Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Specializat Mureş (ir-Rumanija) fil-31 ta’ Jannar 2019 – MF vs BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti, Secapital Sàrl

(Kawża C-75/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Specializat Mureş

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MF

Konvenuti: BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti, Secapital Sàrl

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , b’mod partikolari it-tnax-il-premessa, il-wieħed u għoxrin premessa u t-tlieta u għoxrin premessa tal-preambolu tad-Direttiva u l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva, jipprekludu interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali li tgħid li, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għal eżekuzzjoni - li, skont id-dritt intern, tirrappreżenta azzjoni speċjali li tista’ tiġi eżerċitata f’termini stabbiliti u taħt kundizzjonijiet restrittivi -, wara li tinbeda proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fil-konfront tal-opponent, il-konsumatur ma jistax jinvoka, minħabba li din tkun inammissibbli għal tali rimedju, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur - liema kuntratt ta’ kreditu jirrappreżenta titolu eżekuttiv skont il-liġi u li abbażi tiegħu inbdiet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fil-konfront tal-konsumatur -, b’riferiment għas-sistema fil-liġi interna li tipprevedi azzjoni taħt id-dritt komuni, li ma hijiex suġġetta għall-preskrizzjoni, li permezz tagħha l-konsumatur jista’ f’kull mument jitlob li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti u li jitneħħa l-effett tagħhom, mingħajr ma d-deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura toħloq konsegwenzi diretti fuq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, meta jkun jeżisti r-riskju li l-eżekuzzjoni forzata tiġi konkluża qabel ma tinkiseb deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura taħt id-dritt komuni?.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta’ 15-il jum mill-komunikazzjoni tal-ewwel atti tal-eżekuzzjoni forzata (permezz ta’ dispożizzjoni imperattiva, ta’ ordni pubbliku, li f’każ li ma tiġix osservata tiġi miċħuda l-azzjoni għaliex imressqa tard) li fih il-konsumatur opponent (debitur suġġett għall-eżekuzzjoni forzata) għandu jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jinsabu fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, fid-dawl tal-fatt li fid-dritt intern teżisti l-istess sistema wkoll minħabba l-possibbiltà li jiġu invokati lmenti simili meqjusa bħala argumenti ta’ difiża fil-mertu tal-kawża, u min-naħa l-oħra fid-dawl tal-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali malli jkollha quddiemha punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa għal dan il-għan.

____________

1 Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).