Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-30 ta’ Settembru 2019 – FS vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-719/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FS

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ ċittadin tal-Unjoni mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li tkun ġiet adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tiġi eżegwita b’mod sħiħ u ma tipproduċix effetti ġuridiċi b’effett minn meta dan iċ-ċittadin ikun ipproduċa prova li telaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ospitanti fit-terminu li l-imsemmija deċiżjoni tistabbilixxi għat-tluq volontarju tiegħu?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jibbenefika, f’każ ta’ ritorn immedjat fl-Istat Membru ospitanti, mid-dritt ta’ residenza ta’ mhux iktar minn tliet xhur, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38 jew l-Istat Membru ospitanti jista’ jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija ġdida sabiex jipprekludi d-dħul ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tiegħu kull darba għal perijodu qasir?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu, f’dan il-każ, jirrisjedi matul perijodu determinat barra mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, u dan il-perijodu kemm huwa twil?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.