Language of document : ECLI:EU:C:2002:741

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

10 ta’ Diċembru 2002 (*)

“Direttiva 2001/37/KE ─ Manufattura, preżentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabbakk ─ Validità ─ Bażi legali ─ Artikoli 95 KE u 133 KE ─ Interpretazzjoni ─ Applikabbiltà għall-prodotti tat-tabakk imballati fil-Komunità u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi”

Fil-kawża C-491/01

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-High Court of Justice (England u Wales), Queen’s Bench Division (Adminitrative Court) (ir-Renju Unit), u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din l-istess qorti bejn

The Queen

u

Secretary of State for Health,

ex parte:

British American Tobacco (Investments) Ltd

u

Imperial Tobacco Ltd,

fil-preżenza ta’:

Japan Tobacco Inc.

u

JT International SA,

deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 200, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU 2001 L 194, p. 26),

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, J.-P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u C.W.A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, D.A.O. Edward, A. La Pergola (Relatur), P. Jann, V. Skouris, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u J.N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali, u M.-F. Contet, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal British American Tobacco (Investments) Ltd u Imperial Tobacco Ltd, minn D. Wyatt, D. Anderson, QC, u J. Stratford, barrister, inkarigati mid-ditta Lovells, solicitors,

–        għal Japan Tobacco Inc. u JT International SA, minn O.W. Brouwer, advocaat, u N.P. Lomas, solicitor, inkarigati mid-ditta Freshfields Bruckhaus Deringer, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond, bħala aġent, assistita minn N. Paine, QC, u T. Ward, barrister,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn E. Gillet u G. Vandersanden, avocats,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala agent, assistit minn. J. Sedemund, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos u S. Charitakis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala agent, assistit minn O. Fiumara, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn J. Faltz, bħala aġent, assistit minn P. Kinsch, avocat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H.G. Sevenster, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn C. Pennera u M. Moore, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u J.-P. Hix, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjon tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martinez del Peral u K. Fitch, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ British American Tobacco (Investments) Ltd u ta’ Imperial Tobacco Ltd, irrappreżentati minn D. Wyatt, D. Anderson u J. Stratford, ta’ Japan Tobacco Inc. u ta’ JT International SA, irrappreżentati minn O.W. Brouwer u N.P. Lomas, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J.E. Collins, bħala aġent, assistit minn N. Paine u T. Ward, tal-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn G. Vandersanden, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn M. Lumma, bħala agent, assistit minn J. Sedemund, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn V. Kontolaimos u S. Charitakis, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn R. Loosli-Surrans, tal-Gvern Irlandiż, irrappreżentat minn J. Buttimore, BL, tal-Gvern Taljan irrappreżentat minn O. Fiumara, tal-Gvern Lussemburgiż, irrappreżentat N. Mackel, bħala aġent, assistit minn P. Kinsch, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J. van Bakel, bħala aġent, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn E. Bygglin, tal-Parlament, irrappreżentat minn C. Pennera u M. Moore, tal-Kunsill, irrappreżentat minn E. Karlsson u J.-P. Hix, u tal-Kummisjoni, irrappreżentata minn I. Martinez del Peral u K. Fitch, fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta’ l-10 ta’ Settembru 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tas-6 ta’ Diċembru 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2001, il-High court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench division (Administrative Court), għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, p.26, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest tat-talba mressqa fit-3 ta’ Settembru 2001 minn British American Tobacco (Investments) Ltd u Imperial Tobacco Ltd bil-għan li dawn ikunu awtorizzati jressqu rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) ta’ “l-intenzjoni u/jew ta’ l-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 89/622/KEE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tat-13 ta’ Novembru 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw ma’ l-ittikkettjar ta’ prodotti tat-tabakk kif ukoll mal- projbizzjoni ta’ ċertu tabakk għall-użu orali (ĠU 1989 L 359, p.1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/41/KEE, tal-15 ta’ Mejju 1992 ( ĠU 1992 L 158, p.30, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/622”), adottata abbażi ta’ l-Artikoli 100a tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE), partikolarment stabbiliet li twissija ġenerali għandha tkun tidher fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk kollha, flimkien ma’ twissijiet addizzjonali esklussivament fil-każ ta’ sigaretti u, mill-1992, din estendiet l-obbligu li jitwaħħlu tali twissijiet addizzjonali għall-prodotti l-oħra tat-tabakk.

 Id-Direttiva 90/239/KEE

4        Id-Direttiva tal-Kunsill 90/239/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-kontenut massimu ta’ qatran tas-sigaretti (ĠU 1990 L 137, p. 36), adottata abbażi ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat, stabbilixxiet il-limiti massimi tal-kontenut ta’ qatran tas-sigaretti kkummerċjalizzati fl-Istati Membri għal 15 mg għal kull sigarett fil-31 ta’ Diċembru 1992 u għal 12mg għal kull sigarett fil-31 ta’ Diċembru 1997.

 Id-Direttiva

5        Id-Direttiva ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE u 133 KE u hija intiża sabiex tadatta d-Direttivi 89/622 u 90/239 billi temenda u tikkompleta d-dispożizzjonijiet tagħhom.

6        Skond it-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva, għad hemm differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk li jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern u hemm lok li dan it-tfixkil jitneħħa billi jiġu approssimati r-regoli applikabbli f’dan il-qasam.

7        Skond il-Premessa 4 tad-Direttiva:

“Skond l-Artikolu 95(3) tat-Trattat, livell għoli ta’ protezzjoni f’termini ta’ saħħa, sigurezza [sigurtà], protezzjoni ta’ l-ambjent u protezzjoni tal-konsumatur għandu jittieħed bħala bażi, waqt li jingħata kont, b’mod partikolari, ta’ kull żvilupp ġdid [ib]bażat fuq bażi [fatti] xjentifiċi; minħabba l-effetti partikolarment ta’ ħsara tat-tabakk, il-protezzjoni tas-saħħa għandha tingħata priorità f’dan il-kuntest.”

8        Il-Premessa 5 tad-Direttiva tistipola:

“Id-Direttiva 90/239/KEE tistabbilixxi l-limiti massimi ta’ qatran fis-sigaretti mpoġġija fis-suq [kkummerċjalizzati] fl-Istati Membri b’effett mill-31 ta’ Diċembru 1992. In-natura karċinoġenika tal-qatran tagħmilha meħtieġa li jitnaqqas [jitnaqqsu] aktar il-livelli ta’ qatran fis-sigarretti.”

9        Il-Premessa 7 tad-Direttiva tistipola kif ġej:

“Diversi Stati Membri indikaw li, jekk il-miżuri li jistabbilixxu l-kontenut massimu ta’ carbon monoxide [ossidu tal-karbonju] fis-sigarretti ma jiġux addottati f’livell tal-Komunità, kienu ser jaddottaw miżuri bħal dawk fil-livell nazzjonali. Id-differenzi fir-regoli li jikkonċernaw il-carbon monoxide [ossidu tal-karbonju] x’aktarx li joħolqu barrieri [ostakoli] għall-kummerċ u jfixklu [jostakolaw] l-operazzjoni bla xkiel [il-funzjonament tajjeb] tas-suq intern […].”

10      Skond il-Premessa 9 tad-Direttiva:

“Hemm differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-limitazzjoni massima ta’ nikotina li toħroġ mis-sigarretti. Differenzi bħal dawk x’aktarx li joħolqu barriera [ostakoli] għall-kummerċ u jfixklu [jostakolaw] t-tħaddim bla xkiel [il-funzjonament tajjeb] tas-suq intern. […]”

11      Skond il-Premessa 11 tad-Direttiva:

“Din id-Direttiva għandha wkoll tkun tapplika għall-prodotti tat-tabakk li huma esportati mill-Komunità Ewropea. Ir-reġim ta’ l-esportazzjoni huwa parti mill-politika kummerċjali komuni. Il-ħtiġijiet tas-saħħa għandhom, skond l-Artikolu 152(1) tat-Trattat u l-każistika [ġurisprudenza] tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, jagħmlu parti kostitwenti mill-politika l-oħra tal-Komunità. Għandhom jiġu adottati regoli biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tas-suq intern ma jkunux imfixkla [ippreġudikati].”

12      Skond il-Premessa 19 tad-Direttiva:

“Il-preżentazzjoni ta’ tikketti ta’ twissija u l-ħruġ [indikazzjoni tal-kontenuti] baqgħet issir b’mod differenti mill-Istati Membri differenti. Bħala konsegwenza, l-konsumaturi fi Stat Membru wieħed jistgħu jkun informati aħjar dwar ir-riskji tat-tabbakk milli f’ieħor. Dawk id-differenzi mhux aċċettabbli u x’aktarx jistgħu joħolqu barriera [ostakoli] għall-kummerċ u jfixklu [jostakolaw] t-tħaddim [il-funzjonament tajjeb] tas-suq intern fil-[tal-]prodotti tat-tabakk, u għandhom għalhekk jiġu eliminati. Huwa meħtieġ għal dak il-għan li l-leġiżlazzjoni eżistenti tissaħħaħ u tiġi ċċarata, waqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.”

13      Skond il-Premessa 27 tad-Direttiva:

“ L-użu ta’ ċerti testi fuq l-ippakkeġġar [il-pakkett] ta’ prodott tat-tabakk, bħal "[kontenut ta’] qatran baxx", "ħfief", "ħfief ħafna", "mhux qawwija", ismijiet [denominazzjonijiet], stampi u sinjali ta’ figuri [figurattivi] jew oħrajn, jistgħu jqarrqu bil-konsumatur billi jaħseb li dawk il-prodotti jagħmlu anqas ħsara u jagħtu lok għall-bidliet fil-konsum. Il-komportament ta’ dawk li jpejpju [jpejjpu] u d-dipendenza, u mhux biss il-kontenut ta’ ċerti sustanzi li jkun fih il-prodott qabel ma jiġi kkunsmat, ukoll jistabbilixxi l-livell tas-sustanzi miġbuda. Dan il-fatt mhux [mhuwiex] rifless fl-użu ta’ termini [testi] bħal dawk, u għalhekk [jista’] idgħajfu [jippreġudika] l-ħtiġijiet [ir-rekwiżiti] tat-tikkettjar stipulati f’din id-Direttiva. Biex jiġi żgurat kif imiss il-funzjonament tas-suq intern, u minħabba l-iżvilupp tar-regoli internazzjonali proposti, għandha ssir dispożizzjoni għall-projbizzjoni ta’ użu bħal dak fil-livell tal-Komunità, waqt li jingħata żmien biżżejjed għall-introduzzjoni ta’ din ir-regola.”

14      Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva, intitolat, “Għan”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima [jiġu approssimati] l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-ħruġ [kontenut] massimu ta’ qatran, nikotina u carbon monoxide [ossidu tal-karbonju] tas-sigarretti u t-twissijjiet fir-rigward tas-saħħa u 17 ieħor li għandu jidher fuq kull pakkett ta’ prodotti tat-tabakk, flimkien ma’ ċerti miżuri dwar l-ingredjenti u d-deskrizzjonijiet [denominazzjonijiet] tal-prodotti tat-tabakk, waqt li jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.”

15      L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva jistipola:

“1. Mill-1 ta’ Jannar 2004, il-ħruġ minn [kontenut ta’] sigarretti rilaxxati għaċ- [imqegħda f’] ċirkolazzjoni ħielsa [libera], mpoġġija fis-suq [ikkummerċjalizzati] jew immanufatturati mill-[fl-]Istati Membri m’għandux ikun akbar minn:

- 10 mg kull sigarrett għall-qatran,

- 1 mg kull sigarrett għan-nikotina,

- 10 mg kull sigarrett għall-carbon monoxide [ossidu tal-karbonju].

2. B’ deroga mid-data riferita fil-paragrafu 1, fir-rigward ta’ sigarretti manufatturati fi, iżda esportati mill-, Komunità Ewropea, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-limiti tal-ħruġ [il-kontenuti massimi] stipulati f’dan l-Artikolu mill-1 ta’ Jannar 2005 iżda f’kull każ għandhom jagħmlu dan mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007.”

16      Skond l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva, il-kontenut ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ ossidu tal-karbonju tas-sigaretti għandu jkun imkejjel fuq il-bażi ta’ l-istandards ISO 4387 għall-qatran, ISO 10315 għan-nikotina, u ISO 8454 għall-ossidu tal-karbonju. L-Artikolu 4(3) jawtorizza lill-Istati Membri jeħtieġu li l-manufatturi jew l-importaturi tat-tabakk jagħmlu testijiet oħra stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jevalwaw il-kontenut ta’ sustanzi oħra prodotti mill-prodotti tagħhom u jevalwaw l-effetti ta’ dawn is-sustanzi l-oħra fuq is-saħħa. Skond l-Artikolu 4(4), ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li għandhom jiżguraw li dawn huma diffusi bil-għan li l-konusmatur ikun infurmat u, skond l-Artikolu 4(5), dawn għandhom ikunu mibgħuta lill-Kummisjoni, li għandha toħodhom in kunsiderazzjoni fir-redazzjoni tar-rapport tagħha indikat fl-Artikolu 11 tad-Direttiva.

17      L-Artikolu 5 tad-Direttiva jistipola r-rekwiżiti meħtieġa fir-rigward ta’ l-ittikkettjar, li partikolarment jinkludu l-obbligu li l-kontenut ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ ossidu tal-karbonju jkun indikat fuq l-imballaġġ tal-prodotti, b’tali mod li jkun kopert ċertu persentaġġ tal-wiċċ speċifiku tagħhom, u li l-imballaġġ ikollu twissijiet relattati mar-riskji għas-saħħa konnessi mal-prodotti tat-tabakk, bl-eċċezzjoni ta’ tabakk użat għall-użu orali u prodotti oħra tat-tabakk li ma jitpejjpux. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 (6)(e) tad-Direttiva jistipola li t-test tat-twissijiet u ta’ l-indikazzjonijiet tal-kontenuti għandu jkun stampat fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fih il-prodott huwa kkummerċjalizzat

18      Skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-manufatturi u l-importaturi ta’ prodotti tat-tabakk jippreżentawhom b’lista ta’ l-ingredjenti kollha u tal-kwantitajiet tagħhom, użati fil-manufattura ta’ dawk il-prodotti skond l-isem tal-marka u t-tip. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni hija diffusa permezz ta’ kull mezz approprjat, bil-għan li l-konusmatur ikun infurmat dwarha, u għandhom kull sena jibgħatu tali informazzjoni lill-Kummissjoni.

19      Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva intitolat “Deskrizzjoni tal-prodotti”:

“B’effett mit-30 ta’ Settembru 2003, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1), it-testi, l-ismijiet [denominazzjonijiet], il-marki tal-kummerċ [trade marks] u sinjali figurattivi jew oħrajn li jissuġerixxu li prodott tat-tabakk ikun anqas ta’ ħsara minn oħrajn m’għandhomx jintużaw fuq l-ippakkeġġar [imballaġġ] ta’ prodotti tat-tabakk.”

20      Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004 u fid-dawl tal-funjonament tajjeb tas-suq intern, proposta li tipprovdi lista komuni ta’ l-ingredjenti awtorizzati fil-prodotti tat-tabakk, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-perikolu ta’ dipendenza li dawn għandhom.

21      Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva:

“1. L-Istati Membri ma jistgħux, għall-konsiderazzjonijiet li jirrelataw mal-limitazzjoni tal-ħruġ [kontenut] tal-qatran, nikotina u carbon monoxide [ossidu tal-karbonju] tas-sigarretti, għat-twissijiet tas-saħħa u indikazzjonijiet oħra jew għal ħtiġijiet oħra taħt din id-Direttiva, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-importazzjoni, il-bejgħ jew konsum ta’ prodotti tat-tabakk li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, ħlief għall-miżuri meħuda għall-għanijiet ta’ verifikazzjoni tat-tagħrif provdut skond l-Artikolu 4.

2. Din id-Direttiva m’għandhiex teffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu, skond it-Trattat, regoli aktar iebsa dwar il-manufattura, importazzjoni, bejgħ u konsum ta’ prodotti tat-tabakk li huma jqiesu meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa pubblika, sal-limitu li dawk ir-regoli ma jippreġudikawx ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.

3. B’mod partikolari, l-Istati Membri jisgħu jipprovdu għall-projbizzjoni, sakemm tiġi stabbilita l-lista komuni ta’ l-ingredjenti riferita fl-Artikolu 12, ta’ l-użu ta’ ingredjenti li jkollhom effett li jżidu l-proprjetajiet ta’ dipendenza ta’ prodotti tat-tabakk.”

22      Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2002, jimplementaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva u għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

23      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva jħassar id-Direttivi 89/622 u 90/239.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk stabbiliti fir-Renju Unit. Huma ressqu quddiem il-qorti tar-rinviju talba bil-għan li jkunu awtorizzati jressqu rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) ta’ “l-intenzjoni u/jew ta’ l-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva billi ressqu seba’ eċċezzjonijiet ta’ invalidità fir-rigward tagħha.

25      Il-High Court of Justice (England & Wales) Queen’s Bench Division (Administrative Court) tat din l-awtorizzazzjoni u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1. Id-Direttiva 2001/37/KE hija totalment jew parzjalment invalida minħabba:

(a)      in-natura inadatta ta’ l-Artikoli 95 KE u/jew 113 KE bħala bażi legali;

(b)      l-użu ta’ l-Artikoli 95 KE u 133 KE bħala bażi legali doppja;

(c)      il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

(d)      il-ksur ta’ l-Artikolu 295 KE, tad-dritt fundamentali għal proprjetà u/jew ta’ l-Artikolu 20 tat-TRIPs;

(e)      il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE u/jew ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni;

(f)      il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

(g)      użu ħażin ta’ poter?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament u tal-Kunsill japplika biss għall-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati fi ħdan il-Komunità Ewropea, jew japplika wkoll għall-prodotti tat-tabakk imballati fil-Komunità Ewropea u intiżi għall-esportazzjoni lejn Stati terzi?”

26      B’digriet tas-26 ta’ Frar 2002, il-Hight Court awtorizzat lil Japan Tobacco Inc. u lil JT International SA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Japan Tobacco”) jintervjenu fil-proċeduri prinċipali, sabiex ikunu jistgħu jressqu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva.

27      Japan Tobacco Inc. hija l-proprjetarja tat-trade mark u JT International SA hija t-titulari esklussiva tal-liċenżja tat-trade mark għal sigaretti Mild Seven. Skond Japan Tobacco, l-Artikolu 7 tad-Direttiva, in kwantu dan għandu jkun interpretat bħala dispożizzjoni li tapplika għat-trade marks stabbiliti, huwa tali li jipprekludi l-benefiċċju jew l-użu, fil-Komunità, tal-proprjetà intelletwali tat-trade mark Mild Seven, fatt li, meta din id-dispożizzjoni tidħol fis-seħħ, jikkawża dannu gravi lill-valur ta’ din it-trade mark fid-dinja kollha.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

29      Huma tal-parir li din l-inammissibbiltà tirriżulta mill fatt li, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinvju kienet ġiet adottata qabel it-30 ta’ Settembru 2002, data li tikkostitwixxi t-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmija direttiva fir-Renju Unit ma kinitx għadha ġiet adottata fid-data tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Skond il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, f’sitwazzjoni bħal din, in-natura tad-direttivi u s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ l-atti Komunitarji jipprekludu li domandi dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ direttiva jistgħu validament jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja .

30      F’dan ir-rigward il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, minn naħa, isostnu li l-Qorti tal-Ġustizja ddeċidiet li direttiva tista’ tiġi invokata mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali biss wara li jkun skada t-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali u li qabel din id-data d-dispożizzjonijiet tagħha ma jistgħux joħolqu, fir-rigward tal-individwi, drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Vaneetveld, C-316/93, Ġabra p. I-763, punti 16 u 19).

31      Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-fatt li individwu jingħata l-permess jikkontesta l-validità ta’ direttiva f’kwistjoni quddiem qorti nazzjonali qabel ma jkun skada t-terminu previst għat-traspożizzjoni tagħha u fin-nuqqas ta’ miżuri li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali jista’ jikkostitwixxi mezz sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 230 KE, bi ksur tas-sistema ta’ rimedji legali stabbiliti mit-Trattat.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Skond l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, irrispettivament minn jekk dawn humiex direttament applikabbli jew le (ara f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Mejju 1976, Mazzalai, 111/75, Ġabra p. 657, punt 7, u ta’ l-10 ta’ Lulju 1997, Maso et, C-373/95, Ġabra p. I-4051, punt 28).

33      Direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha ma jkunx għadu skada tikkostitwixxi għalhekk tali att previst mill-Artikolu 234 KE, u rinviju għal deċiżjoni preliminari li jikkonċerna tali att jista’ validament jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sakemm dan ir-rinviju jissodisfa barra minn hekk il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti mill-ġurisprudenza ta’ din l-istess qorti.

34      F’dan ir-rigward, għandu jkun mfakkar li, meta domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet Komunitarji hija mqajjma quddiem qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni fuq dan il-punt hijiex neċessarja sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha u, għaldaqstant, li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq din id-domanda. B’konsegwenza għal dan, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jittrattaw il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, obbligata tagħti deċiżjoni (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et, C-408/95, Ġabra p. I-6315, punt 19).

35      Madanakollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma tistax tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta, b’mod partikolari, jidher ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, m’għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija waħda ipotetika (ara, f’dan is-sens, b’mod parikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Sea-Land Service u Nedlloyd Lijnen, kawżi magħquda C-430/99 u C-431/99, Ġabra p. I-5235, punt 46).

36      Qabel kollox, fir-rigward tar-realtà tal-kawża prinċipali, għandu jkun osservat li mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ l-awtorizzazzjoni li ngħatatilhom għal dan il-għan mill-High Court, ir-rikorrenti fil-kawża prinċiplai jistgħu jippreżentaw rikors għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ “l-intenzjoni u/jew ta’ l-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva, anki jekk, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, it-terminu previst għat-traspożizzjoni tagħha kien għadu ma skadiex u anke jekk dan il-Gvern ma kienx għadu adotta ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-imsemmija rikorrenti u s-Secretary of State for Heath dwar jekk dan l-imsemmi rikors huwiex fondat.

37      Sussegwentement, fir-rigward tar-relevanza tad-domandi magħmula għall-fini tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, l-ewwel nett, għandu jkun irrilevat li l-eventwali invalidità tad-Direttiva ċertament tinfluwenza r-riżultat. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-fatt isostnu li t-traspożizzjoni ta’ direttiva mill-Gvern tar-Renju Unit permezz ta’ “regulations” adottati abbażi ta’ l-Artikolu 2(2) tal-European Communities Act 1972 hija suġġetta għall-kundizzjoni li din id-direttiva tkun valida, b’mod li l-invalidità tagħha timpedixxi li din tkun trasposta permezz ta’ “regulations” taħt l-imsemmija leġiżlazzjoni. It-tieni nett għandu jkun ikkonstatat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jista’ wkoll ikollha influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

38      Għaldaqstant, ma jirriżultax b’mod ċar li l-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva jew l-interpretazzjoni tagħha, mitluba mill-qorti tar-rinviju, m’għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew jikkonċernaw problema ta’ natura ipotetika.

39      Fir-rigward ta’ l-argument li l-fatt li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali jista’ jikkostitwixxi mezz sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 230 KE, għandu jiġi rrilevat li, fis-sistema kompluta ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri stabbiliti mit-Trattat KE bil-għan li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, fejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stipulati fir-raba’ subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, direttament jikkontestaw atti Komunitarji ta’ applikazzjoni ġenerali, huma jistgħu, skond il-każ, isostnu l-invalidità ta’ dawn l-atti jew, b’mod indirett taħt l-Artikolu 241 KE, quddiem il-qorti Komunitarja, jew quddiem il-qrati nazzjonali, u jitolbuhom, peress li m’għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex huma stess jikkonstataw l-invalidità ta’ l-imsemmija atti, jistaqsu f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Peguenos Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra I-6677, punt 40).

40      Għandu jkun ippreċizzat li l-possibbiltà għall-indiwidwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att Komunitarju ta’ applikazzjoni ġenerali mhijiex suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att effettivament diġà kien is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skond id-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li titressaq quddiem il-qorti nazzjonali kawża vera li fiha tqum, b’mod indirett, il-kwistjoni dwar il-validità ta’ att bħal dan. Din il-kundizzjoni hija bla dubju ta’ xejn sodisfatta fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mill-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza.

41      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq id-domanda 1(a)

42      Permezz tad-domanda 1(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva hijiex totalment jew parzjalment invalida minħabba l-fatt li l-Artikoli 95 KE u/jew 133 KE ma jipprovduwhiex b’bażi legali adatta.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

43      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, taħt l-Artikolu 152(4)(c) KE il-Komunità m’għandhiex il-komptenza sabiex tarmonizza r-regoli nazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika fihom infushom u li għandha kompetenza tadotta miżura ta’ armonizzazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE biss bil-kundizzjoni li din il-miżura effettivament għandha bħala għan it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u effetivament tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija jew għal-libertà li jkunu pprovduti servizzi jew ukoll għat-tneħħija ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, b’mod parikolari l-punti 84 u 95, iktar ’il quddiem is-“sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk”). F’dan il-każ, kuntrarjament għall-indikazzjonijiet li jinstabu fil-premessi tagħha, id-Direttiva, mhijiex initża sabiex tiżgura l-moviment liberu ta’ prodotti tat-tabakk, iżda hija intiża fir-realtà sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

44      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu wkoll li, peress li d-Direttiva 90/239 stabbilixxiet reġim totalment armonizzat applikabbli għall-kontenuti ta’ qatran tas-sigaretti, ma jistax ikun hemm iktar leġiżlazzjoni intiża sabiex jiġu milħuqa għanijiet li jikkonċernaw il-ksib tas-suq intern sabiex jitnaqqsu l-kontenuti ta’ qatran diġà ddefiniti. Anke jekk ikun aċċettat li l-leġiżlatur Komunitarju għandu s-setgħa li jerġa jilleġiżla f’qasam li diġà kien ġie armonizzat għal raġunijiet relatati mas-suq intern billi jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa, tali leġiżlazzjoni għandha għal ta’ l-anqas tkun ibbażata fuq żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi

45      Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 133 KE lanqas ma jista’ jikkostitwixxi bażi legali adatta għad-Direttiva, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tagħha, in kwantu jistabbilixxu rekwiżiti relatati mal-manufattura tas-sigaretti fil-Komunità, mhumiex intiżi sabiex jistabbilixxu politika kummerċjali komuni fir-rigward tar-reġim ta’ esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti, peress li tali rekwiżiti ta’ manufatura ma jikkonċernawx speċifikament il-kummerċ internazzjonali, iżda xorta waħda jaffetwaw il-kummerċ intra-Komunitarju.

46      Skond Japan Tobacco, l-Artikolu 7 tad-Direttiva ma jistax isib bażi legali fl-Artikolu 95 KE jew fl-Artikolu 133 KE, b’mod partikolari minħabba l-fatt li xejn ma jipprova li ostakoli għall-kummerċ jew distorzjonijiet tal-kompetizzjoni setgħu jirriżultaw fin-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 7.

47      Il-Gvern Ġermaniż jisħaq li l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva mhux biss jipprojbixxi l-kummerċ tas-sigaretti li ma jissodisfawx il-kontenuti massimi li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, iżda wkoll jipprojbixxi l-manufattura tagħhom. L-Artikolu 3(2) jipprevedi regoli differenti skond jekk il-manufattura sseħħx għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fi ħdan il-Komunità jew ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Skond dan il-Gvern il-projbizzjoni ta’ manufattura prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva għandha, fir-relazzjonijiet ma’ dawn ta’ l-aħħar, in-natura ta’ projbizzjoni ta’ esportazzjoni.

48      Barra minn dan, skond il-Gvern Ġermaniż, jirriżulta b’mod partikolari mill-aħħar sentenza tal-Premessa 11 tad-Direttiva li din il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ lejn pajjiżi terzi ta’ sigaretti li l-kontenut ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ ossidu tal-karbonju tagħhom ma jirrispettax ir-rekwiżiti tad-Direttiva hija intiża sabiex jiġi evitat li dawn il-prodotti jkunu kkummerċjalizzati fil-Komunità wara li jkunu illegalment importati mill-ġdid, fatt li jippreġudika d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern.

49      Skond dan il-Gvern, il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni in kwistjoni ma tistax effettivament tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern peress li, sa fejn jaf hu, is-sigaretti importati illegalment fil-Komunità huma f’kull każ kważi esklussivament immanufatturati f’pajjiżi terzi u mhux fil-Komunità.

50      Barra minn dan, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-importazzjoni illegali ta’ sigaretti tikkostitwixxi l-ewwel u qabel kollox evażjoni mid-dazju doganali u mit-taxxi applikabbli għall-prodotti tat-tabakk u għandha tkun megħluba permezz ta’ kontroll iktar effettiv fil-fruntieri tal-Komunità.

51      Skond il-Gvern Ġermaniż l-Artikolu 133 KE lanqas ma jista’ jikkostitwixxi bażi legali adatta għall-projbizzjoni ta’ esportazzjoni in kwistjoni, peress li l-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa limitat għall-miżuri primarjament intiżi sabiex jinfluwenzaw il-volum ta’ kummerċ jew il-fluss kummerċjali mal-pajjiżi terzi, li mhuwiex il-każ hawnhekk, peress li l-projbizzjoni ta’ esportazzjoni tikkonċerna biss l-importazzjonijiet mill-ġdid b’mod illegali fil-Komunità sabiex tkun imħarsa s-saħħa taċ-ċittadini Komunitarji.

52      Il-Gvern Elleniku jsostni li l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva, in kwantu dawn japplikaw għall-prodotti mmanufatturati jew ippakkettjati fi ħdan il-Komunità, iżda intiżi sabiex ikunu kkonsumati barra mill-Komunità, mhumiex intiżi sabiex jiffaċilitaw il-moviment ta’ prodotti tat-tabakk fi ħdan is-suq intern jew sabiex jevitaw li jkunu evitati r-regoli appikabbli f’dan ir-rigward fil-Komunità, u għaldaqstant, ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 95 KE.

53      Barra minn hekk, skond il-Gvern Elleniku, lanqas l-Artikolu 133 KE ma jista’ jkollu bażi legali adatta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva diskussa, peress li huwa għandu effett sfavorevoli fuq l-espotrazzjoni ta’ prodotti tal-Komunità lejn pajjiżi li mhumiex membri.

54      Il-Gvern Lussemburgiż minn naħa jsotni li d-Direttiva, in kwantu din tikkonċerna prodotti kkummerċjalizzati fi swieq barra mill-Komunità, ma tistax tkun ibbażata la fuq l-Artikolu 95 KE u lanqas fuq l-Artikolu 133 KE, u minn naħa l-oħra, b’mod iktar ġenerali, li l-għan veru tagħha huwa biss il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, qasam li fir-rigward tiegħu l-armonizazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri hija eskluża mill-Artikolu 152 KE.

55      Il-Gvern Lussemburgiż partikolarment isostni li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva għall-prodotti tat-tabakk intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi hija bbażata fuq l-idea li prodotti li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jistgħu jkunu illegalment importati mill-ġdid fil-Komunità. Skond dan il-Gvern, din hija sempliċiment ipoteżi, ikkontradixxuta mill-fatti. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tas-sigaretti illegalment importati fil-Komunità huma mmanufatturati f’pajjiżi terzi. Barra minn dan, miżura li ma tikkonċernax speċifikament il-kummerċ internazzjonali u li tikkonċerna bl-istess mod, jekk mhux iktar, il-kummerċ intern ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 133 KE.

56      Il-Gvern tar-Renju Unit, Belġjan, Franċiż, Irlandiż, Taljan, Olandiż u Żvediż, kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, isostnu li l-Artikoli 95 KE u 133 KE jikkostitwixxu l-bażi legali adatta tad-Direttiva. Fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-Artikolu 95 KE, huma b’mod partikolari jsostnu li din effettivament hija intiża sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk u li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 95(3) KE, din hija intiża sabiex tilħaq, fil-kuntest ta’ l-armonizzazzjoni li din tikseb, l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali tad-Direttiva, il-Parlament u l-Kunsill, b’mod partikolari, jikkunsidraw li dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva, li minnu jirriżulta li sigaretti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux ikunu mmanufatturati fil-Komunità bil-għan li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi, irid jilħaq fl-istess ħin għan ta’ protezzjoni tas-suq intern mill-importazzjonijiet mill-ġdid fil-Komunità ta’ sigaretti li ma jkunux konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u għan li jiġu rregolati esportazzjonijiet lejn l-imsemmija pajjiżi, li huwa koness ma’ l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

57      Il-Gvern Finlandiż isostni li l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxi l-bażi legali adatta tad-Direttiva, filwaqt li l-użu ta’ l-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali tagħha mhuwiex neċessarju. F’dan ir-rigward huwa jsostni li l-għan ewlieni tad-Direttiva huwa li tqarreb il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sabiex tistabbilixxi s-suq intern fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk. Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll ir-regolazzjoni tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi jikostitwixxu biss għanijiet sekondarji meta mqabbla ma’ dan l-għan ewlieni.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      F’dan il-każ għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxix bażi legali adatta għad-Direttiva u, fl-affermattiv, għandu jiġi stabbilit jekk l-użu ta’ l-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali tagħha huwiex neċessarju jew possibbli f’dan il-każ.

59      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 100a(1) tat-Trattat KE (li sar Artikolu 95(1) KE).

60      Qabel kollox għandu jkun ikkonstat li jirriżulta mill-punti 83, 84, u 95 tas-sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk li l-miżuri previsti min din id-dispożizzjoni huma intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u għandhom effetivament ikollhom dan il-għan, billi jikkontribwixxu sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija jew għal-libertà li jkunu pprovduti servizzi jew ukoll għat-tneħħija ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni.

61      Għandu wkoll ikun mfakkar li mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm l-użu ta’ l-Artikolu 95 bħala bażi legali huwa possibbli sabiex jiġi evitat li fil-futur ikun hemm ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp varjat tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, tali ostakoli għandhom ikunu probabbli u l-miżura in kwistjoni għandha tkun intiża sabiex tipprevenihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill, C-350/92, Ġabra p. I-1985, punt 35, kif ukoll is-sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk, punt 86, u s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 15).

62      Fl-aħħar, sakemm il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali jkunu sodisfatti, il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax ikun impedit milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali għar-raġuni li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fattur deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru (ara f’dan is-sens, il-punt 88 tas-sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk). Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 152(1) KE jistipola li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa umana għandu jkun żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u fl-attivitajiet kollha tal-Komunità u l-Artikolu 95(3) KE espressament jeħtieġ li fl-ilħieq ta’ l-armonizzazzjoni, għandu jkun garantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

63      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali humiex sodisfatti fil-każ tad-Direttiva.

64      Qabel kollox, hemm lok li jkunu nnotati l-kunsiderazzjonijiet segwenti. Minn naħa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-Komunità, is-suq tal-prodotti tat-tabakk, u b’mod partikolari dak tas-sigaretti, huwa suq li fih il-kummerċ bejn Stati Membri jirrappreżenta parti relativament importanti. Min-naħa l-oħra, ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li prodotti għandhom jissodosfaw, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-denominazzjoni, il-kompożizzjoni u l-ittikkettjar tagħhom, fihom infushom jistgħu, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju, jikostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, punt 15).

65      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni diġà adottati, jiġifieri d-Direttiva 89/622, f’dak li jikkonċerna l-ittikkettjar ta’ prodotti tat-tabakk, u d-Direttiva 90/239, f’dak li jikkonċerna l-kontenut massimu ta’ qatran tas-sigaretti, differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-manufattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk, li joħolqu ostakoli għall-kummerċ, kienu diġà rriżultaw, jew kien hemm probabbiltà kbira li jirrużultaw, fid-data ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva.

66      Fil-fatt minn naħa, ċerti dispożizzjonijiet ta’ miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzzjoni diġà adottati jinkludu biss rekwiżiti minimi, u jħallu lill-Istati Membri ċerta setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom jaddattawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1993, Philip Morris Belgium et, C-222/91, Ġabra p. I-3469, punt 11 u 17, kif ukoll Gallaher et, C-11/92, Ġabra p. I-3545, punti 14 u 20 ). Min-naħa l-oħra, peress li d-Direttivi 89/622 u 90/239 jikkonċernaw biss aspetti tal-kundizzjonijiet għall-manufattura, preżentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk, l-Istati Membri huma liberi li jadotttaw regoli nazzjonali fir-rigward ta’ l-aspetti mhux koperti minn dawn id-Direttivi.

67      F’dan il-kuntest, meta wieħed jikkunsidra l-fatt li l-pubbliku huwa dejjem iktar konxju tan-natura ta’ ħsara għas-saħħa li għandhom il-prodotti tat-tabakk, huwa probabbli li jinħolqu ostakoli għall-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti minħabba l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ġodda li jirriflettu dan l-iżvilupp, intiżi sabiex jiskuraġġixxu b’mod iktar effettiv il-konsum ta’ dawn il-prodotti, permezz ta’ tagħrif u twissijiet fuq l-imballaġġ tagħhom, jew sabiex inaqqasu l-effetti ta’ ħsara tal-prodotti tat-tabakk permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda dwar il-kompożizzjoni tagħhom.

68      Din l-analiżi hija kkonfermata mill-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-premessi tad-Direttiva u mill-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-proċeduri.

69      Għaldaqstant, mill-Premessa 7 tad-Direttiva jirriżulta li diversi Stati Membri kienu qegħdin jaħsbu li jadottaw miżuri li jistabbilixxu l-kontenuti massimi ta’ ossidu tal-karbonju tas-sigaretti jekk miżuri bħal dawn ma ttieħdux fuq il-livell Komunitarju.

70      Bl-istess mod, milll-Premessa 9 tad-Diretiva jirriżulta li kienu inħolqu differenzi fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-limitazzjoni tal-kontenut massimu ta’ nikotina tas-sigaretti. L-osservazzjonijiet ppreżentati matul il-proċeduri wrew li tliet Stati Membri kienu diġà intoduċew dawn il-limitazzjonijiet u li diversi oħra kienu qegħdin jaħsbu biex jagħmlu dan. Anke jekk ikun aċċettat li, b’rigward għal-livelli li fuqhom dawn kienu ffissati u għar-rabta biokimika li hemm bejn il-qatran u n-nikotina, dawn il-limitazzjonijiet, fil-prattika, ma kinux jirrappreżentaw ostaklu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ sigaretti li kienu konformi mar-rekwiżiti dwar il-kontenut massimu ta’ qatran permess mid-dritt Komunitarju, xorta jibqa’ l-fatt li l-iffissar minn ċerti Stati Membri ta’ kontenuti massimi speċifiċi għan-nikotina ħoloq ir-riskju li t-tnaqqis sussegwenti ta’ dawn iwassal għall-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ.

71      Barra minn dan il-Premessa 13 tad-Direttiva ssemmi l-eżistenza ta’ negozjati intiżi sabiex iħejju Konvenzjoni Kwadru ta’ l-Organizzazjoni Dinjija tas-Saħħa fuq il-Kontroll tat-Tabakk, li tinkludi d-definizzjoni ta’ standards internazzjonalment applikabbli għall-prodotti tat-tabakk.

72      Barra minn dan, il-Premessi 19 u 22 tad-Direttiva jirreferu għall-eżistenza, fl-Istati Membri, ta’ leġiżlazzjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-preżentazzjoni tat-twissijiet u l-indikazzjoni tal-kontenuti ta’ sustanzi ta’ ħsara u, min-naħa l-oħra l-ingredjenti u l-adittivi użati fil-manufattura tal-prodotti tat-tabakk.

73      Fl-aħħar nett, mill-proċedura bil-miktub jirriżulta li Stat Membru kien adotta dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ xi wħud mit-testi deskrittivi msemmija fil-Premessa 27 tad-Direttiva u previsti fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva.

74      Għandu wkoll jintqal li, b’differenza għad-diretiva in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk, id-Direttiva tinkludi, fl-Artikolu 13(1) tagħha dispożizzjoni li tiggarantixxi l-moviment liberu tal-prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tagħha. Din id-dispożizzjoni, billi timpedixxi lill-Istati Membri jopponu, għal motivi relatati mal-aspetti li din tarmonizza, għall-importazzjoni, għall-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk li huma konformi mad-Direttiva, tagħti lil din ta’ l-aħħar effett sħiħ fir-rigward ta’ l-għan tagħha li ttejjeb il- kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

75      Minn dan jirriżulta li d-Direttiva effettivament għandha l-għan li ttejjeb il- kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern u li, għaldaqstant, din setgħet tkun adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 95 KE, mingħajr ma jista’ jkun ta’ ostakolu għal dan il-fatt li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika kienet fattur deċiżiv fl-għażliet li jinvolu l-miżuri ta’ armonizzazzjoni li din tistabbilixxi.

76      Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-argument ibbażat fuq il-fatt li, peress li d-Direttiva 90/239 stabbiliet sistema kompletament armonizzata applikabbli għall-kontenuti ta’ qatran, il-leġiżlatur ma setax jintervjeni mill-ġdid abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE sabiex jirregola din il-kwistjoni jew, f’kwalunkwe każ, seta’ jagħmel hekk biss billi jibbaża ruħu fuq fatti xjentifiċi ġodda.

77      Fil-fatt, peress li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-kontenut massimu ta’ qatran tas-sigaretti kienet ġiet irregolata b’mod eżawrjenti mil-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva 90/239, l-Istati Membri ma kellhomx iktar is-setgħa sabiex individwalment jabbozzaw regoli relatati ma’ din il-kwistjoni. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’sitwazzjoni bħal din il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jeżegwixxi b’mod korrett il-kompitu li huwa għandu li jħares l-interessi ġenerali rikonoxxuti mit-Trattat, bħas-saħħa pubblika, biss jekk huwa jista’ jemenda l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti sabiex tirrefletti kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew kull żviluppp ta’ tagħrif.

78      Minn dan isegwi li, anki meta dispożizzjoni Komunitarja tigarantixxi t-tneħħija ta’ l-ostakoli kollha għall-kummerċ fil-qasam li hija tarmonizza, dan il-fatt ma jistax iċaħħad lill-leġiżlatur Komunitarju mill-possibbiltà li jemenda din id-dispożizzjoni abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oħra.

79      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, mill-Artikolu 95(3) KE jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju, għandu jigarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fl-armonizzazzjoni mwettqa, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi.

80      Madankollu, il-progress fit-tgħarif xjentifku mhuwiex l-uniku motif li għalih il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jiddeċiedi li jemenda l-leġiżlazzjoni Komunitarja peress li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu f’dan il-qasam, huwa għandu jikkunsidra wkoll kunsiderazzjonijiet oħra, bħall-importanza li żdiedet mogħtija fuq il-livell politiku u soċjali lill-kampanja kontra t-tipjip.

81      Il-konklużjoni li l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxi bażi legali adatta għall-adozzjoni tad-Direttiva lanqas mhija kkontestata mill-argument ibbażat fuq il-fatt li l-projbizzjoni ta’ manufattura fil-Komunità, bil-għan li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi, ta’ sigaretti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva effettivament ma tikkontribwixxix għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

82      Fil-fatt, għalkemm il-projbizzjoni ta’ manufattura in kwistjoni mhijiex dispożizzjoni direttament intiża sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li att adottat abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE jista’ jinkludi dispożizzjoni bħal din, sakemm din hija intiża sabiex jiġi żgurat li ċertu projbizzjonijiet li għandhom dan il-għan stabbiliti fir-rigward tas-suq intern ma jkunux evitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk, punt 100).

83      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li riskji ta’ importazzjonijiet mill-ġdid b’mod illegali jew ta’ devjazzjoni tal-kummerċ, tali li jikkompromettu l-effettività ta’ miżura Komunitarja adottata fil-qasam tal-politika agrikola komuni, jiġġustifikaw projbizzjoni ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi (sentenza tal-5 ta’Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummisjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punti 62 u 109).

84      F’dan il-każ, mill-Premessa 11 tad-Direttiva, dwar l-effetti tagħha fuq il-prodotti tat-tabakk esportati mill-Komunità, jirriżulta li r-regoli li hija tinkludi f’dan ir-rigward kienu ġew adottati sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern li din tistabbilixxi ma jkunux ippreġudikati.

85      Mill-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-proċeduri jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju f’dan il-każ ried jevita li jkunu ppreġudikati d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk li jista’ jirriżulta minn importazzjonijiet mill-ġdid b’mod illegali fil-Komunità jew minn devjazzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-istess Komunità, li jaffettwaw prodotti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva fir-rigward tal-kontenuti massimi ta’ċerti sustanzi applikabbli għas-sigaretti.

86      Huwa veru li d-data pprovduta mill-partijiet fil-proċeduri prinċipali, mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet matul dawn il-proċeduri, imsemmija fil-punt 64 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ma jippermettux li jkun evalwat bi preċiżjoni l-volum ta’ kummerċ illegali ta’ sigaretti mmanufatturati fil-Komunità u mibjugħa illegalment fis-suq ta’ din l-istess Komunità wara li kienu importati mill-ġdid minn pajjiżi terzi jew imqegħda direttament f’dan is-suq meta dawn kienu intiżi għall-esportazzjoni lejn dawn l-aħħar pajjiżi. Kif isostni l-Gvern Ġermaniż, huwa ukoll veru li peress li l-kawża tal-kummerċ illegali tas-sigaretti hija essenzjalment il-profitt magħmul minħabba l-fatt li din il-merkanzija tevadi l-ħlas tat-taxxi fiskali u doganali li normalment hija suġġetta għalihom, il-fatt li d-dispożizzjonijiet relatati mal-kompożizzjoni tas-sigaretti huma evitati mhuwiex determinanti f’dan il-qasam.

87      Madankollu, huwa inkontestabbli li s-suq tas-sigaretti huwa partikolarment favorevoli għall-iżvilupp ta’ kummerċ illegali u li, jekk il-manufattura fil-Komunità stess ta’ sigaretti li ma jistgħux legalment jitqegħdu jew jiġu kkummerċjalizzati fi ħdan din l-istess Komunità kienet awtorizzata, dan ikun tali li jżid ir-riskji ta’ frodi.

88      Barra minn dan, ir-riskji li l-effettività tal-miżuri ddefiniti mid-Direttiva tkun ippreġudikata m’għandhomx biss ikunu evalwati fir-rigward tas-sitwazzjoni preċedenti għall-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-effetti prevedibbli tad-dispożizzjonijiet tagħha fuq in-natura u l-volum tal-kummerċ illegali tas-sigaretti.

89      F’dan ir-rigward, huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li tnaqqis tal-kontenut massimu ammissibbli ta’ qatran għal kull sigarett u l-introduzzjoni tal-kontenuti massimi ta’ nikotina u ossidu tal-karbonju, billi l-konsumaturi jkunu mċaħda mill-possibbiltà li jixtru legalment il-prodotti li mhumiex konformi ma’ dawn il-kontenuti massimi li huma kienu mdorrijin jikkunsmaw qabel l-introduzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti l-ġodda, huwa ta’ natura li jinkoraġġihom jixtru illegalment tali prodotti .

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni ta’ manufattura prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tista’ tkun meqjusa bħala miżura intiża sabiex jiġi evitat li jkunu maħruba l-projbizzjonijiet, ukoll previsti minn din id-dispożizzjoni, li jitqegħdu f’ċirkolazzjoni libera u li jiġu kkummerċjalizzati fl-Istati Membri sigraretti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

91      Minn dan jirriżulta li d-Direttiva setgħet tkun adottata abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE, inkluż safejn din tipprevedi l-projbizzjoni ta’ manufattura fil-Komunità ta’ sigaretti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3(1) bil-għan li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi.

92      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-użu ta’ l-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali tad-Direttiva kienx neċessarju jew possibbli f’dan il-każ, għandu jiġi indikat is-segwenti.

93      Bħala punt preliminari, għandu jkun mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Komunità, l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Fost tali elementi hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ April 2000, Il-Kummisjoni vs Il-Kunsill, C-269/97, Ġabra p. I-2257, punt 43, u tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill, C-36/98, Ġabra p. I-779, punt 58).

94      Jekk l-eżami ta’ att Komunitarju juri li dan għandu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn huwa identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss inċidentali, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri, dik li hija meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1999, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-42/97, Ġabra I-869, punti 39 u 40, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). Eċċezzjonalment, jekk ikun stabbilit li l-att irid simultanjament jilħaq diversi għanijiet, li huma marbuta b’mod li ma jistgħux ikunu separati, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett fir-rigward ta’ l-ieħor, tali att jista’ jkun ibbażat fuq id-differenti bażijiet legali korrispondenti (Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 23).

95      Fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti u tal-konklużjoni li tinstab fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva ma setax ikollha simultanjament bħala bażi legali l-Artikoli 95 KE u 133 KE.

96      Fil-fatt, mingħajr mhuwa neċessarju li jkun eżaminat jekk, fid-dispożizzjonijiet tagħha li jaffettwaw il-prodotti tat-tabakk esportati lejn pajjiżi terzi, id-Direttiva riditx tilħaq ukoll għan li huwa marbut ma’ l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 133 KE, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull każ, dan l-għan huwa biss, fid-dawl ta’ l-għan u tal-kontenut tad-Direttiva fit-totalità tagħha, ta’ natura sekondarja meta mqabbel ma’ l-għan prinċipali li din trid tilħaq, li huwa li ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

97      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxi l-unika bażi legali adatta tad-Direttiva u li huwa żbaljat li din issemmi wkoll l-Artikolu 133 KE bħala bażi legali.

98      Madankollu, din ir-referenza żbaljata għall-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali tad-Direttiva fiha nnifisha ma twassalx għall-invalidità tagħha. Żball bħal dan fil-bażi legali ta’ att Komunitarju fil-fatt jikkostitwixxi biss żball purament formali, ħlief jekk dan ivvizzja b’irregolarità l-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-165/87, Ġabra p. 5545, punt 19), kwistjoni li, fil-każ tad-Direttiva, hija s-suġġett tad-domanda 1(b), eżaminata fil-punti 100 u 111 ta’ din is-sentenza.

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar id-domanda 1(a) jirriżulta li d-Direttiva mhijiex invalida minħabba nuqqas ta’ bażi legali adatta.

 Fuq id-domanda 1(b)

100    Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-użu tal-bażi legali doppja ta’ l-Artikoli 95 KE u 133 KE ivvizzjax b’irregolarità l-proċedura ta’ adozzjoni tad-Direttiva, minħabba l-applikazzjoni ta’ żewġ proċeduri leġiżlattivi inkompatibbli ma’ xulxin, u jekk id-Direttiva hijiex invalida minħabba dan.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

101    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-proċeduri leġiżlattivi li l-Komunità għandha ssegwi meta tadotta att abbażi ta’ l-Artikoli 95 KE u 133 KE rispettivament huma differenti u inkonsistenti bejniethom, b’mod li l-użu ta’ din il-bażi legali doppja mhuwiex awtorizzat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummisjoni vs Il-Kunsill, C-3000/89, (“Dijossidu tat-titanju” Ġabra p. I-2867, punti 17-21). Fil-fatt l-Artikolu 95 KE jobbliga lill-Kunsill jaġixxi flimkien mal-Parlament skond il-proċedura ta’ ko-deċiżjoni prevista fl- Artikolu 251 KE, filwaqt li l-Artikolu 133 KE jistabbilixxi proċedura li fiha l-parteċipazzjoni tal-Parlament mhijiex prevista u l-Kunsill jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata. L-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ko-deċiżjoni fl-adozzjoni ta’ miżura li tikkonċerna l-politika kummerċjali komuni, filwaqt li l-Artikolu 133 KE lanqas biss jipprevedi l-konsultazzjoni mal-Parlament, tkun kuntrarja għall-qsim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet intiża mit-Trattat

102    Il-Gvern tar-Renju Unit, Franċiż, Taljan, Olandiż, Finlandiż u Żvediż, kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikoli 95 KE u 133 KE ma jikkostitwixxux żewġ bażijiet legali inkompatibbli ma’ xulxin. Huma jisħqu, essenzjalment li, għalkemm dawn iż-żewġ Artikoli tat-Trattat jinvolvu l-applikazzjoni ta’ proċeduri leġiżlattivi differenti, dawn, bid-differenza għall-proċeduri in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dijossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, mhumiex inkompatibbli ma’ xulxin peress li dawn jistgħu jkunu kkumulati mingħajr ma tkun mibdula l-portata tal-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċedura leġiżlattiva.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

103    Qabel kollox għandu jkun mfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxi l-uniku bażi legali adatta tad-Direttiva. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda 1(b) għandu jiġi ddeterminat jekk il-proċedura leġiżlattiva li effettivament ġiet segwita fl-adozzjoni tad-Direttiva, abbażi ta’ l-Artikoli 95 KE u 133 KE, tissodisfax ir-rekwiżiti tal-proċedura leġiżlattiva applikabbli meta att Komunitarju huwa adottat abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE waħdu.

104    L-Artikolu 95(1) KE jipprevedi li l-miżuri adottati abbażi tiegħu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura ta’ ko-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 251 KE u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

105    Huwa kostanti li din il-proċedura ġiet segwita f’dan il-każ meta ġiet adottata d-Direttiva.

106    Barra minn dan, iż-żieda ta’ l-Artikolu 133 KE ma’ l-Artikolu 95 KE bħala t-tieni bażi legali tad-Direttiva ma ppreġudikatx is-sostanza tal-proċedura ta’ ko-deċiżjoni segwita f’dan il-każ.

107    Fil-fatt l-Artikolu 133(4) KE jipprevedi li, fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilu permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

108    Għaldaqstant, il-fatt li l-proċedura prevista għall-adozzjoni ta’ atti bbażati fuq din it-tieni bażi legali ġiet imsegwija ma wassalx għall-obbligu tal-Kunsill li jaġixxi f’kull każ b’mod unanimu, peress li għandu jkun imfakkar li, fil-proċedura ta’ ko-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE, huwa bħala regola ġenerali għandu jaġġixxi b’maġġoranza kwalifikata, ħlief meta japprova l-emendi għall-pożizzjoni kommuni magħmula mill-Parlament u li fir-rigward tagħhom il-Kummisjoni tat opinjoni negattiva, f’liema każ huwa għandu jaġixxi b’mod unanimu.

109    Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, b’differenza għas-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dijossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, id-distinzjoni bejn il-każijiet li fihom il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u dawk li fihom għandu jaġixxi b’mod unanimu, li tikkostitwixxi l-element essenzjali tal-proċedura leġiżlattiva, mhija bl-ebda mod kompromessa f’dan il-każ minħabba r-referenza simultanja għaż-żewġ bażijiet legali msemmija fid-Direttiva.

110    Fir-rigward ta’ l-argument li l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ko-deċiżjoni fl-adozzjoni ta’ miżura li tikkonċerna l-politika kummerċjali komuni hija kuntrarja għall-qsim ta’ kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet intiż mit-Trattat, dan huwa f’kwalunkwe każ irrilevanti f’dan il-każ peress li, kif jirriżulta mill-punt 97 ta’ din is-sentenza, id-Diretiva ma tikkostitwixxix att li kellu jkun adottat abbażi ta’ l-Artikolu 133 KE.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar id-domanda 1(b) jirriżulta li l-użu tal-bażi legali doppja ta’ l-Artikoli 95 KE u 133 KE ma vvizzjax b’irregolarità l-proċedura ta’ adozzjoni tad-Direttiva u li din id-direttiva mhijiex invalida minħabba dan.

 Fuq id-domanda 1(c)

112    Permezz tad-domanda 1(c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva hijiex totalment jew parzjalment invalida minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

113    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaffermaw li, anke jekk kellu jkun ammess li d-Direttiva tista’ effettivament ikollha bħala għan l-istabbiliment ta’ suq intern jew ta’ politika kummerċjali komuni, hija tipprova tilħaq dawn l-għanijiet b’mod sproporzjonat, li japplika l-iktar b’mod partikolari għall-Artikoli 5 u 7 kif ukoll għall-applikazzjoni tagħha għas-sigaretti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

114    Fir-rigward ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva huma partikolarment isostnu, li l-projbizzjoni ta’ testi deskrittivi li jirreferu għal kontenuti ta’ sustanzi ta’ ħsara iktar baxxi mhijiex koerenti ma’ l-għan iddikjarat ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva li jrid inaqqas iktar il-livelli ta’ qatran għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Huma wkoll jisħqu li l-Artikolu 7 jikkostitwixxi interferenza mad-drittijiet tagħhom ħafna ikbar minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li d-dispożizzjoni tallega li għandha. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti, li sempliċiment tipprevedi dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ testi deskrittivi, tagħti eżempju tajjeb ta’ leġiżlazzjoni li twassal għal inqas interferenza mad-drittijiet tal-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk filwaqt li tipproteġi s-saħħa pubblika.

115    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaffermaw ukoll li l-projbizzjoni ta’ manufattura għal finijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ sigaretti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva mhijiex metodu adatt sabiex ma jkunux evitati l-limiti ġodda stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari peress li l-maġġoranza kbira ta’ sigaretti importati illegalment fil-Komunità huma mmanufatturati barra mill-Komunità.

116    Skond Japan Tobacco, l-Artikolu 7 tad-Direttiva, in kwantu dan japplika għat-trade marks stabbiliti, jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità. F’dan ir-rigward huwa affermat li din id-dispożizzjoni mhijiex il-mezz l-inqas restrittiv sabiex jiġu milħuqa l-għanijiet tad-Direttiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Premessa 27 tad-Direttiva hija bbażata fuq il-premessa li l-konsumaturi jinjoraw li l-kontenuti ta’ qatran u ta’ nikotina li huma jiġbdu jistgħu jkunu influwenzati mill-komportament tat-tipjip tagħhom; għaldaqstant kien ikun biżżejjed li jkun hemm messaġġ għal dan il-għan fuq l-imballaġġ minflok li jkun ipprojbit l-użu ta’ testi deskrittivi. Barra minn dan, klawżola relatata mad-drittijiet akkwistati setgħet kienet prevista fid-Direttiva, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 għat-trade marks li diġà kienu rreġistrati, bħal Mild Seven.

117    Il-Gvern Ġermaniż, Elleniku u Lussemburgiż jaffermaw li l-projbizzjoni ta’ manufattura għal finijiet ta’ esportazzjoni, prevsita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti testi deskrittivi stipulata fl-Artikolu 7 tagħha, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità in kwantu dawn huma inadatti u jippreġudikaw eċċessivament l-interessi ekonomiċi tal-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3, huma jsostnu b’mod partikolari li dan ma jiippermettix li tkun garantita protezzjoni effettiva kontra r-riskju ta’ importazzjonijiet illegali ta’ sigaretti fil-Komunità, minħabba l-volum negliġibbli ta’ sigaretti importati mill-ġdid f’din ta’ l-aħħar, u li tali riskju jista’ iktar ikun evitat permezz ta’ l-infurzar tal-kontrolli ta’ importazzjoni. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, dawn il-Gvernijiet b’mod partikolari jsostnu li, b’kuntrast għall-projbizzjoni assoluta ta’ l-użu ta’ testi deskrittivi prevista f’din id-dispożizzjoni, regolazzjoni ta’ l-użu tagħhom, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola, ibbażata fuq klassifikazzjoni tal-prodotti skond il-kontenut ta’ qatran u ta’ nikotina tagħhom, kienet tippermetti li tingħata informazzjoni oġġettiva lill-konsumatur mingħajr ma jkunu eċċessivament affettwati l-interessi ekonomiċi tal-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk.

118    Il-Gvern Belġjan, Franċiż u Żvediż, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummisjoni, isostnu li d-Direttiva hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità in kwantu d-dispożizzjonijiet tagħha ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-prodotti tat-tabakk u sabiex, fl-istess ħin, ikun garantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

119    F’dawk li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 7 tad-Direttiva, il-Gvern Franċiż jirrileva li din id-dispożizzjoni ma tiprojbixxix l-indikazzjonijiet jew il-preżentazzjonijiet kollha ta’ sigaretti li jistgħu jiġbdu l-attenzjoni ta’ minn ipejjep jew li jikkonkwistawh, iżda esklussivament biss dawk li jindikaw li prodott tat-tabakk partikolari huwa inqas ta’ ħsara mill-oħrajn.

120    Skond il-Gvern Żvediż, peress li l-użu ta’ prodotti tat-tabakk huwa assoċjat ma’ riskji serji għas-saħħa, huwa b’mod partikolari importanti li l-konsumaturi ma jkunux imqarqa fir-rigward tar-riskji marbuta ma’ dan il-konsum u huwa diffiċli li tinstab alternattiva għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7 li tkun tista’ tasal għall-istess riżultat bħal din, iżda li jkollha inqas effetti fir-rigward tal-proprjetarji tat-trade marks.

121    Il-Kummisjoni ssostni li l-imsemmi Artikolu 7 mhuwiex inkompattibbli ma’ l-għan stipulat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, li huwa li jitnaqsu l-kontenuti ta’qatran tas-sigaretti. Fil-fatt, peress li t-testi deskrittivi ma kinux irregolati fuq il-livell Komuitarju, dawn setgħu jkunu użati mill-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk sabiex jindikaw karatteristiċi oħra ta’ sigarett, bħat-togħma, mingħajr ebda konnessjoni mal-kontenut tiegħu ta’ qatran, li seta’ jqarraq lill-konsumatur. Il-Kummisjoni żżid li, anke jekk is-sigaretti “ħfief” għandhom effettivament kontenut ta’ qatran iktar baxx, ħafna mill-persuni li jpejjpu huma mqarqa għaliex jingħataw l-impressjoni żbaljata li dawn il-prodotti fil-fatt ma jagħmlux ħsara, fatt li mhuwiex veru, b’mod partikolari għaliex id-duħħan tas-sigaretti wkoll għandu prodotti ta’ ħsara oħra li mhumiex irregolati mid-Direttiva.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

122    Bħala punt preliminari, għandu jkun mfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeħtieġ li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq u ma jmorrux ’lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra, p. 4587, punt 15; tas-7 ta’ Diċembru 1993, ADM Ölmühlen, C-339/92, Ġabra p. I-6473, punt 15, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 59).

123    F’dak li jrrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti preċedenti, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur Komunitarju għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam bħal dan ta’ dan il-każ, li jimplika min-naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih huwa mitlub jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. B’konsegwenza għal dan, il-legalità ta’ miżura adottata f’dan il-qasam tista’ tkun affettwata biss minn natura manifestament inadatta ta’ tali miżura fir-rigward ta’ l-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 58, tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punti 55 u 56, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 61).

124    Fir-rigward tad-Direttiva, mill-Premessi 1, 2 u 3 tagħha jirriżulta li l-għan tagħha huwa li, permezz ta’ l-approssimazzjoni tar-regoli applikabbli f’dan il-qasam, ikunu eliminati l-ostakoli li jirriżultaw mid-differenzi li, minkejja l-miżuri ta’ armonizzazzjoni diġà adottati, għandhom jeżistu bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri fuq il-manufattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk u li jostakolaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Barra minn dan mill-Premessa 4 tagħha jirriżulta li, fit-twettieq ta’ dan il-għan, id-Direttiva tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, skond l-Artikolu 95(3) tat-Trattat.

125    Matul il-proċeduri, kienu invokati diversi argumenti sabiex tkun ikkontestata l-konformità tad-Direttiva mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-Artikoli 3, 5 u 7.

126    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jitqegħdu f’ċirkolazzjoni libera u li jiġu kkummerċjalizzati fi ħdan il-Komunità sigaretti li ma jirrispettawx il-kontenuti massimi ta’ qatran, nikotina u ossidu tal-karbonju, ikkompletata mill-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jawtorizzaw l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ sigaretti li jirrispettaw dawn il-kontenuti, skond l-Artikolu 13(1) ta’ l-imsemmija direttiva, hija miżura adatta biex jitwettaq l-għan li din trid tilħaq u li, b’kunsiderazzjoni għall-obbligu li l-leġiżlatur Komunitarju għandu li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, ma teċċedix dak li huwa neċessarju biex dan il-għan jiġi milħuq.

127    It-tieni nett, fir-rigward tal-projbizzjoni, ukoll prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jiġu mmanufatturati sigaretti li ma jirrispettawx il-kontenuti massimi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, din hija intiża, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi evitat li jkunu ppreġudikati d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk li jista’ jirriżulta minn importazzjonijiet mill-ġdid b’mod illegali fil-Komunità jew minn devjazzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-istess Komunità fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3(1).

128    Il-proporzjonalità ta’ din il-projbizzjoni ta’ manufattura ġiet ikkontestata, minħabba li din mhijiex miżura adatta sabiex tilħaq l-għan tagħha u minħabba li din tmur ’lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jiġi milħuq, b’mod partikolari peress li miżura alternattiva, bħall-infurzar tal-kontrolli ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi, kienet tkun biżżejjed.

129    F’dan ir-rigward għandu jkun indikat li, għalkemm il-projbizzjoni in kwistjoni waħeda ma tippermettix li jkun evitat l-iżvilupp tal-kummerċ illegali ta’ sigaretti fil-Komunità, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li sigaretti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva jistgħu wkoll jitqegħdu illegalment fis-suq Komunitarju wara li jkunu ġew immanufatturati f’pajjiżi terzi, il-leġiżlatur Komunitarju ma eċċediex il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu billi kkunsidra li tali projbizzjoni xorta waħda tikkostitwixxi miżura li tikkontribwixxi b’mod effikaċi sabiex ikun limitat ir-riskju li t-traffikar illegali ta’ sigaretti jkompli jikber u sabiex jiġi evitat li s-suq intern ikun konsegwentement ippreġudikat.

130    Lanqas mhuwa stabbilit li infurzar tal-kontrolli jkun biżżejjed f’dan il-każ sabiex jiġi milħuq l-għan li d-dispożizzjoni kkritikata trid tilħaq. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni ta’ manufattura in kwistjoni hija partikolarment adatta sabiex mill-bidu nett jiġu evitati devjazzjonijiet tal-kummerċ fir-rigward ta’ sigaretti manufatturati fi ħdan il-Komunità u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, devjazzjonijiet li jikkostitwixxu forma ta’ frodi li, ex hypothesi, ma tistax tkun megħluba bl-istess effettività permezz ta’ miżura alternattiva bħall-infurzar tal-kontrolli fil-fruntieri tal-Komunità.

131    Fir-rigward ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva, l-obbligu li fuq il-pakketti tas-sigaretti jkun indikat il-kontenuti ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ ossidu tal-karbonju tagħhom u li fuq il-pakkett tal-prodotti jkun hemm twissijiet dwar ir-riskji għas-saħħa konnessi mal-prodotti tat-tabakk huma miżuri adatti sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fit-tneħħija ta’ l-ostakoli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq l-ittikkettjar. Dawn l-obbligi fil-fatt jikkostitwixxu mezz rikonoxxut li jinkoraġġixxi lill-konsumaturi jnaqqsu l-konsum tagħhom ta’ prodotti tat-tabakk jew li jiggwidhom lejn dawk il-prodotti li huma ta’ inqas ħsara għas-saħħa.

132    Għaldaqstant, billi impona fl-Artikolu 5 tad-Direttiva żieda fil-persentaġġ tal-wiċċ li għandu jkun irriżervat għal dawn l-indikazzjonijiet u twissijiet fuq ċerti naħat tal-pakketti tal-prodotti tat-tabakk, f’proporzjon li jħalli spażju suffiċjenti sabiex il-manufatturi ta’ dawn il-prodotti jkunu jistgħu jwaħħlu tagħrif ieħor, b’mod partikolari dawk relatat mat-trade marks tagħhom, il-leġiżlatur Komunitarju ma eċċediex il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu f’dan il-qasam.

133    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, hemm lok li jsiru l-osservazzjonijiet segwenti.

134    L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa spejgat fil-Premessa 27 tad-Direttiva, li minnha jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ użu ta’ ċerti testi fuq il-pakketti ta’ prodotti tat-tabakk, bħal per eżempju “[kontenut ta’] qatran baxx” “ħfief”, “ħfief ħafna”, “mhux qawwija”, kif ukoll ta’ ċerti denominazzjonijiet, stampi jew sinjali figurattivi jew oħrajn, hija mmotivata mill-biża’ li dawn id-deskrizzjonijiet jistgħu jqarrqu bil-konsumatur billi jaħseb li dawk il-prodotti jagħmlu anqas ħsara u jagħtu lok għall-bidliet fil-konsum. Din il-premessa tippreċizza f’dan ir-rigward li l-kwantitajiet ta’ sustanzi ta’ ħsara miġbuda jiddependu mhux biss mill-kwantitajiet ta’ dawn preżenti fil-prodott qabel il-konsum tiegħu, iżda wkoll mill-komportament ta’ dawk li jpejjpu u mid-dipendenza, b’mod li l-użu tat-testi deskrittivi in kwistjoni, li ma jqisx dan l-aspett, jista’ jippreġudika r-rekwiżiti ta’ ttikkettjar stipulati f’din id-Direttiva.

135    Moqri fid-dawl tal-Premessa 27 tad-Direttiva, l-Artikolu 7 tagħha, huwa intiż sabiex jiżgura li l-konsumatur jkun infurmat b’mod oġġettiv fir-rigward tal-ħsara li jikkawżaw il-prodotti tat-tabakk.

136    Din il-ħtieġa li tkun mogħtija informazzjoni hija adatta sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fl-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għad-deskrizzjoni tal-prodotti tat-tabakk.

137    Issa, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jeċċeddi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-indikazzjoni ta’ dawn il-kontenuti ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ ossidu tal-karbonju, skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tiżgura li l-konsumatur ikun infurmat b’mod oġġettiv fir-rigward tal-ħsara li jikkawżaw il-prodotti tat-tabakk marbuta ma’ dawn is-sustanzi, filwaqt li l-użu ta’ elementi deskrittivi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva ma jiggarantixxix li l-konsumatur huwa infurmat b’mod oġġettiv.

138    Fil-fatt kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punti 241 sa 248 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-elementi deskrittivi jistgħu jqarrqu lill-konsumatur. L-ewwel nett dawn jistgħu jiddeskrivu, bħat-test “mhux qawwija”, sensazzjoni ta’ togħma, mingħajr rabta mal-kontenut ta’ sustanzi ta’ ħsara tal-prodott. It-tieni nett, testi bħal “[kontenut ta’] qatran baxx” “ħfief”, “ħfief ħafna”, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni dwar l-użu ta’ dawn it-testi, ma jirreferux għal limiti kwantittativi speċifiċi. It-tielet nett, anke jekk il-prodott in kwistjoni għandu kontenut baxx ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ ossidu tal-karbonju meta mqabbel ma’ prodotti oħra, xorta jibqa’ l-fatt, minn naħa, li l-kwantità ta’ dawn is-sustanzi effettivament miġbuda mill-konsumatur tiddepenedi wkoll fuq il-manjiera ta’ tipjip tiegħu u, min-naħa l-oħra, li dan il-prodott jista’ jkollu sustanzi oħra li jagħmlu l-ħsara. Ir-raba’ nett, l-użu ta’ elementi deskrittivi li jissuġġerixxu li l-konsum ta’ prodott tat-tabakk partikolari huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa meta mqabbel ma’ prodotti oħra tat-tabakk joħloq riskju li t-tipjip jiġi inkoraġġut.

139    Barra minn dan, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ jikkunsidra mingħajr ma jeċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu f’dan il-qasam, li, sabiex ikun żgurat li l-konsumatur ikun infurmat b’mod oġġettiv fir-rigward tal-ħsara li jikkawżaw il-prodotti tat-tabakk, il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 7 tad-Direttiva kienet neċessarja u li, b’mod partikolari, ma kienx hemm miżura alternattiva li tippermetti li dan jiġi milħuq bl-istess effettività filwaqt li jkunu ristretti b’inqas mod id-drittijiet tal-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk.

140    Fil-fatt, mhuwiex evidenti li s-sempliċi regolamentazzjoni ta’ l-użu ta’ l-elementi deskrittivi previsti fl-imsemmi Artikolu 7, kif proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, Elleniku u Lussemburgiż, jew il-fatt li fuq l-imballaġġ tal-prodotti tat-tabakk ikun indikat, kif issuġġerixxiet Japan Tobacco, li l-kwantitajiet ta’ sustanzi ta’ ħsara miġbuda jiddependu wkoll mill-komportament ta’ dawk li jpejjpu kienu jiżguraw li l-konsumatur ikun infurmat b’mod oġġettiv, fid-dawl tal-fatt li f’kull każ dawn l-elementi deskrittivi, jistgħu minnhom infushom, jinkoraġġixxu t-tipjip.

141    Mill-kunsiderzzjonijiet preċedenti dwar id-domanda 1(c) jirriżulta li d-Direttiva mhijiex invalida minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq id-domanda 1(d)

142    Permezz tad-domanda 1(d) tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva hijiex totalment jew parzjalment invalida minħabba l-ksur ta’ l-Artikolu 295 KE, tad-dritt fundamentali għal proprjetà u/jew ta’ l-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar Aspetti ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali li għandhom x’jaqsmu mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim WTO”), approvat f’isem il-Komunità Ewropea, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 336, p.1).

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

143    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva jiksru l-Artikolu 295 KE, kif ukoll id-dritt fundamentali għal proprjetà u/jew l-Artikolu 20 tal-Ftehim TRIPs, li jistipola li l-użu ta’ trade mark m’għandux ikun ostakolat b’mod inġustifikat minn rekwiżiti speċjali bħal użu li jista’ jċaħħad lil tali trade mark mill-kapaċità tagħha li tiddistingwi l-oġġetti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra. Huma jisħqu f’dan ir-rigward li d-daqs kbir ħafna tat-twissijiet il-ġodda dwar is-saħħa previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali tagħhom. Fil-fatt dawn it-twissijiet jiddominaw id-dehra ġenerali ta’ l-imballaġġi tal-prodotti tat-tabakk u għaldaqstant jillimitaw jew jimpedixxu l-użu, mill-manufatturi ta’ dawn il-prodotti, tat-trade marks tagħhom. Bl-istess mod, huma jisħqu li l-projbizzjoni assoluta ta’ użu tat-testi deskrittivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva ċċaħħadhom minn ċertu numru ta’ trade marks tagħhom peress li ma jkunux iktar awtorizzati jużawhom.

144    Skond Japan Tobacco, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprojbixxiha milli teżerċita d-dirttijiet tagħha ta’ proprjetà intelletwali billi jimpeddixxiha milli tuża t-trade mark tagħha Mild Seven fil-Komunità u billi jċaħħadha mill-benefiċċju ekonomiku tal-liċenżji esklussivi tagħha fuq din it-trade mark. Effett bħal dan partikolarment iwassal għal ksur tad-dritt għal proprjetà, li huwa rikonoxxut bħala dritt fundamentali fis-sistema ġuridika Komunitarja, protett mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Dirttijiet tal-Bniedem u stabbilit ukoll fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

145    Il-Gvern Elleniku u dak Lussemburgiż isostnu li l-Artikolu 7 tad-Direttiva jinvolvi ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk u jippreġudika r-riżultati finanzjarji tagħhom peress li dan għandu bħala effett, in kwantu jipprojbixxi assolutament l-użu ta’ ċerti testi deskrittivi, li jipprojbixxi purament u sempliċiment ċerti trade marks regolarment irreġistrati minn dawn il-manufatturi.

146    Il-Gvern tar-Renju Unit, Belġjan, Franċiż, Olandiż u Żvediż kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummisjoni, qabel kollox isostnu li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva m’għandhom ebda effett fuq ir-regoli li jirregolaw il-proprjetà fl-Istati Membri, fis-sens ta’ l-Artikolu 295 KE. Huma jsostnu wkoll li d-dritt fundamentali għal proprjetà mhuwiex dritt assolut, iżda dan jista’ jkun limitat minħabba motivi ta’ interess ġenerali bħal, per eżempju fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fl-aħħar nett, skondhom, il-Ftehim TRIPs m’għandux effett dirett u, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jmorrux kontra l-Artikolu 20 ta’ dan il-ftehim, peress li din ma timpeddixxix lil kull manufattur tas-sigaretti milli jkompli juża t-trade mark tiegħu billi jiddistingwixxiha minn oħrajn permezz ta’ testi, sinjali, kuluri u disinni li huma partikolari għaliha u li l-manufattur jista’ jqiegħed fuq l-uċuħ disponibbli ta’ l-imballaġġ tal-prodotti tat-tabakk.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

147     Qabel kollox f’dak li jikkonċerna l-validità tad-Direttiva fir-rigward ta’ l-Artikolu 295 KE, għandu jkun mfakkar li, skond din id-dispożizzjoni, “it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”. Din id-dispożizzjoni tillimita ruħha tirrikonoxxi s-setgħa li l-Istati Membri għandhom li jiddefinixxu r-regoli li jirregolaw il-proprjetà u ma tistax tipprojbixxi kull intervent Komunitarju li għandu effett fuq l-eżerċizzju ta’ dritt għal proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummisjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 499 u 500).

148    Għandu jkun ikkonstatat li, f’dan il-każ, id-Direttiva bl-ebda mod ma taffettwa r-regoli li jirregolaw il-proprjetà fl-Istati Membri, fis-sens ta’ l-Artikolu 295 KE, u li dan huwa rrilevanti fir-rigward ta’ l-effett eventwali tad-Direttiva fuq l-eżerċizzju, mill-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk, tad-dritt tagħhom għal trade mark fuq dawn il-prodotti.

149    Sussegwentement f’dak li jirrigwarda l-validità tad-Direttiva fir-rigward tad-dritt għal proprjetà, għandu jkun mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt jifforma parti mill-prinċpiji ġenerali tad-dritt Komunitarju, iżda madankollu mhuwiex dritt assolut peress li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni soċjali tiegħu. B’konsegwenza għal dan, l-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà jista’ jkun ristrett, sakemm dawk ir-restrizzjonijiet fil-fatt jikkorrispondu ma’ għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Komunità trid tilħaq, u ma jikkostitwixxux, fid-dawl ta’ l-għan li jrid jiġi milħuq, intereferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk garantiti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal- 11 ta’ Lulju 1989, Schräder, C-265/87, Ġabra p.2237, punt 15, tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p.I-4973, punt 78 u tad-29 ta’ April 1999, Standley et, C-239/97, Ġabra p. I-2603, punt 54).

150    Kif jirriżulta mill-punti 131 u 132 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5 tad-Direttiva għandu biss bħala effett li jillimita d-dritt tal-maufatturi ta’ prodotti tat-tabakk li jużaw l-ispazju li jinstab fuq ċertu wċuħ tal-pakketti tas-sigaretti jew ta’ pakketti ta’ prodotti tat-tabakk sabiex iqegħdu hemmhekk it-trade marks tagħhom, mingħajr ma jippreġudika s-sustanza tad-dritt għal trade mark tagħhom, u dan sabiex ikun garantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fit-tneħħija ta’ l-ostakli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-ittikkettjar. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, l-Artikolu 5 jikkostitwixxi restrizzjoni proporzjonata għall-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà, kompatibbli mal-protezzjoni rikonoxxuta lilu mid-dritt Komunitarju.

151    Fir-rigward ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li mill-punti 134 sa 141 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jiggarantixxi, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fl-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għad-deskrizzjoni ta’ prodotti tat-tabakk.

152    Għalkemm huwa veru li dan l-Artikolu jinvolvi l-projbizzjoni, limitata għall-imballaġġ tal-prodotti tat-tabakk, li tintuża trade mark li tinkorpora wieħed mill-elementi deskrittivi koperti minn din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li manufattur ta’ prodotti tat-tabakk jista’ jkompli, minkejja t-tneħħijja ta’ daw l-elementi deskrittivi minn fuq l-imballaġġ, jindividwalizza l-prodott tiegħu minn dak ta’ oħrajn permezz ta’ sinjali deskrittivi oħra. Barra minn dan, id-Direttiva tipprevedi terminu ta’ żmien suffiċjenti bejn l-adozzjoni tagħha u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 7.

153     Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-restrizzjonijiet għad-dritt għal trade mark li jistgħu jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Direttiva jikkorrispondu effetivament għal għan ta’ interess ġenerali li l-Komunità trid tilħaq u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta’ l-għan li jrid jiġi milħuq, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza stess ta’ dan id-dritt.

154    Fl-aħħar nett fir-rigward tal-validità tad-Direttiva fid-dawl ta’ l-Artikolu 20 tal-Ftehim TRIPs, għandu jkun mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-legalità ta’ att Komunitarju ma tistax tkun evalwata fid-dawl ta’ instrumenti tad-dritt internazzjonali li, bħall-Ftehim WTO u l-Ftehim TRIPs li jifforma parti minnu, mhumiex fil-prinċipju, b’rigward għan-natura u għall-istruttura tagħhom, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 47; L-Olanda vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-301/97, Ġabra p. I-8853, punt 53, u tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93).

155    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li biss fil-każ fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO, jew fil-każ li l-att Komunitarju jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Portugall vs Il-Kunsill, punt 49; L-Olanda vs Il-Kunsill, punt 54, u Omega Air et, punt 94).

156    Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti fil-każ tad-Direttiva, b’ mod li mhemmx lok li tkun eżaminta l-validità tagħha fid-dawl ta’ l-Artikolu 20 tal-Ftehim TRIPs.

157    Milll-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar id-domanda 1(d) jirriżulta li d-Direttiva mhijiex invalida minħabba ksur ta’ l-Artikolu 295 KE jew tad-dritt fundamentali għal proprjetà.

 Fuq id-domanda 1(e)

158    Permezz tad-domanda 1(e) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva hijiex totalment jew parzjalment invalida minħabba ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

159    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li anke jekk kellu jiġi aċċettat li l-leġiżlatur Komunitarju għandu s-setgħa sabiex jilleġiżla mill-ġdid fir-rigward tal-kontenuti ta’ qatran u l-ittikkettjar abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE, filwaqt li dawn il-kwistjonijiet, preċedentement, diġà kienu ġew armonizzati fuq il-livell Komunitarju, tali leġiżlazzjoni għandha għal ta’ l-inqas tkun ibbażata fuq “żvilupp ġdid [ib]bażat fuq bażi [fatti] xjentiċi”, fis-sens ta’ l-Artikolu 95(3) KE. Għaldaqstant, in-nuqqas fid-Direttiva ta’ kull referenza għal fatti xjentifiċi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-kontenut ta’ qatran u l-ittikkettjar li jinstabu fl-Artikoli 3 u 5 tagħha huwa kuntrarju għall-Artikolu 253 KE.

160    Skond Japan Tobacco, id-Direttiva ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE in kwantu din ma tispjegax ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li wasslu lil-leġiżlatur Komunitarju jikkonkludi li l-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti elementi deskrittivi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva kienet neċessarja.

161    Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva huwa invalidu in kwantu dan jipprevedi projbizzjoni ta’ manufattura ta’ sigaretti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti dwar il-kontenuti massimi ta’ sustanzi ta’ ħsara u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mingħajr mhuma indikati, fil-premessi ta’ din id-direttiva, ir-raġunijiet li għalihom il-protezzjoni tas-saħħa fil-Komunità tkun affettwata b’mod sinjifikattiv permezz ta’ importazzjoni mill-ġdid b’mod illegali ta’ prodotti tat-tabakk immanufatturati f’din ta’ l-aħħar.

162    Il-Gvern Elleniku, b’mod partikolari, isostni li s-sempliċi referenza, fil-Premessa 11 tad-Direttiva, għall-ħtieġa li jkunu adottati regoli sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern ma jkunux ippreġudikati ma tissodisfax ir-rekwiżit li jkunu stipolati r-raġunijiet previst fl-Artikolu 253 KE, peress li din il-premessa ma tinkludix deskrizzjoni ġenerali tal-perikolu eżistenti jew futur, probabbli ħafna, imsemmi fiha.

163    Il-Gvern Lussemburgiż iqis li d-Direttiva hija vvizjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni peress li, b’mod partikolari, il-premessi tagħha jillimitaw ruħhom jirrepetu l-istess referenza għall-“operazzjoni bla xkiel [funzjonament tajjeb] tas-suq intern”, mingħajr madankollu ma jispeċifikaw ir-raġuni li għaliha dan ikun kompromess fin-nuqqas ta’ adozzjoni tad-Direttiva.

164    Skond il-Gvern tar-Renju Unit, Belġjan, Franċiż, Taljan u Olandiż kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill, id-Direttiva tinkludi biżżejjed raġunijiet fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE. F’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, isostnu li l-leġiżlatur Komunitarju mhuwiex obbligat jimmotiva speċifikament kull waħda mill-għażliet tekniċi li huwa jgħamel.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

165    Għandu jkun imfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-awtorita Komunitarja li adottat l-att ikkontestat, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, mhuwiex meħtieġ li din tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummisjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29).

166    Barra minn dan, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex irrispettat għandha tkun evalwata fid-dawl ta’ mhux biss il-kliem ta’ l-att ikkontestat, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Għaldaqstant, jekk l-att ikkontestat juri l-għan essenzjali li l-istituzzjoni trid tikseb, ikun inutili li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li hija għamlet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2001, L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummisjoni, C-100/99, Ġabra p. I-5217, punt 64).

167    Issa, fir-rigward tad-Direttiva, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-premessi tagħha juru biċ-ċar li l-miżuri li hija tistabbilixxi huma intiżi, billi japprossimaw ir-regoli applikabbli f’dan il-qasam, sabiex jeliminaw l-ostakoli li jirriżultaw mid-differenzi li għadhom jeżistu, minkejja l-miżuri ta’ armonizzazzjoni diġà adottati, bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-manufattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakkk u li jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern.

168    Dan huwa qabel kollox il-każ ta’ l-ewwel tliet premessi tad-Direttiva, li juru biċ-ċar li l-għan tagħha huwa li tadatta d-Direttivi 89/622 u 90/239, billi temenda u tikkompleta d-dispożizzjonijiet tagħhom bil-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk.

169    Dan huwa wkoll il-każ tal-Premessa 5, 7, 9, 11, 14, 19 u 27 tad-Direttiva, li jispeċifikaw l-aspetti prinċipali li fir-rigward tagħhom ir-rinfurzar tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni eżistenti jew l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni ġodda huma meqjusa neċessarji mil-leġiżlatur Komunitarju, f’dak li jikkonċerna, rispettivament, il-limiti massimi tal-kontenut ta’ qatran, ta’ ossidu tal-karbonju u ta’ nikotina permessibbli fis-sigaretti, l-impatt tad-Direttiva fuq il-prodotti tat-tabakk esportati mill-Komunità, ir-regoli li jippermettu l-kalkulazzjoni tal-kontenuti ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ ossidu tal-karbonju tas-sigaretti, il-preżentazzjoni ta’ twissijiet dwar is-saħħa u l-indikazzjoni ta’ dawn il-kontenuti fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk kif ukoll il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti elementi deskrittivi fuq l-imballaġġ tal-prodott tat-tabakk.

170    L-argument li d-Direttiva kien imissa rrefferiet għal fatti xjentifiċi sabiex tiġġustifika d-dispożizzjonijiet il-ġodda li hija tinkorpora fir-rigward tal-miżuri Komunitarji adottati preċedentement ma jistax ikun aċċettat. Fil-fatt, mill-punt 80 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 95 KE ma jeħtieġx li jkun invokat l-iżvilupp ta’ l-għarfien xjentifiku sabiex il-leġiżlatur Komunitarju jkun jista’ jadotta miżuri bbażati fuq din id-dispożizzjoni.

171    Fir-rigward ta’ l-argument li d-Direttiva mhijiex korrettament immotivata in kwantu din tipprevedi projbizzjoni ta’ manufattra ta’ sigaretti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, lanqas dan ma jista’ jkun aċċettat, in kwantu l-indikazzjoni li tinstab fil-Premessa 11 tad-Direttiva, li abbażi tagħha, f’dak li jikkonċerna dawn il-prodotti, għandhom ikunu adottati regoli sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern ma jkunux affettwati, tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

172    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar id-domanda 1(e) jirriżulta li d-Direttiva mhijiex invalida minħabba l-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

 Fuq id-domanda 1(f)

173    Permezz tad-domanda 1(f), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva hijiex totalment jew parzjalment invalida minħabba ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

174    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaffermaw li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika għall-miżuri dwar is-suq intern bħad-Direttiva u li, meta din kienet ġiet adottata, il-leġiżlatur Komunitarju totalment naqas milli jikkunsidra dan il-prinċipju jew, f’kull każ, naqas milli jikkunsidrah b’mod korrett. Fil-fatt kieku huwa kien għamel hekk, huwa kien imissu wasal għall-konklużjoni li l-adozzjoni tad-Direttiva ma kinitx neċessarja, peress li regoli armonizzati kienu diġà ġew stabbiliti mid-Direttivi 89/622 u 90/238 bil-għan li jkunu eliminati l-ostakli għall-kummerċ ta’ prodotti tat-tabakk. Barra minn dan, ma kienet tressqet ebda prova dwar l-impossibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw il-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika li huma jqisu neċessarji

175    Il-Gvern Belġjan u l-Parlament isostnu li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax għad-Direttiva, safejn dan il-prinċipju huwa applikabbli biss fl-oqsma li ma jaqawx taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità, filwaqt li l-imsemmija Diretttiva, adottata bil-għan li jkun milħuq suq intern, taqa’ taħt tali kompetenza esklussiva. F’kull każ, anke jekk kellu jkun ammess li dan il-prinċipju kien japplika għad-Direttiva, dan kien ġie irrispettat f’dan il-każ, peress li l-azzjoni meħuda ma setgħetx tkun milħuqa b’mod suffiċjenti fuq il-livell ta’ l-Istati Membri.

176    Il-Gvern tar-Renju Unit, Franċiż, Olandiż u Żvediż, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummisjoni, iqisu li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa applikabbli fil-każ preżenti u kien ġie rrispettat mid-Direttiva. Il-Gvern tar-Renju Unit u Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, b’mod partikolari, li l-kunsiderazzjonijiet stipolati fil-punti 30 sa 34 tas-sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, huma trasponibbli f’dan il-każ u jwasslu għall-konklużjoni li d-Direttiva hija valida fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Skond il-Gvern Olandiż u l-Kummisjoni, meta l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ l-Artikolu 95 KE huma sodisfatti, huma sodisfatti wkoll dawk ta’ azzjoni Komunitarja taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 KE, peress li mhemmx dubju li ebda Stat Membru ma jista’, waħdu, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jimpedixxi kull diverġenza bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom effett fuq il-kummerċ.

 L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

177    Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa stipolat fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 KE, li abbażi tiegħu, f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklussiva tagħha, il-Komunità tista’ tieħu azzjoni biss jekk u sakemm l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta ma jistgħux ikunu suffiċjentement milħuqa mill-Istati Membri u għaldaqstant, jistgħu minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ l-azzjoni proposta, ikunu milħuqa aħjar fuq livell Komunitarju.

178    L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jippreċiża li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jqiegħedx f’ dubju s-setgħat mogħtija lill-Komunità mit-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

179    Qabel kollox hemm lok li jiġi indikat li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika meta l-leġiżlatur Komunitarju juża l-Artikolu 95 KE, in kwantu din id-dispożizzjoni ma tagħtihx kompetenza esklussiva sabiex jirregola l-attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern, iżda biss kompetenza bil-għan li jkunu mtejjba l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tiegħu, billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti u għal-libertà li jkunu pprovduti servizzi jew billi jitneħħew id-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk, punti 83 u 95).

180    F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva kinitx ġiet adottat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandu l-ewwel nett ikun eżaminat jekk l-għan ta’ l-azzjoni proposta setax ikun milħuq aħjar fuq il-livell Komunitarju.

181    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, ikkonstatat li l-għanijiet tad-Direttiva huma li telimina l-ostakoli li jirriżultaw mid-differenzi li għadhom jeżistu bejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri fuq il-manufattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk, filwaqt li jkun assigurat, skond l-Artikolu 95(3) KE, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.

182    Għan bħal dan ma jistax ikun milħuq b’mod sodisfaċenti permezz ta’ azzjoni adottata fuq il-livell ta’ l-Istati Membri biss u jitlob azzjoni fuq il-livell Komunitarju, kif juri l-iżvilupp varju tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-każ (ara l-punt 61 ta’ din is-sentenza).

183    Minn dan isegwi li, fil-każ tad-Direttiva, l-għan ta’ l-azzjoni proposta seta’ jkun milħuq aħjar fuq il-livell Komunitarju.

184    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-intensità ta’ l-azzjoni adottata mill-Komunità f’dan il-każ ukoll irrispettat ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fis-sens li, kif jirriżulta mill-punti 122 sa 141 ta’ din is-sentenza, din ma eċċeddietx dak li kien neċessarju sabiex jiġi milħuq l-għan li din l-azzjoni trid tilħaq.

185    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar id-domanda 1(f) jirriżulta li d-Direttiva mhijiex invalida minħabba ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

 Fuq id-domanda 1(g)

186    Permezz tad-domanda 1(g) tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva hijiex totalment jew parzjalment invalida minħabba użu ħażin ta’ poter.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

187    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Elleniku jsostnu li d-Direttiva tikkostitwixxi abbuż ta’ poter, in kwantu l-għan uniku tagħha huwa l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u mhux l-iżvilupp tas-suq intern jew l-iżvilupp tal-politika kummerċjali komuni. Huma partikolarment isostnu li l-projbizzjoni fuq il-manufattura ta’ sigaretti intiżi għall-esportazzjoni kienet ġiet introdotta bil-għan uniku li tkun protetta s-saħħa tar-residenti ta’ pajjiżi terzi.

188    Skond il-Gvern tar-Renju Unit, Belġjan, Franċiż, Olandiż u Żvediż, kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill, l-argument ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter huwa bbażat fuq l-affermazzjoni żbaljata li d-Direttiva hija miżura ta’ saħħa pubblika moħbija.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

189    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja repettitivament iddeċidiet, att huwa vvizjat b’ użu ħażin ta’ poter biss jekk, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jirriżulta li dan kien ġie adottat bl-għan esklussiv, jew ta’ l-inqas determinanti, li jiġu milħuqa għanijiet oħra għajr dawk iddikjarati jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex ikunu affrontati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fdesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24; tat-13 ta’ Lulju 1995, Il-Parlament vs Il-Kummisjoni, C-156/93, Ġabra p. I-2019, punt 31, ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Windpark Groothusen vs Il-Kummisjoni, C-48/96 P, Ġabra p. I-2873, punt 52 u dik tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763 punt 137).

190    Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ l-esklużjoni espressa ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri intiżi sabiex jipporteġu u jtejbu s-saħħa umana, stipolata fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 129(4) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 152(4) KE), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li artikoli oħra tat-Trattat ma jistgħux ikunu użati bħala bażi legali sabiex tiġi evitata din l-esklużjoni (sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk, punt 79). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li, sakemm il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ l-Artikoli 100a, 57(2) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 47(2) KE) u 66 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 55 KE) bħala bażi legali huma sodisfatti, il-leġiżlattur Komunitarju ma jistax ikun ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq dik il-bażi legali minħabba l-fatt li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fattur deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru (sentenza dwar ir-reklamar favur it-tabakk, punt 88).

191    Issa minn naħa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ l-Artikolu 95 KE huma sodisfatti fil-każ tad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma ġie stabbilit li din kienet ġiet adottata bil-għan esklussiv, jew għal ta’ lanqas deċisiv, li jiġi milħuq għan ieħor għajr dak intiż sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk.

192    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar id-domanda 1(g) jirriżulta li d-Direttiva mhijiex invalida minħabba użu ħażin ta’ poter.

 Fuq ir-risposta għall-ewwel domanda kkunsidrata fit-totalità tagħha

193    Hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda kkunsidrata fit-totalità tagħha tkun li l-eżami ta’ din id-domanda ma rrileva ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Direttiva.

 It-tieni mistoqsija

194    Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva għandux ikun interpretat fis-sens li dan japplika biss għall-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati fil-Komunità jew ukoll għall-prodotti tat-tabakk imballati f’din ta’ l-aħħar u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

  Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

195    Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Elleniku, Irlandiż, Lussemburgiż, Olandiż u Żvediż, kif ukoll skond il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-Artikolu 7 tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li dan ma japplikax għall-prodotti tat-tabakk imballati fil-Komunità u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, imma biss għall-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati f’din ta’ l-aħħar.

196    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward huma jsostnu li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li japplika l-projbizzjoni li tinstab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva wkoll fir-rigward tal-prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ma tirriżulta la mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas minn dak tal-premessi tad-Direttiva u, b’mod partikolari, tal-Premessa 27.

197    Sussegwentement huma jsostnu li, fid-dawl ta’ l-effetti sfavorevoli tal-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni għall-manufatturi ta’ prodotti tat-tabakk, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

198    Huma fl-aħħar nett iqisu li, kif jirriżulta mill-Premessa 27 tad-Direttiva, l-għan ta’ l-Artikolu 7 tagħha huwa li jevita li r-rekwiżiti dwar l-ittikkettjar definiti fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva jispiċċaw bla skop. Għaldaqstant, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom ikunu interpretati bħala li għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni. Issa, l-Artikolu 5(1) tagħha jistabbilixxi reġim linġwistiku speċifiku għall-finijiet tagħha, abbażi tal-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membri, u għaldaqstant japplika biss għall-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati fil-Komunità.

199    Skond il-Gvern tar-Renju Unit, Belġjan, Franċiż, Taljan u Finlandiż, l-Artikolu 7 tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li dan japplika wkoll għall-prodotti tat-tabakk imballati fil-Komunità u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

200    L-ewwel nett f’dan ir-rigward huma jsostnu li, meta l-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprevedi li ċerti elementi deskrittivi ma jistgħux ikunu użati “fuq l-ippakkeġġar [imballaġġ] ta’ prodotti tat-tabakk” il-portata ta’ din il-projbizzjoni mhijiex limitata b’referenza għall-post ta’ konsum ulterjuri ta’ l-imsemmija prodotti.

201    Barra minn hekk huma jsostnu li l-Artikolu 152(1) KE jeħtieġ li fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u ta’ l-attivitajiet tal-Komunità kollha jkun assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa umana. Dan l-obbligu jestendi għall-politika kummerċjali komuni, fatt li jissuġġerixxi wkoll li jekk il-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7, huwa kien jindika hekk espressament.

202    Fl-aħħar nett huma jsostnu li l-elementi deskrittivi li għandhom jidhru fuq l-imballaġġi tal-prodotti tat-tabakk għandhom ikunu identiċi, irrispettivament mid-destinazzjoni tagħhom, b’kunsiderazzjoni għar-riskji ta’ introduzzjoni mill-ġdid fil-Komunità ta’ prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

203    Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, hemm lok li jiġi kkunsidrat mhux biss it-test tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha din tifforma parti (ara s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas, C-223/98, Ġabra p. I-7081, punt 23, tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21, tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 50, u ta’ l-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C-191/99, Ġabra p. I-4447, punt 30).

204    F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-kliem ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva fih innifsu ma jippermettix li tinqata’ l-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni li dan jistipola tapplikax biss għall-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati fil-Komunità jew jekk din tikkonċernax ukoll il-prodotti tat-tabakk imballati fil-Komunità u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

205    Fuq dan il-punt l-Artikolu 7 tad-Direttiva jiddistingwi ruħu mill-Artikolu 3 tagħha, li minnu ċarament jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li huwa jistabbilixxi dwar il-kontenuti massimi ta’ sustanzi ta’ ħsara tas-sigaretti japplikaw ukoll għal dawk immanufatturati fil-Komunità u esportati minnha. B’differenza għall-Artikolu 7 tagħha, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jipprevedi, b’mod partikolari, terminu supplementari għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(1) fir-rigward tas-sigaretti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

206    Għaldaqstant, sabiex ikun interpretat il-kamp ta’ applikazjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva huwa neċessarju li jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest iffurmat mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva.

207    F’dan ir-rigward, mill-Premessa 27 tagħha jirriżulta li l-Artikolu 7 tagħha huwa intiż b’mod partikolari sabiex jimpedixxi li r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-ittikkettjar, definiti fl-Artikolu 5 tagħha, jispiċċaw bla skop.

208    Fl-iskema ġenerali tad-Direttiva, l-Artikoli 5 u 7 jikkostitwixxu fil-fatt żewġ dispożizzjonijiet li jikkumplementaw lil xulxin peress li l-Aritkolu 5(1) jistipola li l-pakketti tas-sigareti għandhom jindikaw il-kontenuti ta’ sustanzi ta’ ħsara, filwaqt li jiżgura b’hekk li tingħata informazzjoni oġġettiva lill-konsumatur dwar il-ħsara li jikkawżaw il-prodotti tat-tabakk marbuta ma’ dawn is-sustanzi, filwaqt li l-Artikolu 7 jipprojbixxi l-użu ta’elementi deskrittivi li jistgħu jingannaw lill-konsumatur f’dan ir-rigward.

209    Issa, mill-Artikolu 5 tad-Direttiva jirriżulta li din tistabbilixxi rekwiżiti fir-rigward ta’ l-ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk biss fir-rigward ta’ dawk minnhom li huma intiżi sabiex ikunu kkummerċjalizzati fil-Komunità.

210    Tali interpretazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-Artikolu 5(6)(e) tad-Direttiva jistipola li t-test tat-twissijiet u ta’ l-indikazzjonijiet tal-kontenuti meħtieġa minn dan l-Artikolu għandu jkun stampat “fl-ilsien [fil-lingwa] jew ilsna [lingwi] uffiċċjali ta’ l-Istat Membru fejn il-prodott jitpoġġa fis-suq [huwa kkummerċjalizzat]”.

211    Fir-rigward ta’ l-għanijiet li d-Direttiva trid tikseb, għandu jkun mfakkar li l-għan prinċipali tagħha huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk filwaqt li tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.

212    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-prinċipju jikkonċernaw biss il-prodotti tat-tabakk intiżi sabiex ikunu kkummerċjalizzati fis-suq intern.

213    Huwa veru li, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fil-punti 82 sa 91 ta’ din is-sentenza, li r-riskju li s-suq intern jista’ jiġi ppreġudikat jista’ jiġġustifika l-adozzjoni, abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE, ta’ dispożizzjoni li tikkonċerna prodotti esportati lejn pajjiżi terzi, bħala miżura intiża sabiex tevita li d-dispożizzjonijiet stabbiliti għas-suq intern ikunu evitati.

214    Madankollu, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva għall-prodotti tat-tabakk intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi f’dan il-każ kien espressament previst mil-leġiżlatur Komunitajru, b’rigward għall-evalwazzjoni tiegħu tar-riskji li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kontenuti massimi ta’ sustanzi ta’ ħsara tas-sigaretti, marbuta ma’ l-eventwali importazzjonijiet mill-ġdid b’mod illegali fil-Komunità jew ma’ l-eventwali devjazzjoni tal-kummerċ fi ħdan il-Komunità.

215    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, dawn, bħal dawk ta’ l-Artikolu 5 tagħha, jikkonċernaw il-preżentazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk u mhux il-kompożizzjoni tagħhom. Ir-riskji li s-suq intern jiġi ppreġudikat li jirriżultaw mill-kummerċjalizzazzjoni illegali, minn naħa, ta’ sigaretti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva fir-rigward tal-kontenuti massimi ta’ sustanzi ta’ ħsara u, min-naħa l-oħra, ta’ prodotti tat-tabakk mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ din ta’ l-aħħar dwar l-ittikkettjar u l-informazzjoni li għandha tidher fuq l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti, mhumiex neċessarjament ta’ l-istess severità jew ta’ l-istess natura u mhux bilfors jimplikaw l-adozzjoni ta’ l-istess miżuri.

216    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni għal dan il-għan fid-Direttiva, mhemmx raġuni li jkun preżunt li l-leġiżlatur Komunitarju ried jikkompleta l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tat-tabakk li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 7 tagħha permezz ta’ projbizzjoni simili li tikkonċerna l-prodotti tat-tabakk imballati fil-Komunità u intiżi sabiex ikunu kkummerċjalizzati f’pajjiżi terzi.

217    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li dan japplika biss għall-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati fil-Komunità.

 Fuq l-ispejjeż

218    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit, Belġjan, Ġermaniż, Elleniku, Franċiż, Irlandiż, Taljan, Lussemburgiż, Olandiż, Finlandiż u Żvediż kif ukoll mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li ressqu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

hija u tiddeċiedi fuq id-domandi magħmula lilha mill-High Court of Justice (England & Wales) Queen’s bench Division (Administrative Court), b’digriet tas-6 ta’ Diċembru 2001, taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-eżami ta’ l-ewwel domanda ma rrileva ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk.

2)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/37 għandu jkun interpretat fis-sens li dan japplika biss għall-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati fil-Komunità.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Edward

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

Colneric

von Bahr

 

      Cunha Rodrigues

 

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussembrugu, fl-10 ta’ Diċembru 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.