Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Emilia Romagna (l-Italja) fl-4 ta’ Ġunju 2020 – PG vs Ministero della Giustizia, CSM - Consiglio Superiore della Magistratura, Presidenza del Consiglio dei Ministri

(Kawża C-236/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per la Emilia Romagna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PG

Konvenuti: Ministero della Giustizia, CSM - Consiglio Superiore della Magistratura, Presidenza del Consiglio dei Ministri.

Domandi preliminari

L-Artikoli 20, 21, 31, 33 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-Direttivi 1999/70/KE 1 dwar ix-xogħol għal żmien determinat (klawżoli 2 u 4), 1997/81/KE 2 dwar ix-xogħol part-time (klawżola 4), 2003/88/KE[3 ] dwar il-ħin tax-xogħol (Artikolu 7) u 2000/78/KE [4 ] (Artikoli 1 u 2(2)(a)) dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Taljana permezz tal-Liġi 374/91 u [modifiki suċċessivi] u tad-Digriet Liġi 92/2016 fid-dawl tal-interpretazzjoni kostanti tal-ġurisprudenza, li tipprovdi li minbarra li l-giudici di pace, inkwantu giudici onorari [membri tal-ġudikatura maħtura mill-Ministeru għall-Ġustizzja] ma jingħatawx trattament ekonomiku, għajnuna soċjali u sigurtà soċjali simili għal dawk tal-imħallfin bil-kwalifika (giudici togati), jirriżultaw li jiġu għal kollox esklużi minn kull forma ta’ għajnuna soċjali u sigurtà soċjali ggarantita lill-ħaddiem pubbliku impjegat?

Il-prinċipji Komunitarji fil-qasam [tal-]awtonomija u indipendenza tal-funzjoni ġudizzjarja u b’mod speċifiku l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Taljana, li tipprovdi li minbarra li l-giudici di pace, inkwantu giudici onorari, ma jingħatawx trattament ekonomiku, għajnuna soċjali u sigurtà soċjali simili għal dawk tal-imħallfin bil-kwalifika, jirriżultaw li jiġu għal kollox esklużi minn kull forma ta’ għajnuna soċjali u sigurtà soċjali ggarantita lill-ħaddiem pubbliku impjegat?

Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70, tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Taljana, li tipprovdi li l-ħatra għal żmien determinat tal-giudici di pace inkwantu giudici onorari, oriġinarjament iffissat għal 8 snin (erbgħa magħduda ma’ erbgħa) tista’ tiġi sistematikament estiża b’4 snin ulterjuri mingħajr ma tiġi pprovduta ebda sanzjoni effettiva u dissważiva bħala alternattiva għall-bidla f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2     Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).

[3     Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).]

[4 ]    Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).