Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-22 ta’ Mejju 2019 – Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni vs BT Italia SpA et

(Kawża C-399/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

Konvenuti: BT Italia SpA, Basictel SpA, BT Enia Telecomunicazioni SpA, Telecom Italia SpA, PosteMobile SpA, Vodafone Italia SpA

Domandi preliminari

L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2002/20/KE 1 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq persuni awtorizzati fis-sens tad-Direttiva nnifisha l-ispejjeż amministrattivi kumplessivament sostnuti mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għall-organizzazzjoni u għat-twettiq tal-funzjonijiet kollha, inklużi dawk ta’ regolamentazzjoni, ta’ superviżjoni, ta’ soluzzjoni tat-tilwim u ta’ sanzjoni, mogħtija lill-awtorità regolatorja nazzjonali mill-Qafas Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (stabbilit mid-Direttivi 2002/19/KE 2 , 2002/20/KE, 2002/21/KE 3 u 2002/22/KE 4 ); jew l-attivitajiet indikati fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2002/20/KE huma limitati mill-attività ta’ “regolamentazzjoni ex ante” imwettqa mill-awtorità regolatorja nazzjonali?

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/20/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rendikont annwali tal-ispejjeż amministrattivi tal-awtorità regolatorja nazzjonali u tal-ħlasijiet miġbura: a) jista’ jiġi ppubblikat wara tmiem is-sena finanzjarja, skont il-liġijiet nazzjonali ta’ kontabbiltà pubblika, li fihom ikunu nġabru l-ħlasijiet amministrattivi; b) jippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali tagħmel l-“aġġustamenti xierqa” anki b’riferiment għal snin finanzjarji li ma jkunux immedjatament konsekuttivi?

____________

1     Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

2     Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8).

3     Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8).

4     Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).