Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-27 ta’ Ġunju 2013 – B. Martens vs Minister van Onderwijs, Cultuur en Wetenschap

(Kawża C-359/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Centrale Raad van Beroep

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: B. Martens.

Konvenut: Minister van Onderwijs, Cultuur en Wetenschap

Domandi preliminari

1A.    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru tal-UE (il-Pajjiżi l-Baxxi) itemm id-dritt għall-finanzjament għall-edukazzjoni barra mill-UE ta’ wild maġġorenni dipendenti fuq ħaddiem transkonfinali li għandu ċ-ċittadinanza Olandiża, li jirrisjedi fil-Belġju u jaħdem parzjalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u parzjalment fil-Belġju, meta tali xogħol transkonfinali jintemm u l-attivitajiet jibqgħu jiġu eżerċitati fil-Belġju, minħabba li l-wild ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ mill-inqas tliet snin fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sitt snin li jippreċedu r-reġistrazzjoni tiegħu fl-istabbiliment ta’ edukazzjoni kkonċernat?

1B.    Jekk ir-risposta li tingħata għad-domanda 1A tkun fl-affermattiv, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal perijodu iqsar mit-tul ta’ tali edukazzjoni, filwaqt li jitqies li r-rekwiżiti l-oħra li jirregolaw l-eliġibbiltà għall-finanzjament ikunu ġew sodisfatti?

Jekk fir-risposta għad-domandi 1A u 1B, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma tipprekludix deċiżjoni li tipprovdi li ma għandux jingħata finanzjament għall-edukazzjoni lil B. Martens matul il-perijodu bejn Novembru 2008 u Ġunju 2011, jew matul parti minn tali perijodu:

2.    L-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru tal-UE (il-Pajjiżi l-Baxxi) ma jestendix il-finanzjalment għall-edukazzjoni fi stabbiliment ta’ edukazzjoni f’PTEE (Curaçao), li jagħti lok għalih ix-xogħol ta’ missier il-persuna kkonċernata bħala ħaddiem transkonfinali, minħabba li l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni, applikabbli għal kull ċittadin tal-Unjoni, inklużi ċ-ċittadini tagħha stess, ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ mill-inqas tliet snin mis-sitt snin li jippreċedu r-reġistrazzjoni tagħha għal tali edukazzjoni?

____________

1  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru°1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)