Language of document : ECLI:EU:F:2014:248

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑59/09 RENV

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz Pubbliku — Kawża mibgħuta lura lejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Persunal tal-BEI — Evalwazzjoni annwali — Regolamentazzjoni interna — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Dritt ta’ smigħ — Ksur mill-Kumitat tal-Appell — Illegalità tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell — Fastidju psikoloġiku — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal kumpens”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola talab, essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tal‑14 ta’ Novembru 2008, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni tad‑29 ta’ April 2008 u tad-deċiżjoni tal-istess ġurnata li ma jiġix promoss, it-tielet nett, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2007, ir-raba’ nett, il-konstatazzjoni tal-fastidju psikoloġiku li tiegħu kien iqis lilu nnifsu vittma u, il-ħames nett, il-kundanna tal-BEI sabiex itemm dan il-fastidju u sabiex iħallas kumpens għad-danni li huwa jqis li ġarrab minħabba dan il-fastidju.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment tal‑14 ta’ Novembru 2008 hija annullata. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għall-ħlas tad-danni allegati fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn C. De Nicola fil-Kawżi F‑59/09, T‑264/11 u F‑59/09 RENV.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Kontestazzjoni quddiem il-Kumitat tal-Appell tal-Bank — Deċiżjoni tal-Kumitat li jiddeżisti milli titratta r-rikors mingħajr ma tisma’ lill-persuna kkonċernata — Ksur tad-drittijiet tad-difiża

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors għad-danni — Talbiet għal kumpens ibbażati fuq l-istess fatti ppreżentati fil-kuntest ta’ żewġ rikorsi separati– Preferenza — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

1.      Fil-kuntest ta’ rikors ta’ membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment kontra r-riżultati ta’ eżerċizzju ta’ evalwazzjoni annwali li jikkonċernah, il-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment jista’ jiddeżisti milli jittratta r-rikors, skont il-punt 20 tal-Anness A tal-Komunikazzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet għas-sena 2007, biss f’każijiet eċċezzjonali u għandu jinforma lill-partijiet billi jispjega r-raġunijiet għad-deżistenza tiegħu, b’mod partikolari meta s-sitwazzjoni hija dovuta għall-aġir ta’ waħda minnhom waqt il-proċedura, filwaqt li tirrispetta, konformement mal-punt 10 tal-istess anness, id-dritt li kull parti tinstema’.

Għalhekk, meta l-parti kkonċernata ma tiddeżistix mir-rikors tagħha quddiem il-Kumitat tal-Appell, il-fatt li dan tal-aħħar jiddeżisti milli jittratta r-rikors mingħajr ma josserva l-punti 10 u 20 tal-Anness A iċaħħad, naturalment, lill-parti kkonċernata mid-dritt għal smigħ fir-rigward tal-motivi differenti li hija tqajjem, billi jneħħilu istanza ta’ verifika.

(ara l-punti 51, 53 u 54)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza De Nicola vs BEI, T‑264/11 P, EU:T:2013:461, punt 44

2.      Meta l-punti u l-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi relatati mal-istess fatti li jagħtu lok għaż-żewġ talbiet għal kumpens ippreżentati mill-istess parti rikorrenti fil-kuntest ta’ żewġ rikorsi separati li jirrigwardaw l-istess parti konvenuta, ikunu iktar iddettaljati u mmotivati fil-kuntest ta’ waħda minn dawn ir-rikorsi, u dan min-naħa taż-żewġ partijiet, minn dan jirriżulta li huwa aħjar għall-qorti tal-Unjoni li tieħu konjizzjoni u li tevalwa l-fatti li taw lok għat-talba għal kumpens fil-kuntest tal-imsemmija kawża. Konsegwentement, huwa aħjar ukoll li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ din il-kawża. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens fil-kuntest tal-kawża l-oħra.

(ara l-punti 68, 70 u 71)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza De Nicola vs BEI, F‑52/11, EU:F:2014:243