, fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel atti kkontestati. B’hekk, mill-imsemmija xhieda jirriżulta li okkupa din il-pożizzjoni minn Diċembru 2013 u ssostitwixxa lil Sin Kyu-Nam. Jirriżulta wkoll mix-xhieda tiegħu li tinsab fl-Anness E.7 tan-nota ta’ adattament tat-talbiet li kien jokkupa din il-pożizzjoni mal-KNIC ZD f’Hamburg sa Settembru 2015. Il-motivi tal-iskrizzjoni tiegħu għalhekk ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ evalwazzjoni.

231    F’dak li jirrigwarda lil Choe Chun-Sik, huwa ġie ddeżinjat mill-ewwel atti kkontestati minħabba l-kwalità tiegħu bħala rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC GmbH, entità ddeżinjata mill-Unjoni, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

232    Choe Chun-Sik jindika li, f’Jannar 2015, il-KNIC talbitu jsir ir-rappreżentant prinċipali tagħha fil-fergħa ta’ Hamburg, billi jissostitwixxi lir-rappreżentant preċedenti, Kim Il-Su. Madankollu, huwa jsostni li, kif tispjega x-xhieda tiegħu, mehmuża fl-Anness A.6 tar-rikors, huwa qatt ma aġixxa f’din il-kapaċità minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw li joħorġulu l-viża.

233    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Choe Chun-Sik ma jikkontestax li ġie magħżul mill-KNIC biex isir ir-rappreżentant tagħha mal-KNIC ZD fil-Ġermanja. Il-fatt li effettivament kien impossibbli li jassumi l-funzjonijiet tiegħu f’Hamburg minħabba r-rifjut tal-viża ma jfissirx li ma huwiex marbut mal-attivitajiet tal-KNIC ZD jew tal-KNIC u, konsegwentement, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-kwalità tiegħu bħala persuna li taġixxi f’isem il-KNIC u taħt id-direzzjoni tagħha fil-kuntest tal-ġenerazzjoni ta’ munita barranija mill-KNIC.

234    Fil-fatt, minn naħa, hekk kif Choe Chun-Sik jindika huwa stess, huwa jokkupa l-pożizzjoni ta’ direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC fi Pjongjang, li hija attività mmexxija mill-KNIC fl-Ewropa u li permezz tagħha hija tiġbor munita barranija.

235    Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 215 iktar ’il fuq, mix-xhieda ta’ Paek Ju Hyok, Viċi President tal-KNIC li tidher fl-Anness A.10 tar-rikors, jirriżulta li l-KNIC ZD kienet uffiċċju ta’ rappreżentazzjoni tal-KNIC fil-Ġermanja, li kellu l-għan li jistabbilixxi punt ta’ kuntatt għall-kumpanniji ta’ riassigurazzjoni.

236    Barra minn hekk, jirriżulta, minn naħa, mill-punt 216 iktar ’il fuq li l-KNIC hija l-entità li tmexxi u tikkontrolla l-attivitajiet tal-KNIC ZD fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali u b’mod partikolari, mix-xhieda ta’ Kim Il-Su li tidher fl-Anness A 4 tar-rikors li l-fergħa tal-KNIC fil-Ġermanja kienet punt ta’ kuntatt bejn il-KNIC, il-kumpanniji ta’ riassigurazzjoni u s-sensara Ewropej, li hija ma setgħetx tiffirma kuntratti, toħroġ jew tirċievi ħlasijiet u li ma kellhiex kont bankarju. Konsegwentement, il-persuni li jkollhom funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan id-dipartiment ta’ riassigurazzjoni ta’ KNIC jistgħu jitqiesu bħala involuti fil-ġenerazzjoni tal-munita barranija msemmija fil-motivi kontenzjużi fir-rigward tal-KNIC ZD u tal-KNIC.

237    Il-motivi tal-iskrizzjoni ta’ Choe Chun-Sik f’dak li jikkonċerna l-aġir “f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tal-KNIC” għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

238    F’dak li jirrigwarda Sin Kyu-Nam, huwa ġie ddeżinjat mill-ewwel atti kkontestati minħabba l-kwalità tiegħu bħala kap tas-servizzi fis-sede tal-KNIC fi Pjongjang u bħala ex mandatarju plenipotenzjarju tal-KNIC GmbH f’Hamburg. Huwa aġixxa f’isem tal-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

239    Sin Kyu-Nam jindika li, kif tispjega x-xhieda tiegħu, mehmuża bħala Anness A.7 tar-rikors, huwa okkupa l-kariga ta’ rappreżentant mal-fergħa tal-NIC f’Hamburg minn Ġunju 2008 sa Novembru 2013. Huwa għadu jaħdem għall-KNIC iżda ma huwiex rappreżentant tal-KNIC ZD. Bl-istess mod, ma huwiex “[k]ap tad-dipartiment tal-kwartieri ġenerali ta’ KNIC fi Pyongyang ”, peress li l-kap tad-dipartiment huwa d-direttur ġenerali, filwaqt li r-rikorrent huwa biss direttur fi ħdan l-imsemmi dipartiment.

240    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Sin Kyu-Nam ma jikkontestax li okkupa l-kariga ta’ rappreżentant mal-fergħa tal-KNIC f’Hamburg minn Ġunju 2008 sa Novembru 2013.

241    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li waqaf jeżerċita l-funzjoni ta’ rappreżentant tal-KNIC f’Hamburg ma jfissirx li ma huwiex marbut mal-attivitajiet tal-KNIC ZD jew tal-KNIC.

242    L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-Anness 5 tal-ittra tal-21 ta’ Lulju 2016 li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, Sin Kyu-Nam jagħraf u jikkonferma li huwa mhux biss eżerċita funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD, iżda wkoll sussegwentement eżerċita l-funzjoni ta’ direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC. Il-veraċità tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni ma tistax tiġi kkontestata.

243    It-tieni nett, Sin Kyu-Nam jindika li jokkupa l-funzjoni ta’ direttur fid-dipartiment tar-riassigurazzjoni tal-KNIC, fejn ir-riassigurazzjoni hija attività mwettqa mill-KNIC fl-Ewropa.

244    It-tielet nett, hekk kif jirriżulta mill-punti 235 u 236 iktar ’il fuq, il-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet fi ħdan il-KNIC jistgħu jitqiesu bħala involuti fil-ġenerazzjoni tal-munita barranija msemmija fil-motivi kontenzjużi fir-rigward tal-KNIC ZD u tal-KNIC.

245    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-motivi għall-iskrizzjoni ta’ Sin Kyu-Nam għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

246    F’dak li jirrigwarda Pak Chun-San, huwa ġie ddeżinjat mill-ewwel atti kkontestati minħabba l-kwalità tiegħu bħala kap tad-dipartiment fis-sede tal-KNIC fi Pjongjang u bħala ex rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC GmbH, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

247    Pak Chun-San isostni li ħadem għall-KNIC ZD minn Settembru 2005 sa Jannar 2009. Huwa għadu jaħdem għall-KNIC iżda ma huwiex rappreżentant tal-KNIC ZD. Barra minn hekk, ma huwiex “[k]ap tad-dipartiment tal-kwartieri ġenerali ta’ KNIC fi Pyongyang”, peress li l-kap tad-dipartiment huwa d-direttur ġenerali, filwaqt li r-rikorrent huwa biss direttur fi ħdan l-imsemmi dipartiment.

248    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li mid-delega ta’ poteri tat-8 ta’ Awwissu 2006, li tidher fl-Anness B.6 tar-risposta tal-Kummissjoni, jirriżulta li Pak Chun-San inħatar bħala rappreżentant kap awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg. Jirriżulta wkoll mid-dokumenti li jidhru fl-Anness B.8 tar-risposta tal-Kummissjoni li Pak Chun-San irċieva d-delega ta’ poteri ta’ rappreżentazzjoni tal-KNIC ZD u li l-firma tiegħu ġiet awtentikata b’att notarili tal-11 ta’ Lulju 2008 f’Hamburg. Barra minn hekk, fix-xhieda tiegħu tal-10 ta’ Settembru 2015, mehmuża bħala Anness A.8 tar-rikors, huwa ma jikkontestax li kien ir-rappreżentant prinċipali tal-KNIC ZD u tal-KNIC innifisha fil-Ġermanja minn Settembru 2005 sa Jannar 2009. F’din ix-xhieda tal-2015, huwa jsostni wkoll li, wara li rritorna mill-Ġermanja, fejn kien jaħdem bħala rappreżentant tal-“KNIC Ġermanja”, huwa okkupa kariga ta’ ġestjoni importanti fil-KNIC fi Pjongjang. F’dikjarazzjoni sussegwenti, huwa jafferma li rtira kmieni f’Diċembru 2015, madankollu mingħajr ma jissostanzja d-dikjarazzjonijiet tiegħu bi kwalunkwe prova dokumentata.

249    Fl-aħħar nett, il-fatt li kien waqaf jeżerċita l-funzjoni bħala rappreżentant tal-KNIC f’Hamburg ma jfissirx li ma huwiex marbut mal-attivitajiet tal-KNIC ZD jew tal-KNIC.

250    L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-Anness A8 tar-rikors, Pak Chun-San jagħraf u jikkonferma li huwa mhux biss eżerċita funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD, iżda wkoll li sussegwentement kien okkupa pożizzjoni ta’ ġestjoni importanti fi ħdan il-KNIC fi Pjongjang. Il-veraċità tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni ma tistax tiġi kkontestata.

251    It-tieni nett, Pak Chun-San indika fl-Anness 4 tal-ittra tal-21 ta’ Lulju 2016 li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali li kellu funzjonijiet fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni ta’ KNIC, fejn ir-riassigurazzjoni hija attività mwettqa mill-KNIC fl-Ewropa.

252    It-tielet nett, hekk kif jirriżulta mill-punti 235 u 236 iktar ’il fuq, il-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet fi ħdan il-KNIC jistgħu jitqiesu bħala involuti fil-ġenerazzjoni tal-munita barranija msemmija fil-motivi kontenzjużi fir-rigward tal-KNIC ZD u tal-KNIC.

253    Il-motivi tal-iskrizzjoni ta’ Pak Chun-San għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

254    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda So Tong Myong, dan ġie ddeżinjat mill-ewwel atti kkontestati minħabba l-kwalità tiegħu bħala direttur ġenerali tal-KNIC GmbH, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

255    So Tong Myong jallega li telaq mill-KNIC fl-2014 u ma għad għandu ebda relazzjoni ma’ din il-kumpannija. Huwa qatt ma aġixxa bħala direttur ġenerali tal-KNIC ZD. L-allegazzjoni li huwa “direttur maniġerjali ta’ KNIC [ZD] (Hamburg), li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha”, ma hijiex eżatta.

256    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi ddikjarat, fuq il-bażi tad-dokumenti prodotti lill-Qorti Ġenerali, li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u Mejju 2012, So Tong Myong issemma f’diversi dokumenti bħala President Direttur tal-KNIC. Dan il-fatt, mhux ikkontestat mill-persuna kkonċernata, huwa, barra minn hekk, ikkorroborat mix-xhieda tiegħu, mehmuża bħala Anness A.9 tar-rikors, li fiha huwa jippreċiża li l-mandat tiegħu bħala President tal-KNIC dam mill-2007 sa Ottubru 2014.

257    Barra minn hekk, l-affermazzjoni ta’ So Tong Myong li huwa telaq mill-KNIC fl-2014 huwa kkontradett mill-estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ tal-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg) tas-16 ta’ Marzu 2016 li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni, li minnu jirriżulta li l-persuna kkonċernata kienet għadha President tal-KNIC f’dik id-data. Il-kontestazzjonijiet tal-valur probatorju tal-estratt tar-reġistru ma jistgħux jintlaqgħu sa fejn So Tong Myong ma ppreżenta ebda prova ħlief ix-xhieda tiegħu stess.

258    Issa, kif tfakkar iktar ’il fuq, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex kredibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu, u għandu jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Għandu jiġi osservat li x-xhieda ta’ So Tong Myong saret speċifikament għal dan ir-rikors u li, peress li ġejja minn persuna suġġetta għal miżuri restrittivi inkwistjoni, din ix-xhieda għandha biss valur probatorju dgħajjef.

260    Dan huwa partikolarment il-każ meta xhieda tkun kontradetta minn dokument pubbliku, ippreżentat mill-Kummissjoni, bħall-estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ ta’ Hamburg.

261    Il-motivi għall-iskrizzjoni ta’ So Tong Myong għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

262    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rabtiet, l-eżerċizzju tal-funzjonijiet u l-aġir inkwistjoni, kif jirriżultaw mill-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, ġew murija b’mod suffiċjenti fid-dritt u ma ġewx ikkontradetti b’mod iddettaljat mill-imsemmija rikorrenti.

263    Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tad-data

264    Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jinvokaw, essenzjalment, il-ksur tal-Artikoli 4, 10, 14 u 16 tar-Regolament Nru 45/2001.

265    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li jillimitaw ruħhom li jelenkaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 kif ukoll siltiet minn opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jallegaw essenzjalment li l-Kunsill u l-Kummissjoni ppubblikaw data mhux eżatta. B’hekk il-Kunsill u l-Kummissjoni taw x’jinftiehem li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ipparteċipaw f’attivitajiet illegali marbuta mal-iżvilupp illegali ta’ armi ta’ qerda tal-massa.

266    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-eżami tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, l-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ evalwazzjoni u li, konsegwentement, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ppubblikawx data mhux eżatta u li tagħti wieħed x’jifhem li r-rikorrenti jipparteċipaw f’attivitajiet illegali.

267    Għaldaqstant, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

268    Fi kwalunkwe każ, dan il-motiv huwa ineffettiv.

269    Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Kunsill u l-Kummissjoni pproċessaw data personali dwar ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 b’mod mhux konformi mar-Regolament Nru 45/2001, din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal għall-annullament tal-ewwel atti kkontestati. Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 kienu fil-pożizzjoni li jipprovaw l-eżistenza ta’ tali pproċessar, huma jistgħu jinvokaw il-ksur ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 140, u tat-22 ta’ Novembru 2017, HD vs Il‑Parlament, T‑652/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:828, punti 33 u 34).

270    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali

271    Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jinvokaw limitazzjoni sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tar-reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

272    Skont ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni ma sservi l-ebda skop utli, anki jekk kien xieraq li tiġi iskritta KNIC ZD innifisha. Huma la jinkoraġġixxu u lanqas jgħinu lil KNIC ZD tiġġenera dħul. Minbarra Kang Song–Sam, l-imsemmija rikorrenti ma jirrappreżentawx lil KNIC ZD. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din hija manifestament restrizzjoni sproporzjonata tal-libertà tagħhom.

273    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

274    Fl-ewwel lok, fl-ipoteżi fejn, permezz ta’ dan l-argument ġenerali ħafna, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jikkontestaw il-proporzjonalità tal-kriterji ta’ iskrizzjoni billi jallegaw li l-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni u d-dannu kkawżat mill-ewwel atti kkontestati huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet ta’ dawn l-atti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ma invokaw ebda eċċezzjoni ta’ illegalità, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, fir-rigward tal-kriterji ta’ iskrizzjoni.

275    Issa, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ma jistgħux jikkontestaw il-proporzjonalità tal-kriterji ta’ iskrizzjoni mingħajr ma jinvokaw l-illegalità tagħhom permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2013, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑492/10, EU:T:2013:80, punti 58 u 59, u tal-20 ta’ Marzu 2013, Bank Saderat vs Il‑Kunsill, T‑495/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:142, punti 53 sa 59).

276    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti invokati mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jistgħux jikkonfutaw il-legalità tal-kriterji ta’ iskrizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, dawn l-argumenti huma bbażati fuq ċirkustanzi speċifiċi għall-imsemmija rikorrenti, sa fejn huma fformulati b’riferiment għas-sitwazzjoni konkreta tagħhom u huma bbażati fuq id-dannu allegat li l-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni kienet ikkawżat u mhux fuq l-assenza ta’ proporzjonalità tal-imsemmija kriterji bħala tali.

277    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li KNIC ZD ma tiġġenera ebda dħul għar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li la jinkoraġġixxu u lanqas ma jgħinu lil KNIC ZD tiġġenera dħul. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-eżami tat-tieni motiv fil-kuntest tar-rikors preżenti jirriżulta li l-ewwel motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jirriżultaw mill-fatt li huma aġixxew f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ KNIC u, għaldaqstant, ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

278    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-rikors tar-rikorrenti fil-Kawża T533/15 sa fejn jikkonċerna t-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849

279    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju u fit-3 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 adattaw ir-rikors sabiex jinkludi wkoll l-annullament tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849, sa fejn dawn jikkonċernawhom.

280    Meta adattaw ir-rikors sabiex jinkludi t-tieni atti kkontestati, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 żammew l-erba’ motivi invokati kontra l-ewwel atti kkontestati, filwaqt li żiedu xi argumenti addizzjonali b’mod partikolari dwar il-fatt li l-Kunsill kien, fit-tieni atti kkontestati, emenda parzjalment il-motivi li fuqhom kienet ibbażata l-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni. Meta adattaw ir-rikors sabiex jinkludi wkoll id-Deċiżjoni 2016/849, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 żammew l-erba’ motivi li kienu invokaw qabel, mingħajr madankollu ma ressqu argumenti addizzjonali.

281    Għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni atti kkontestati, ir-riferimenti u l-motivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ġew xi ftit emendati mingħajr ma nbidlu l-kriterji ta’ iskrizzjoni applikabbli. Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2016/849, f’dak li jirrigwarda l-kriterji ta’ iskrizzjoni tal-persuni fiżiċi, għandu jiġi osservat li dawn ġew xi ftit emendati, mingħajr ma dawn l-emendi fil-formulazzjoni jistgħu, madankollu, jaffettwaw is-sustanza tal-analiżi. Barra minn hekk, il-motivi ta’ iskrizzjoni adottati fid-Deċiżjoni 2016/849 fir-rigward tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 huma essenzjalment identiċi għal dawk adottati fit-tieni atti kkontestati.

282    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tad-differenzi żgħar bejn il-motivi kontenzjużi, għandu jiġi eżaminat konġuntament ir-rikors sa fejn huwa ppreżentat kontra t-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849.

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

283    Fid-dawl tal-bidliet magħmula fil-motivi kontra r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, dawn tal-aħħar isostnu li t-tneħħija tal-isem tal-KNIC GmbH mil-listi inkwistjoni u l-emenda tal-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isimhom fit-tieni atti kkontestati jikkostitwixxu rikonoxximent taċitu mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li d-deżinjazzjoni tal-KNIC GmbH kienet żbaljata u li l-motivi indikati sabiex jiġi ġġustifikata d-deżinjazzjoni tal-persuni relatati mal-ewwel atti kkontestati ma kinux xierqa. Skont ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, minkejja l-emenda tal-motivi, dawn tal-aħħar għadhom vagi.

284    Skont ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, it-tieni atti kkontestati ma jinkludu l-ebda informazzjoni li tippermettilhom jifhmu fuq liema bażi huwa allegat li jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tal-KNIC fil-ġenerazzjoni ta’ dħul sostanzjali f’munita barranija li jista’ jikkontribwixxi għal programmi ta’ armi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea.

285    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

286    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u t-tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 u li jinsabu fit-tieni atti kkontestati u fid-Deċiżjoni 2016/846 jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligu ta’ motivazzjoni kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra preċedentement.

287    It-tieni u t-tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, filwaqt li jissodisfaw il-kriterji ta’ iskrizzjoni u l-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati, jidentifikaw b’mod ċar u li jinftiehem il-funzjonijiet tal-imsemmija persuni mal-KNIC ZD jew mal-KNIC kif ukoll l-aġir mal-KNIC li huma akkużati bih.

288    Barra minn hekk, la t-tieni u lanqas it-tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ma jinkludu riferiment żbaljat għall-KNIC GmbH. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 li jirreferu kemm għall-iskrizzjoni tal-KNIC GmbH kif ukoll għall-problema tan-natura tal-motivi relatati mal-KNIC huma ineffettivi. Fl-aħħar nett, l-isem ta’ Kang Song-Sam huwa miktub korrettament, kuntrarjament għal dak li huwa jallega.

289    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-qari tal-motivi li jidhru fit-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849 ippermetta lir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 li jifhmu li isimhom inżammu fil-listi inkwistjoni minħabba l-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-KNIC, li huwa kkonfermat bil-fatt li, fil-kuntest tat-tieni motiv, huma jikkontestaw preċiżament il-fondatezza tar-raġunament segwit mill-Kunsill f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, peress li r-raġunijiet tal-għażla tal-Kunsill ġew indikati b’mod ċar fit-tieni atti kkontestati u fid-Deċiżjoni 2016/849, il-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tagħhom.

290    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

291    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 isostnu li l-motivi pprovduti fit-tieni atti kkontestati ma humiex suffiċjenti sabiex isimhom jiġi iskritt fil-listi inkwistjoni. B’mod partikolari, So Tong Myong kien telaq mill-KNIC fl-2014 u ma kien għandu l-ebda relazzjoni ma’ din il-kumpannija. L-allegazzjoni li huwa “President” tal-KNIC hija żbaljata. Għalkemm l-intenzjoni kienet li jiġi indikat abbażi ta’ rwol preċedenti, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jispjega kif din id-deżinjazzjoni għadha xierqa u ġustifikata.

292    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti fil-Kawża T-533/15, il-motivi invokati fil-konfront tagħhom huma limitati għall-konstatazzjoni li dawn il-persuni jaħdmu għall-KNIC, ħlief fir-rigward ta’ So Tong Myong. Issa, dan ma huwiex suffiċjenti fir-rigward tal-Artikolu 13(1)(b) jew tal-Artikolu 15(1)(b) tad-Deċiżjoni 2013/183. Kien il-Kunsill li kellu jipprova permezz ta’ provi ċari u preċiżi li kull waħda minn dawn il-persuni kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza lil KNIC fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha, li mmotiva l-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni.

293    Bi tweġiba għall-argumenti li So Tong Myong u Pak Chun-San kienu rtiraw u ma jeżerċitaw ebda funzjoni oħra fi ħdan il-KNIC, tal-ewwel saħansitra qabel ma ġew adottati l-ewwel atti kkontestati u t-tieni wara dawn l-atti, il-Kunsill josserva li dawn l-argumenti huma kontradetti mill-informazzjoni li kien iżomm fir-rigward tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 u li ġiet ikkomunikata lilhom (ara l-Annessi B.1, B.2, B.3 u B.4 tar-risposta). Barra minn hekk, skont il-Kunsill, il-fatt biss li dawn il-persuni jallegaw li rtiraw ma jfissirx li dan huwa effettivament il-każ. Fl-aħħar nett, anki jekk dawn kienu rtiraw formalment, dan ma jfissirx li huma ma jistgħux jaġixxu iktar f’isem il-KNIC, li s-sede tagħha tinsab fil-Korea ta’ Fuq.

294    F’dak li jirrigwarda lil Kim Il-Su, Kang Song-Sam, Choe Chun-Sik u Sin Kyu-Nam, il-Kunsill jenfasizza li, skont l-informazzjoni li wasslet għall-iskrizzjoni tagħhom u li tinsab fl-Annessi B.1, B.2, B.3 u B.4 tar-risposta, l-isem ta’ dawn il-persuni ma ġiex inkluż fil-lista unikament għaliex kienu impjegati mill-KNIC, iżda għaliex huma aġixxew f’isem din l-entità jew taħt id-direzzjoni tagħha.

295    Skont il-Kummissjoni, il-fatt li ċerti individwi, li jkun intwera li okkupaw pożizzjonijiet importanti fi ħdan l-unika kumpannija tal-assigurazzjoni tal-Korea ta’ Fuq, jaffermaw li rtiraw kmieni, jew le, wara s-sanzjonijiet imposti, mingħajr ma jipproduċu l-iċken prova, ma huwiex biżżejjed biex tiġi kontradetta l-ipoteżi li dawn l-individwi jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni tal-KNIC.Il-Kummissjoni tikkontesta l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet relatati mal-irtirar ta’ So Tong Myong u t-tmiem tal-funzjonijiet ta’ Pak Chun-San.

296    Bħala konklużjoni, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 isostnu l-motivi għall-iskrizzjoni tagħhom permezz tax-xhieda tagħhom.

297    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontestazzjonijiet dwar l-insuffiċjenza ta’ provi fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fi ħdan il-KNIC, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni rilevanti ppreżentata mill-Kunsill tikkostitwixxi l-prova tan-natura sostnuta tat-tieni u tat-tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15. B’mod partikolari, l-Anness B.3 jinkludi d-deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fi ħdan il-KNIC. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali ċertifikati uffiċjali, inklużi ittri ta’ ħatra. Dawn l-aħħar dokumenti jirreferu prinċipalment għall-perijodu qabel l-adozzjoni tat-tieni atti kkontestati.

298    B’hekk, f’dak li jirrigwarda Kim Il-Su, huwa identifikat mit-tieni u t-tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 bħala maniġer fi ħdan id-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC, ibbażat fil-kwartieri ġenerali f’Pjongjang u ex kap rappreżentant awtorizzat ta’ KNIC f’Hamburg, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

299    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-evalwazzjoni tal-legalità tal-ewwel atti kkontestati jirriżulta li l-motivi tal-iskrizzjoni tal-isem ta’ Kim Il-Su f’dawn tal-aħħar, jiġifieri fil-kwalità tiegħu bħala rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, iddeżinjat mill-Unjoni, u li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha, ma kinux ivvizzjati bi żball. Barra minn hekk, fix-xhieda tiegħu, mehmuża bħala Anness A.4 tar-rikors u kif tidher ukoll fl-Anness 9 tal-ittra tal-21 ta’ Lulju 2016, huwa ma jikkontestax li fl-2009 kompla bil-funzjoni ta’ rappreżentant li qabel kienet imwettqa minn Pak Chun-San u li eżerċitaha minn Jannar 2009 sa Jannar 2015, iżda, għall-kuntrarju, jikkonferma dan il-fatt. Fl-aħħar nett, dan il-fatt huwa kkonfermat ukoll mill-estratt tar-Reġistru tal-Kummerċ tas-16 ta’ Marzu 2016 ippreżentat mill-Kummissjoni, fl-Anness F.1 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ adattament, li minnu jirriżulta li Kim Il-Su kien imniżżel f’dan ir-reġistru bħala l-persuna awtorizzata biex tirrappreżenta lil KNIC ZD. Il-kontestazzjonijiet dwar l-imsemmija estratt ma jistgħux jintlaqgħu, sa fejn dawn jirriżultaw mix-xhieda ta’ Kim Il-Su u huma bbażati biss fuq dik ix-xhieda.

300    Barra minn hekk, Kim Il-Su, fix-xhieda tiegħu li tinsab fl-Anness 8 tal-ittra tal-21 ta’ Lulju 2016, jikkonferma li eżerċita l-funzjoni ta’ maniġer fid-dipartiment tar-riassigurazzjoni ta’ KNIC wara li rritorna mill-Ġermanja.

301    Fl-aħħar nett, il-fatt li Kim Il-Su waqaf milli jeżerċita l-funzjoni ta’ rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg ma jfissirx li ma huwiex marbut mal-attivitajiet tal-KNIC ZD.

302    Fil-fatt, minn naħa, mill-punti preċedenti jirriżulta li Kim Il-Su mhux biss kien eżerċita funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD, iżda wkoll sussegwentement okkupa pożizzjoni ta’ ġestjoni importanti fi ħdan id-dipartiment tar-riassigurazzjoni tal-KNIC fi Pjongjang, fejn ir-riassigurazzjoni hija attività mwettqa mill-KNIC fl-Ewropa. Il-veraċità tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni ma tistax tiġi kkontestata.

303    Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punti 235 u 236 iktar ’il fuq, il-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet fi ħdan il-KNIC jistgħu jitqiesu bħala involuti fil-ġenerazzjoni tal-munita barranija msemmija fil-motivi kontenzjużi fir-rigward tal-KNIC ZD u tal-KNIC.

304    Il-motivi tal-iskrizzjoni tal-isem ta’ Kim Il-Su fil-listi kontenzjużi għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

305    Rigward is-sitwazzjoni ta’ Kang Song-Sam, dan ġie identifikat fit-tieni atti kkontestati bħala ex rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, li jibqa’ jaġixxi għan-nom jew f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

306    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-evalwazzjoni tal-legalità tal-ewwel atti kkontestati jirriżulta li l-motivi tal-iskrizzjoni tal-isem ta’ Kang Song-Sam f’dawn tal-aħħar, jiġifieri fil-kwalita tiegħu bħala rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, entità ddeżinjata mill-Unjoni,u li taġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha, ma kinux ivvizzjati bi żball. Għaldaqstant, l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni peress li huwa l-ex rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg ma tistax tiġi kkontestata.

307    Barra minn hekk, l-elementi fix-xhieda mogħtija minn Kang Song-Sam għall-finijiet tal-proċedura ġudizzjarja ma jikkontradixxux il-fondatezza ta’ dawn il-motivi. Għalhekk, huwa jindika fix-xhieda tiegħu, mehmuża bħala Anness A.5 tar-rikors, li huwa “attwalment impjegat, bħala rappreżentant tal-[KNIC], fil-fergħa ta’ Hamburg, il-Ġermanja”. Huwa ilu jokkupa din il-pożizzjoni minn Diċembru 2013 u ssostitwixxa lil Sin Kyu-Nam. Barra minn hekk, fix-xhieda tiegħu li tidher fl-Anness 7 tal-ittra tal-21 ta’ Lulju 2016 li ġiet ippreżentata lill-Qorti Ġenerali, Kang Song-Sam jafferma li jokkupa l-pożizzjoni ta’ maniġer fid-dipartiment tar-riassigurazzjoni. Il-motivi tal-iskrizzjoni tiegħu għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

308    F’dak li jirrigwarda lil Choe Chun-Sik, huwa ġie identifikat bħala direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC, ibbażat fil-kwartieri ġenerali fi Pjongjang u li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

309    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-adattamenti suċċessivi tar-rikors tas-27 ta’ Mejju u tat-3 ta’ Ġunju 2016, Choe Chun-Sik isostni li ma huwiex u qatt ma kien rappreżentant tal-KNIC ZD, li kellu jibda jaħdem għal din il-kumpannija fi Frar 2015, iżda li l-applikazzjoni għal viża tiegħu ġiet irrifjutata u li l-allegazzjoni li huwa rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC ZD, entità ddeżinjata mill-Unjoni, li taġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha, hija żbaljata. Issa, dawn l-argumenti ma jistgħux jikkontestaw il-motiv tal-iskrizzjoni tal-isem ta’ Choe Chun-Sik fil-listi kontenzjużi, jiġifieri, il-fatt li huwa direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC, fil-kwartieri ġenerali fi Pjongjang, li jaġixxi f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

310    Barra minn hekk, Choe Chun-Sik innifsu rrikonoxxa li huwa kien marbut mal-KNIC. B’hekk, huwa jirrikonoxxi fix-xhieda tiegħu, mehmuża bħala Anness A.6 tar-rikors, li, f’Jannar 2015, il-KNIC talbitu jsir ir-rappreżentant ewlieni tagħha fil-fergħa ta’ Hamburg, bħala sostitut tar-rappreżentant preċedenti, Kim Il-Su. Mill-kunsiderazzjonijiet tax-xhieda kollha ta’ Choe Chun-Sik jirriżulta li huwa direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC fi Pjongjang. Il-motivi tal-iskrizzjoni tiegħu għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

311    F’dak li jikkonċerna lil Sin Kyu-Nam, huwa ġie identifikat bħala direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC, ibbażat fil-kwartieri ġenerali fi Pjongjang u ex rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

312    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-evalwazzjoni tal-legalità tal-ewwel atti kkontestati jirriżulta li l-motivi tal-iskrizzjoni tal-isem ta’ Sin Kyu-Nam f’dawn l-atti, jiġifieri bħala kap tas-servizzi fis-sede tal-KNIC fi Pjongjang u ex mandatarju plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg u l-fatt li aġixxa f’isem u taħt id-direzzjoni tal-KNIC, ma kinux ivvizzjati bi żball. Għaldaqstant, l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni peress li huwa l-ex rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha, ma tistax tiġi kkontestata.

313    Kif jirriżulta min-nota ta’ adattament tat-talbiet tas-27 ta’ Mejju 2016, Sin Kyu-Nam ma jikkontestax li ħadem mal-KNIC ZD minn Ġunju 2008 sa Novembru 2013, sussegwentement ħadem fis-sede tal-KNIC fi Pjongjang.

314    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-fatti huma kkonfermati minn Sin Kyu-Nam. Għalhekk, huwa jiddikjara fix-xhieda tiegħu, mehmuża bħala Anness A.7 tar-rikors, li okkupa l-funzjoni ta’ rappreżentant mal-fergħa tal-KNIC f’Hamburg minn Ġunju 2008 sa Novembru 2013. Barra minn hekk, hekk kif dan jirriżulta mill-Anness 5 tal-ittra tal-21 ta’ Lulju 2016 li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, Sin Kyu-Nam jagħraf u jikkonferma mhux biss li eżerċita dawn il-funzjonijiet fi ħdan il-KNIC ZD, iżda wkoll li, sussegwentement, eżerċita l-funzjoni ta’ direttur tad-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC. Il-motivi tal-iskrizzjoni tiegħu għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

315    F’dak li jirrigwarda Pak Chun-San, huwa ġie identifikat bħala direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC, fil-kwartieri ġenerali fi Pjongjang sa mill-anqas Diċembru 2015 u ex kap rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, li jkompli jaġixxi għan-nom jew f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

316    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-evalwazzjoni tal-legalità tal-ewwel atti kkontestati li tidher fil-punti 248 sa 252 iktar ’il fuq jirriżulta li l-motivi tal-iskrizzjoni tal-isem ta’ Pak Chun-San f’dawn tal-aħħar, jiġifieri fil-kwalità tiegħu bħala kap tad-dipartiment fis-sede tal-KNIC fi Pjongjang u bħala ex rappreżentant plenipotenzjarju awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg, entità ddeżinjata mill-Unjoni, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha, ma kinux ivvizzjati bi żball.

317    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li peress li Pak Chun-San sempliċement isostni li ma huwiex “[k]ap tad-dipartiment tal-kwartieri ġenerali ta’ KNIC fi Pyongyang”, huwa ma jikkontestax li ħadem fis-sede fi Pjongjang sa mill-inqas Diċembru 2015.

318    It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-allegazzjoni ta’ Pak Chun-San li huwa kien ħalla l-funzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849 ma hija bbażata fuq ebda prova dokumentarja, minkejja li r-rikorrent huwa l-iktar wieħed idoneu sabiex jipprovdi informazzjoni li tikkontesta l-motivi tal-iskrizzjoni tiegħu.

319    Issa, f’dan il-każ, ma jistax jitqies li huwa minnu li Pak Chun-San ma jaħdimx iktar fil-KNIC abbażi biss ta’ xhieda mogħtija speċifikament għal dan ir-rikors u li ġejja mill-persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

320    Barra minn hekk, Pak Chun-San kellu rabtiet importanti ml-KNIC għal ħafna snin. Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li l-KNIC kienet regolarment tirreferi għal Pak Chun-San sabiex jokkupa pożizzjonijiet ewlenin u li dan tal-aħħar kellu karriera twila fiha li matulha akkumula diversi funzjonijiet importanti bħala direttur fi ħdan id-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC u bħala ex kap rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg.

321    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jitqies li huwa stabbilit, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova, li huwa ma għandux iktar rabta mal-KNIC.

322    Il-motivi tal-iskrizzjoni tiegħu għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

323    F’dak li jirrigwarda So Tong Myong, dan ġie identifikat bħala President tal-KNIC, li jaġixxi f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

324    F’dan ir-rigward, mid-dokumenti prodotti lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u Mejju 2012, So Tong Myong kien imsemmi fil-kwalità tiegħu bħala President Direttur tal-KNIC. Dan ġie kkorroborat mix-xhieda tiegħu, mehmuża bħala Anness A.9 tar-rikors, li fiha jippreċiża li l-mandat tiegħu bħala President tal-KNIC dam mill-2007 sa Ottubru 2014.

325    Fir-rigward tal-argumenti sostnuti minn So Tong Myong li jafferma li rtira f’Ottubru 2014, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tipproduċi estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ tal-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg) tas-16 ta’ Marzu 2016, li minnu jirriżulta li dan kien għadu l-President fil-kariga tal-KNIC f’dik id-data.

326    Ċertament, fl-Anness 2 tal-ittra tal-21 ta’ Lulju 2016 li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, So Tong Myong jindika li din l-informazzjoni kienet korretta biss bejn l-2010 u l-2014, is-sena li fiha rtira.

327    Madankollu, hekk kif tfakkar preċedentement, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex kredibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu, u jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

328    Għandu jiġi osservat li x-xhieda ta’ So Tong Myong saret speċifikament għal dan ir-rikors u li, peress li ġejja minn persuna suġġetta għal miżuri restrittivi inkwistjoni, din ix-xhieda għandha biss valur probatorju dgħajjef, għall-kuntrarju ta’ dokument pubbliku bħal estratt mir-Reġistru tal-Kummerċ.

329    Fid-dawl kemm ta’ assenza ta’ prova dokumentarja pprovduta minn So Tong Myong kif ukoll tal-funzjoni tiegħu bħala President tal-KNIC, ma jistax jitqies li huwa stabbilit li ma għadx għandu rabta mal-KNIC u li ma jaġixxix għan-nom jew f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

330    Il-motivi għall-iskrizzjoni tiegħu għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

331    Fid-dawl ta’ hawn fuq, il-Kunsill u l-Kummissjoni setgħu validament jikkunsidraw, fil-mument tal-adozzjoni tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849, li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 kienu għadhom qed jaġixxu f’isem KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha.

332    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 dwar l-assenza ta’ provi dwar il-kapaċità tagħhom li jinfluwenzaw l-attivitajiet tal-KNIC, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li dawn jaqgħu taħt kriterju ta’ inklużjoni li jirrigwarda “persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skont l-ordni tagħhom” skont l-Artikolu 15(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni 2013/183, kif ukoll “persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skont l-ordni tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 27(1)(b) tad-Deċiżjoni 2016/849.

333    Fid-dawl tal-kriterji ta’ iskrizzjoni u tal-kriterji ta’ iskrizzjoni emendati, li l-legalità tagħhom ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15, dawn jaqgħu taħt il-kategorija ta’ persuni li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni tal-entità ddeżinjata li jistgħu jkunu involuti fil-ġenerazzjoni ta’ flus li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari.

334    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-kriterju ma jirrikjedix neċessarjament li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ikunu l-persuni li jiddeċiedu dwar it-trasferiment tal-assi finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-proliferazzjoni nukleari u lanqas li jkunu jistgħu jinfluwenzaw tali trasferiment. Min-naħa l-oħra, huma għandhom ikollhom rabta mal-attività msemmija fil-motivi kontenzjużi moqrija fid-dawl tal-kriterji inkwistjoni, jiġifieri l-fatt tal-iġġenerar ta’ dħul f’munita barranija li jista’ jikkontribwixxi għall-programmi nukleari tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea.

335    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li persuna li teżerċita funzjonijiet li jagħtuha setgħa ta’ tmexxija fuq entità koperta minn miżuri restrittivi tista’, bħala regola ġenerali, hija stess titqies li hija implikata f’attivitajiet li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jirrigwardaw l-entità inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il‑Kunsill, T‑58/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:640, punt 110, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 143).

336    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ibbażat fuq is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il‑Kunsill (T‑58/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:640), għandu jiġi osservat li, b’kuntrast mal-kuntest ġuridiku applikabbli f’din il-kawża, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il‑Kunsill (T‑58/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:640), l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kienet ibbażata fuq kriterji differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ. Għalkemm, f’dik is-sentenza, kien meħtieġ li l-persuni fiżiċi suġġetti għall-miżuri restrittivi jkollhom rabta mal-attivitajiet tal-proliferazzjoni nukleari, f’dan il-każ, huwa meħtieġ sempliċement li l-persuni fiżiċi suġġetti għal miżuri restrittivi jkollhom rabta mal-attività ta’ provvista ta’ servizzi finanzjarji jew ta’ trasferimenti ta’ fondi, ta’ assi jew ta’ riżorsi ekonomiċi li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi nukleari tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, mingħajr ma jkun hemm bżonn li dawn il-persuni jkunu marbuta speċifikament mal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

337    Għalhekk, f’dan il-każ, la l-kriterji u lanqas il-motivi kontenzjużi li fuqhom hija bbażata l-iskrizzjoni tal-isem ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fil-listi kontenzjużi ma jeżiġu li tintwera rabta bejn il-persuna kkonċernata u l-entità attiva fil-qasam tal-proliferazzjoni nukleari, iżda dawn jeħtieġu li jiġi pprovat ness bejn il-persuna kkonċernata u l-entità li tipprovdi jew tiżgura t-trasferiment ta’ assi finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea relatati mal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

338    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 298 sa 331 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 eżerċitaw funzjonjiet ta’ ġestjoni fil-KNIC. Kim Il–Su huwa maniġer fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC u ex kap rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg. Kang Song-Sam huwa l-ex rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg u jokkupa l-pożizzjoni ta’ maniġer fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC. Choe Chun-Sik huwa direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC. Sin Kyu-Nam huwa direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC u l-ex rappreżentant awtorizzat tal-KNIC f’Hamburg. Pak Chun-San kien direttur fid-dipartiment ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC u l-ex kap rappreżentant tal-KNIC f’Hamburg. So Tong Myong kien il-President tal-KNIC. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rwoli rispettivi tagħhom fl-attività ta’ riassigurazzjoni tal-KNIC, bħala maniġer fi ħdan id-dipartiment tar-riassigurazzjoni tal-KNIC, direttur ta’ dan id-dipartiment jew President tal-KNIC, huma suffiċjenti sabiex, minn naħa, jiġi kkunsidrat li għandhom rabta mal-attività tal-KNIC, ta’ ġenerazzjoni ta’ munita barranija billi jaġixxu f’isem il-KNIC jew taħt id-direzzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex meħtieġ li wieħed jibbaża, lil hinn mill-verifika tal-eżattezza tat-tieni u tat-tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil‑Kawża T‑533/15, fuq l-indizji relatati mal-aġir individwali tagħhom sabiex jintwera li huma ġew iddeżinjati f’konformità mal-kriterji ta’ iskrizzjoni adottati.

339    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

–       Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tad-data

340    Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jallegaw, essenzjalment, il-ksur tal-Artikoli 4, 10, 14 u 16 tar-Regolament Nru 45/2001.

341    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li jillimitaw ruħhom sabiex jelenkaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 kif ukoll is-siltiet minn opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 jallegaw essenzjalment li l-Kunsill u l-Kummissjoni ppubblikaw data żbaljata. B’hekk il-Kunsill u l-Kummissjoni taw wieħed x’jifhem li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 kienu involuti f’attivitajiet illegali marbuta mal-iżvilupp illegali ta’ armi ta’ qerda tal-massa.

342    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-eżami tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, it-tieni u t-tielet motivi relatati mar-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ evalwazzjoni u li, konsegwentement, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ppubblikawx data mhux eżatta u li tissuġġerixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’attivitajiet illegali.

343    Għaldaqstant, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

344    Fi kwalunkwe każ, dan il-motiv huwa ineffettiv.

345    Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Kunsill u l-Kummissjoni pproċessaw data personali dwar ir-rikorrenti b’mod mhux konformi mar-Regolament Nru 45/2001, din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal għall-annullament tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849. Min-naħa l-oħra, kieku r-rikorrenti kienu fil-pożizzjoni li jipprovaw l-eżistenza ta’ tali pproċessar, huma jistgħu jinvokaw il-ksur ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 140 u tat-22 ta’ Novembru 2017, HD vs Il‑Parlament, T‑652/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:828, punti 33 u 34).

–       Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali

346    Filwaqt li jtennu l-argumenti mressqa kontra l-ewwel atti kkontestati, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 isostnu li d-dannu kkawżat mit-tieni atti kkontestati huwa totalment sproporzjonat.

347    Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 ma jinkoraġġixxux u lanqas ma jgħinu lil KNIC ZD tiġġenera dħul, peress li din ma tiġġenera ebda dħul, la issa u lanqas meta kienet attiva. Barra minn hekk, tnejn minnhom, Pak Chun-San u So Tong Myong, huma rtirati u ma għadhomx jaħdmu għall-KNIC filwaqt li l-erbgħa rikorrenti l-oħra ma jiġġenerawx dħul fil-kuntest tad-diversi funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-KNIC. L-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi kontenzjużi ma sservi l-ebda skop utli, anki jekk kien xieraq li KNIC ZD stess tiġi iskritta fil-lista. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din hija manifestament restrizzjoni sproporzjonata tal-libertà tagħhom.

348    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

349    Peress li dan il-motiv huwa bbażat fuq argumenti kważi identiċi għal dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem kontra l-ewwel atti kkontestati, fid-dawl tal-argumenti li jidhru fil-punti 274 sa 277 iktar ’il fuq, jeħtieġ li dan jiġi miċħud.

350    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors fil-Kawża T‑533/15 għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirrigwarda l-annullament tat-tieni atti kkontestati u tad-Deċiżjoni 2016/849.

351    Għaldaqstant, hemm lok, fil-Kawża T‑533/15, li jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

352    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

353    Peress li r-rikorrenti fil-Kawża T‑533/15 tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

354    Fil-Kawża T‑264/16, peress li KNIC tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

355    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għandu jiġi deċiż li r-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess fil-Kawża T‑533/15.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Fil-Kawża T533/15, Kim Il-Su u r-rikorrenti l-oħrajn li isimhom jidher fl-Anness huma kkundannati għall-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

3)      Fil-Kawża T264/16, Korea National Insurance Corporation hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)      Fil-Kawża T533/15, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Marzu 2018.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea

Miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrenti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-konsegwenzi proċedurali tat-tħassir u tat-tibdil tad-Deċiżjoni 2013/183

Dwar l-ordni tat-trattament tal-Kawżi T 533/15 u T264/16

Fuq ir-rikors fil-Kawża T 264/16

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-limitazzjoni sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali

Fuq ir-rikors fil-Kawża T 533/15

Fuq ir-rikors tar-rikorrenti fil-Kawża T 533/15 f’dak li jirrigwarda l-ewwel atti kkontestati

– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

– Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tad-data

– Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali

Fuq ir-rikors tar-rikorrenti fil-Kawża T 533/15 sa fejn jikkonċerna t-tieni atti kkontestati u d-Deċiżjoni 2016/849

– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

– Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tad-data

– Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali

Fuq l-ispejjeż





*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.